Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0079

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ April 2022.
    Yieh United Steel Corp. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1429 – Importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan – Dazju antidumping definittiv – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 2 – Kalkolu tal-valur normali – Kalkolu tal-ispiża tal-produzzjoni – Telf ta’ produzzjoni – Rifjut ta’ tnaqqis tal-valur tal-metall riċiklabbli – Determinazzjoni tal-valur normali abbażi tal-bejgħ tal-prodott simili intiż għall-konsum domestiku tal-pajjiż esportatur – Esklużjoni tal-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali tal-bejgħ imwettaq fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur meta dawn jirrigwardaw prodotti li huma intiżi għall-esportazzjoni.
    Kawża C-79/20 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:305

    Kawża C79/20 P

    Yieh United Steel Corp.

    vs

    IlKummissjoni Ewropea

     Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat28 ta’ April 2022

    “Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1429 – Importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan – Dazju antidumping definittiv – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 2 – Kalkolu tal-valur normali – Kalkolu tal-ispiża tal-produzzjoni – Telf ta’ produzzjoni – Rifjut ta’ tnaqqis tal-valur tal-metall riċiklabbli – Determinazzjoni tal-valur normali abbażi tal-bejgħ tal-prodott simili intiż għall-konsum domestiku tal-pajjiż esportatur – Esklużjoni tal-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali tal-bejgħ imwettaq fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur meta dawn jirrigwardaw prodotti li huma intiżi għall-esportazzjoni”

    1.        Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament – Aggravju bbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti – Neċessità li jiġu indikati b’mod preċiż l-elementi żnaturati u li jintwerew l-iżbalji ta’ analiżi li wasslu għal dan l-iżnaturament – Bżonn ta’ żnaturament li jirriżulta b’mod manifest mill-annessi tal-proċess

    (Subparagrafu 2d tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

    (ara l-punti 52 sa 54, 60, 84, 85)

    2.        Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Għażla tal-metodu tal-kalkolu – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata – Limiti

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009)

    (ara l-punti 55 sa 58, 61)

    3.        Appell – Aggravji – Neċessità ta’ kritika preċiża ta’ punt tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali

    (Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 168(1)(d) u 169(2)

    (ara l-punti 76 sa 78)

    4.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Interpretazzjoni uniformi – Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 2(2))

    (ara l-punt 99)

    5.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni fid-dawl tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni – Interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1225/2009 fid-dawl tal-ftehim antidumping tal-GATT tal-1994

    (Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, (Ftehim antidumping tal-1994); Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 2(2))

    (ara l-punti 101, 102)

    6.        Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Prezz applikat matul it-tranżazzjonijiet kummerċjali normali – Prezz tal-prodott simili intiż għall-konsum fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur – Kunċett ta’ maħsub għall-konsum – Prodott simili mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur, sussegwentement intiż għall-esportazzjoni – Esklużjoni – Kundizzjoni – Preżenza ta’ fattur ta’ konnesjoni oġġettiv bejn il-bejgħ ta’ prodott simili fis-suq domestiku u d-destinazzjoni finali tal-prodott – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Konjizzjoni effettiva tal-bejjiegħ fir-rigward tad-destinazzjoni finali tal-prodott inkwistjoni – Assenza ta’ rilevanza

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 2(1) u (2))

    (ara l-punti 103 sa 144)

    Sunt

    Wara lment imressaq minn Eurofer, Association européenne de l’acier, il-Kummissjoni Ewropea adottat, wara investigazzjoni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1429 (1) (iktar ’il quddiem ir- “regolament ikkontestat”) li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan (iktar ’il quddiem il- “prodott ikkonċernat”).

    Yieh United Steel Corp. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), kumpannija stabbilita f’Tajwan, attiva b’mod partikolari fil-manifattura u d-distribuzzjoni tal-prodott ikkunsidrat, adixxiet lill-Qorti Ġenerali sabiex tikseb l-annullament tar-Regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċernaha. Hija tinvoka, b’mod partikolari, ksur tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku (2), li jipprovdi li l- “valur normali” tal-prodotti koperti mid-dazju antidumping huwa normalment iddeterminat abbażi tal-bejgħ tal-prodott simili intiż għall-konsum fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti kkontestat, b’mod partikolari, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, ċertu bejgħ tal-prodott ikkonċernat lix-xerrej indipendenti tagħha fil-pajjiż esportatur (iktar’ il quddiem il- “bejgħ inkwistjoni”), għas-sempliċi raġuni li l-prodott ikkonċernat kien ġie esportat minn dan il-klijent wara dan il-bejgħ, filwaqt li l-Kummissjoni ma wrietx li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li ma tiddestinax dan il-prodott għall-konsum domestiku.

    Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019 (3) (iktar ’il quddiem is- “sentenza appellata”), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti billi ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni setgħet tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ inkwistjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-produttur-esportatur kellux, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-bejgħ, kwalunkwe għarfien tal-esportazzjoni tal-prodotti kkonċernati, jekk hija jkollha provi oġġettivi li juru li dan il-bejgħ huwa, fir-realtà, bejgħ għall-esportazzjoni.

    Permezz ta’ sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li tagħmel preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-espressjoni “maħsub għall-konsum” użata fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku.

    L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament bażiku, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, il-bejgħ domestiku fil-pajjiż esportatur meta l-prodotti kkonċernati minn dan il-bejgħ ma humiex intiżi għall-konsum f’dan is-suq, iżda għal għan ieħor bħall-esportazzjoni tagħhom.

    Hija għalhekk tipproċedi għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-espressjoni “maħsub għall-konsum”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, timplikax element suġġettiv, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ intenzjoni jew ta’ għarfien effettiv tal-bejjiegħ fir-rigward tad-destinazzjoni finali tal-prodott ikkonċernat.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-approċċ tal-Qorti Ġenerali, ibbażat b’mod partikolari fuq il-kliem, il-kuntest u l-għan tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, li jgħid li interpretazzjoni purament suġġettiva tal-kunċett ta’ “bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum domestiku” ma tistax tiġi aċċettata. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega li interpretazzjoni purament “oġġettiva” tal-imsemmi kunċett, kif adottata mill-Qorti Ġenerali, timplika li s-sempliċi prova li operatur downstream fil-katina ta’ distribuzzjoni jkun esporta l-prodotti kkonċernati mill-bejgħ inizjali tkun biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra li dawn il-prodotti kienu, fil-mument tal-bejgħ inizjali tagħhom, “intiżi” għall-esportazzjoni u kellhom, konsegwentement, jiġu esklużi mill-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali.

    Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali interpretazzjoni purament oġġettiva ma hijiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali, sa fejn din tippermetti lill-Kummissjoni timponi dazji antidumping indipendentement mill-politika tal-prezzijiet tal-produttur-esportatur u tobbliga lil dan tal-aħħar iwieġeb għal politika ta’ marketing tal-klijenti indipendenti tiegħu li dan ma huwiex, bħala prinċipju, f’pożizzjoni li jikkontrolla.

    F’dan ir-rigward, sabiex, b’mod partikolari, tiġi ggarantita l-osservanza tal-imsemmija prinċipji, il-Kummissjoni tista’ teskludi bejgħ intern tal-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali biss jekk hija tistabbilixxi l-eżistenza ta’ fattur ta’ rabta oġġettiva bejn dan il-bejgħ u destinazzjoni tal-prodott inkwistjoni minbarra l-konsum domestiku. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha turi li minn ċirkustanzi oġġettivi madwar l-imsemmi bejgħ, fosthom fl-ewwel lok il-prezz, jirriżulta li l-prodotti kkonċernati minnu għandhom destinazzjoni differenti mill-konsum fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur, bħall-esportazzjoni.

    Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi marbuta mal-bejgħ inizjali, jista’ jitqies li l-produttur-esportatur inkwistjoni kellu raġonevolment ikun jaf, fil-mument tal-konklużjoni tal-bejgħ, li, skont kull probabbiltà, id-destinazzjoni finali tal-prodott inkwistjoni kienet l-esportazzjoni u mhux il-konsum fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur.

    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li parti mill-bejgħ domestiku tar-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ sistema ta’ tnaqqis għall-esportazzjoni, li jikkostitwixxi ċirkustanza oġġettiva madwar dan il-bejgħ u relatata mal-prezz tiegħu. Bl-istess mod, fid-dawl ukoll tal-fatt li l-iktar klijent importanti tar-rikorrenti kien prinċipalment attiv fis-settur tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat u li l-bejgħ tar-rikorrenti lil dan il-klijent kien jikkonċerna, bħala regola ġenerali, prodotti intiżi għall-esportazzjoni u mhux għall-konsum fis-suq intern, ir-rikorrenti kellha raġonevolment tkun taf, fil-mument tal-konklużjoni tal-bejgħ inkwistjoni, id-destinazzjoni finali tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri, skont kull probabbiltà, l-esportazzjoni.

    Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet legalment u mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni teskludi l-bejgħ inkwistjoni mill-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali b’applikazzjoni b’mod partikolari tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku.


    1      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1429 tas‑26 ta’ Awwissu 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU 2015, L. 224, p. 10)


    2      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki ĠU 2010, L 7, p. 22, ĠU 2011, L 293, p. 39, ĠU 2016, L 44, p. 20).


    3 Sentenza tat 3 ta’ Diċembru 2019, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni (607/15, EU:T:2019:831).

    Top