Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0391

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Settembru 2022.
    Boriss Cilevičs et vs Latvijas Republikas Saeima.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Organizzazzjoni tas-sistema edukattiva – Istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla – Obbligu li l-korsijiet ta’ studju jiġu mgħallma bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat – Artikolu 4(2) TUE – Identità nazzjonali ta’ Stat Membru – Difiża u promozzjoni tal-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru – Prinċipju ta’ proporzjonalità.
    Kawża C-391/20.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:638

    Kawża C‑391/20

    Cilevičs et

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas‑7 ta’ Settembru 2022

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Organizzazzjoni tas-sistema edukattiva – Istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla – Obbligu li l-korsijiet ta’ studju jiġu mgħallma bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat – Artikolu 4(2) TUE – Identità nazzjonali ta’ Stat Membru – Difiża u promozzjoni tal-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

    1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Domanda magħmula fuq tilwima li qamet fi Stat Membru wieħed biss – Dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli kemm għaċ-ċittadini nazzjonali kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra – Ġurisdizzjoni fid-dawl tal-possibbiltà li l-persuni li joriġinaw minn Stati Membri oħra jistgħu jiġu affettwati

      (Artikoli 49 u 267 TFUE)

      (ara l-punti 31, 32)

    2. Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi – Organizzazzjoni ta’ korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla bi ħlas imwettqa b’mod stabbli u kontinwu – Eżami fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment

      (Artikoli 49 u 56 TFUE)

      (ara l-punti 50 sa 53)

    3. Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjonijiet – Eżami tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ restrizzjoni stabbilita minn leġiżlazzjoni nazzjonali – Portata – Restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet previsti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Inklużjoni

      (Artikolu 49 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 15 sa 17)

      (ara l-punt 56)

    4. Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjonijiet – Difiża u promozzjoni tal-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru – Obbligu għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla li jipprovdu l-korsijiet tagħhom esklużivament bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Ġustifikazzjoni għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-identità nazzjonali – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

      (Artikolu 49 TFUE)

      (ara l-punti 59, 61 sa 64, 67 sa 70, 75, 76, 81, 83 sa 87, u d-dispożittiv)

    Sunt

    Il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja) ġiet adita minn 20 Membru tal-Latvijas Republikas Saeima (il-Parlament, il-Latvja) b’rikors intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-kostituzzjonalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi Latvjana dwar l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla.

    Kif emendata fl‑2018, din il-liġi hija intiża sabiex tippromwovi l-lingwa uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja, billi tobbliga lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla joffru l-korsijiet ta’ studju tagħhom f’din il-lingwa. Madankollu, l-imsemmija liġi tipprevedi erba’ eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu. Fl-ewwel lok, il-korsijiet ta’ studju segwiti minn studenti barranin fil-Latvja u l-korsijiet ta’ studju organizzati bħala parti mill-kooperazzjoni prevista mill-programmi tal-Unjoni Ewropea u mill-ftehimiet internazzjonali jistgħu jiġu mgħallma bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Fit-tieni lok, kors ta’ studju jista’ jingħata bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, iżda biss sa 20 % tal-krediti. Fit-tielet lok, il-korsijiet ta’ studju lingwistiċi u kulturali kif ukoll il-korsijiet tal-lingwa jistgħu jingħataw b’lingwa barranija. Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-korsijiet ta’ studju konġunti jistgħu jiġu mgħallma bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

    Barra minn hekk, il-Liġi Latvjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla ma tapplikax għal żewġ istituzzjonijiet privati, li jibqgħu rregolati b’liġijiet speċjali u jistgħu jibqgħu joffru korsijiet ta’ studju b’lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni.

    Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li, bil-ħolqien ta’ ostakolu għad-dħul fis-suq tal-edukazzjoni ogħla kif ukoll billi tipprekludi liċ-ċittadini u lill-impriżi ta’ Stati Membri oħra milli jipprovdu servizzi ta’ edukazzjoni ogħla f’lingwi barranin, il-liġi tippreġudika, b’mod partikolari, il-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Artikolu 49 TFUE.

    Il-Qorti Kostituzzjonali Latvjana tesprimi dubji dwar il-kwistjoni jekk leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi, fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla, inkluż fi ħdan istituzzjonijiet privati ta’ edukazzjoni ogħla, l-użu tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li tipprevedi ċerti eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu, tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla mad-dritt tal-Unjoni.

    Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala kulleġġ ġudikanti, tikkonstata li l-Artikolu 49 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi, bħala prinċipju, fuq l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, l-obbligu li jipprovdu l-korsijiet ta’ studju esklużivament bil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru. Tali leġiżlazzjoni għandha madankollu tkun iġġustifikata minn raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-identità nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, jiġifieri li għandha tkun neċessarja u proporzjonata għall-protezzjoni tal-għan leġittimament imfittex.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, skont l-Artikolu 6 TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza sabiex tieħu azzjonijiet sabiex issostni, tikkoordina jew tikkompleta l-azzjoni tal-Istati Membri b’mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni. Għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax din il-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward, minn naħa, tal-kontenut tat-tagħlim u tal-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva kif ukoll tad-diversità kulturali u lingwistika tagħhom u, min-naħa l-oħra, tal-kontenut u tal-organizzazzjoni tat-taħriġ professjonali, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-imsemmija kompetenza, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, minkejja li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jistgħu jistabbilixxu ruħhom fil-Latvja u joffru korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla, tali possibbiltà hija, bħala prinċipju, ikkundizzjonata mill-obbligu li dawn il-programmi jiġu offruti biss bil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru. Issa, tali obbligu jista’ jagħmel inqas attraenti, għal dawn iċ-ċittadini, l-istabbiliment tagħhom fil-Latvja u għalhekk jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

    Skont l-iskema stabbilita sew mill-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement teżamina l-preżenza ta’ ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni kkonstatata u tivverifika l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, l-obbligu inkwistjoni huwa intiż sabiex jiddefendi u jippromwovi l-użu tal-lingwa uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja, li jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ natura li jiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, skont, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE kif ukoll skont l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tosserva r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha. Skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tosserva wkoll l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, li minnha tagħmel parti wkoll il-protezzjoni tal-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat. Għandha tiġi rrikonoxxuta l-importanza li għandu t-tagħlim sabiex jintlaħaq tali għan.

    Fir-rigward tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni kkonstatata, din tal-aħħar għandha, fl-ewwel lok, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimament imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Għal dan l-għan, din il-leġiżlazzjoni tista’ titqies li hija ta’ natura li tiggarantixxi l-għan ta’ difiża u ta’ promozzjoni tal-lingwa Latvjana biss jekk verament tissodisfa l-intenzjoni li dan jintlaħaq u tiġi implimentata b’mod koerenti u sistematiku. Fid-dawl tal-portata limitata tagħhom, l-eċċezzjonijiet għall-obbligu inkwistjoni, b’mod partikolari għaż-żewġ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla li l-funzjonament tagħhom huwa rregolat minn liġijiet speċjali, ma humiex ta’ natura li jostakolaw it-twettiq tal-imsemmi għan. Billi jippermettu li ċerti istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla jibbenefikaw minn sistema derogatorja, huma jagħmlu parti minn loġika ta’ kooperazzjoni universitarja internazzjonali partikolari u għalhekk ma humiex ta’ natura li jneħħu l-koerenza tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

    Fit-tieni lok, ir-restrizzjoni ma tistax tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, bħala prinċipju, obbligu li tintuża l-lingwa uffiċjali tagħhom fil-kuntest ta’ korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla, sakemm tali obbligu jkun suġġett għal eċċezzjonijiet, sabiex jiżguraw li lingwa li ma hijiex il-lingwa uffiċjali tkun tista’ tintuża fil-kuntest tat-taħriġ universitarju. F’dan il-każ, tali eċċezzjonijiet għandhom, sabiex ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan l-għan, jippermettu l-użu ta’ lingwa li ma hijiex il-lingwa Latvjana, tal-inqas fir-rigward tal-korsijiet offruti fil-kuntest ta’ kooperazzjoni Ewropea jew internazzjonali u ta’ korsijiet relatati mal-kultura u mal-lingwi li ma humiex il-Latvjan.

    Top