Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0411

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Awwissu 2022.
S vs Familienkasse Niedersachsen-Bremen der Bundesagentur für Arbeit.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Moviment liberu tal-persuni – Ugwaljanza fit-trattament – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 24(1) u (2) – Benefiċċji tas-sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 4 – Benefiċċji tal-familja – Esklużjoni ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra ekonomikament inattivi matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti.
Kawża C-411/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:602

Kawża C‑411/20

S

vs

Familienkasse Niedersachsen-Bremen der Bundesagentur für Arbeit

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Bremen)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑1 ta’ Awwissu 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Moviment liberu tal-persuni – Ugwaljanza fit-trattament – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 24(1) u (2) – Benefiċċji tas-sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 4 – Benefiċċji tal-familja – Esklużjoni ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra ekonomikament inattivi matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti”

  1. Sigurtà soċjali – Benefiċċji tal-familja – Kunċett – Benefiċċji tal-familja mogħtija awtomatikament skont kriterji oġġettivi, indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali tal-bżonnijiet personali u intiżi li jikkumpensaw l-ispejjeż tal-familja – Inklużjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikoli 1(z) u 3(1)(j))

    (ara l-punt 34)

  2. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Leġiżlazzjoni applikabbli – Ċittadin ta’ Stat Membru ekonomikament inattiv li jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – Applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza – Kunċett ta’ residenza

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikoli 1(j) u 11(3)(e))

    (ara l-punti 36, 37)

  3. Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Obbligu tal-Istat Membru ospitanti li jagħti d-dritt għall-benefiċċji soċjali liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra mingħajr attività ekonomika – Kundizzjonijiet – Residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li tosserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 24(1))

    (ara l-punti 41, 42)

  4. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Direttiva 2004/38 – Benefiċċji tal-assistenza soċjali – Kunċett – Allowances tal-familja mogħtija indipendentement mill-bżonnijiet individwali tal-benefiċjarju tagħhom u li ma humiex intiżi li jiżguraw il-mezzi għall-għajxien tiegħu – Esklużjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikoli 1(z), 3(1)(j)); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 24(2))

    (ara l-punti 45 sa 48)

  5. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Ugwaljanza fit-trattament – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-benefiċċju tal-allowances tal-familja ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra ekonomikament inattivi matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti – Inammissibbiltà – Diskriminazzjoni diretta – Ġustifikazzjoni – Deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-qasam tal-assistenza soċjali – Inapplikabbiltà

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikoli 4 u 11(3)(e); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 6(1), 14(1) u 24(2))

    (ara l-punti 49 sa 55, 58 sa 61, 65, 67 sa 69 u d-dispożittiv)

  6. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Ugwaljanza fit-trattament – Possibbiltà għaċ-ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv li jinvoka fl-Istat Membru ospitanti l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Kundizzjoni – Stabbiliment tar-residenza abitwali tiegħu matul il-perijodu kkunsidrat u jibbenefika minn permess ta’ residenza f’dan l-Istat Membru – Kunċett ta’ residenza abitwali

    (Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 4, u Nru 987/2009, Artikolu 11(1) u (2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 6(1) u 14(1))

    (ara l-punti 70 sa 72)

Sunt

S u l-membri tal-familja tiegħu huma ċittadini tal-Unjoni, li joriġinaw minn Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. F’Ottubru 2019, S talab sabiex jibbenefika minn allowances tal-familja għat-tfal tiegħu fil-Ġermanja, għall-perijodu bejn Awwissu u Ottubru 2019. Il-Fond tal-allowances tal-familja adit ( 1 ) ikkonstata li, fid‑19 ta’ Awwissu 2019, S u l-familja tiegħu kienu daħlu fil-Ġermanja, mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, u kienu stabbilixxew ir-residenza tagħhom hemmhekk. Madankollu, peress li S ma rċeviex dħul nazzjonali matul it-tliet xhur wara l-istabbiliment tar-residenza tiegħu fil-Ġermanja, huwa ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali ( 2 ) sabiex ikun jista’ jitlob il-benefiċċju tal-allowances mitluba. Konsegwentement, il-Fond għall-Allowances tal-Familja rrifjuta li jilqa’ t-talba ta’ S.

S adixxa lill-qorti tar-rinviju ( 3 ) b’rikors għall-annullament ta’ dan ir-rifjut.

Il-Qorti tar-rinviju tosserva li d-dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż li fuqha huwa bbażat l-imsemmi rifjut tittratta b’mod differenti lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jistabbilixxi r-residenza abitwali tiegħu fil-Ġermanja u ċittadin Ġermaniż li jistabbilixxi r-residenza abitwali tiegħu hemmhekk wara residenza fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, bħal S, jiġi rrifjutat il-benefiċċju tal-allowances tal-familja matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tiegħu meta huwa ma jipproduċix il-prova tal-eżerċizzju ta’ attività bi ħlas fil-Ġermanja. Min-naħa l-oħra, ċittadin Ġermaniż jibbenefika minnha, minn dawn l-ewwel tliet xhur, anki meta ma jeżerċitax tali attività.

Il-Qorti tar-rinviju ressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari intiża sabiex isir magħruf jekk din id-differenza fit-trattament hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

Permezz tas-sentenza tagħha, komposta bħala Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst mir-Regolament Nru 883/2004 ( 4 ). Hija żżid li l-possibbiltà ta’ deroga minn dan il-prinċipju, abbażi tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 ( 5 ), tikkonċerna esklużivament il-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali u ma hijiex applikabbli għal tali leġiżlazzjoni.

L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ mhux iktar minn tliet xhur, mingħajr kundizzjonijiet jew formalitajiet oħra ħlief il-pussess ta’ karta tal-identità valida jew ta’ passaport validu ( 6 ), fejn dan id-dritt jinżamm sakemm iċ-ċittadin tal-Unjoni kif ukoll il-membri tal-familja tiegħu ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti ( 7 ). Għaldaqstant, ċittadin tal-Unjoni, anki jekk ekonomikament inattiv, ikollu, jekk josserva dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, dritt ta’ residenza għal perijodu ta’ tliet xhur fi Stat Membru li ma jkunx ċittadin tiegħu.

Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk, meta jkun jinsab f’sitwazzjoni ta’ residenza legali fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ( 8 ), ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv jistax jinvoka, għall-finijiet tal-għoti ta’ benefiċċji tal-familja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti ekonomikament inattivi, li jirritornaw f’dan l-Istat Membru wara li jkunu għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor.

Għal dan il-għan, hija tiddetermina, fl-ewwel lok, il-portata tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, li jippermetti deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u li jiġi rrifjutat l-għoti ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ekonomikament inattivi, matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti.

Peress li l-allowances tal-familja inkwistjoni ngħataw indipendentement mill-bżonnijiet individwali tal-benefiċjarju tagħhom u ma humiex intiżi sabiex jiżguraw il-mezzi ta’ għajxien tiegħu, dawn ma jaqgħux taħt “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata, fir-rigward tal-għoti ta’ benefiċċji li ma humiex “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali”, fis-sens li jippermettu lill-Istat Membru ospitanti jidderoga mill-ugwaljanza fit-trattament li bħala prinċipju għandhom jibbenefikaw minnu ċ-ċittadini tal-Unjoni f’sitwazzjoni ta’ residenza legali fit-territorju tiegħu.

Fil-fatt, bħala deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 18 TFUE, li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi espressjoni speċifika tiegħu, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 24 għandu jiġi interpretat b’mod strett u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Issa, ma hemm xejn fil-formulazzjoni jew fil-kuntest regolatorju ta’ din l-aħħar dispożizzjoni li jippermetti li jiġi kkunsidrat li, permezz tagħha, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti lill-Istat Membru ospitanti li jidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ benefiċċji oħra minbarra dawk ta’ għajnuna soċjali.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-portata tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

Skont dan ir-regolament ( 9 ), ċittadin tal-Unjoni, ekonomikament inattiv, li ttrasferixxa r-residenza abitwali tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, jaqa’ taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Ġermanja, f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ benefiċċji tal-familja. Il-kompetenza tal-Ġermanja sabiex tiddetermina, fil-leġiżlazzjoni tagħha, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji għandha madankollu tiġi eżerċitata fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, il-persuni li għalihom japplika dan ir-regolament jibbenefikaw mill-istess benefiċċji tas-sigurtà soċjali u huma suġġetti għall-istess obbligi, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti, bħaċ-ċittadini tiegħu. Ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma tippermetti lill-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jirrisjedi legalment fit-territorju tiegħu, minħabba li dan iċ-ċittadin huwa ekonomikament inattiv, differenza fit-trattament bejn l-imsemmi ċittadin u ċ-ċittadini tiegħu stess fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji tal-familja. Ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità u li jkun stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħu hemmhekk jista’ għalhekk jinvoka, fl-Istat Membru ospitanti, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, sabiex jingħata benefiċċji tal-familja taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta ta’ tali ċittadin tal-Unjoni. Fl-assenza ta’ kwalunkwe deroga espressament prevista fir-Regolament Nru 883/2004, tali diskriminazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata.

Madankollu, huwa importanti li ċ-ċittadin tal-Unjoni, ekonomikament inattiv, li jinvoka, fl-Istat Membru ospitanti, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-għoti ta’ benefiċċji tal-familja, matul l-ewwel tliet xhur li matulhom huwa jibbenefika, f’dan l-Istat Membru, minn permess ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38 ( 10 ), stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħu fl-imsemmi Stat Membru, u ma jirrisjedix hemmhekk b’mod temporanju. Il-kunċett ta’ “residenza”, fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004, jindika r-residenza “effettiva” ( 11 ). Fir-rigward tal-kunċett ta’ “residenza abitwali”, dan jirrifletti kwistjoni ta’ fatt, suġġetta għall-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. F’dan ir-rigward, il-kundizzjoni li ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv għandu jkun ittrasferixxa r-residenza abitwali tiegħu fl-Istat Membru ospitanti timplika li huwa jkun wera r-rieda li jistabbilixxi, b’mod effettiv, iċ-ċentru abitwali tal-interessi tiegħu f’dan l-Istat Membru u li juri li l-preżenza tiegħu turi livell suffiċjenti ta’ stabbiltà, li jiddistingwiha minn residenza temporanja.


( 1 ) Familienkasse Niedersachsen-Bremen der Bundesagentur für Arbeit (il-Fond ta’ Allowances tal-Familja għall-Niedersachsen u għall-Bremen tal-Aġenzija Federali għall-Impjieg, il-Ġermanja).

( 2 ) Artikolu 62(1a) tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), kif emendata bil-Gesetz gegen illegale Beschäftigung und Sozialleistungsmissbrauch (il-Liġi kontra x-xogħol illegali u l-abbuż ta’ benefiċċji soċjali, BGBl. 2019 I, p. 1066).

( 3 ) F’dan il-każ, il-Finanzgericht Bremen (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Bremen, il-Ġermanja).

( 4 ) Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

( 5 ) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

( 6 ) Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/38.

( 7 ) Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2004/38.

( 8 ) Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/38, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) tagħha.

( 9 ) Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004.

( 10 ) Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/38, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) tagħha.

( 11 ) Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1)

Top