Wybierz funkcje eksperymentalne, które chcesz wypróbować

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 62019CJ0882

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2021.
Sumal, S.L. vs Mercedes Benz Trucks España, S.L.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Kumpens għad-dannu kkawżat minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE – Determinazzjoni tal-entitajiet responsabbli għall-ħlas tal-kumpens – Azzjoni għall-kumpens diretta kontra s-sussidjarja ta’ kumpannija omm u mressqa wara deċiżjoni li tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ din l-unika kumpannija omm f’akkordju – Kunċett ta’ impriża – Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’.
Kawża C-882/19.

Zbiór orzeczeń – ogólne

Identyfikator ECLI: ECLI:EU:C:2021:800

Kawża C‑882/19

Sumal, S. L.

vs

Mercedes Benz Trucks España, S.L

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn l-Audiencia Provincial de Barcelona)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Kumpens għad-dannu kkawżat minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE – Determinazzjoni tal-entitajiet responsabbli għall-ħlas tal-kumpens – Azzjoni għall-kumpens diretta kontra s-sussidjarja ta’ kumpannija omm u mressqa wara deċiżjoni li tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ din l-unika kumpannija omm f’akkordju – Kunċett ta’ impriża – Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’”

  1. Proċedura ġudizzjarja – Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali – Talba intiża sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali – Kundizzjonijiet tal-ftuħ mill-ġdid

    (Paragrafu 2d tal-Artikolu 252 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

    (ara l-punti 16 sa 22)

  2. Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Neċessità ta’ deċiżjoni preliminari u rilevanza tal-kwistjonijiet imqajma – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali – Preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi magħmula

    (Artikolu 267 TFUE)

    (ara l-punti 26 sa 29)

  3. Akkordji – Projbizzjoni – Effett dirett – Dritt tal-individwi li jitolbu kumpens għad-dannu subit – Determinazzjoni tal-entità obbligata li tikkumpensa d-dannu subit – Impriża – Kunċett – Unità ekonomika – Impriża kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Responsabbiltà in solidum bejn l-entitajiet li jifformaw l-impriża fil-mument tal-akkordju

    (Artikolu 101(1) TFUE)

    (ara l-punti 32 sa 44)

  4. Akkordji – Projbizzjoni – Effett dirett – Dritt tal-individwi li jitolbu kumpens għad-dannu subit – Determinazzjoni tal-entità obbligata li tikkumpensa d-dannu subit – Ksur li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona kumpannija omm – Azzjoni għal kumpens imressqa kontra kumpannija sussidjarja mhux koperta minn din id-deċiżjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

    (Artikolu 101(1) TFUE)

    (ara l-punti 45 sa 55, u d-dispożittiv 1)

  5. Akkordji – Projbizzjoni – Effett dirett – Dritt tal-individwi li jitolbu kumpens għad-dannu subit – Modalitajiet ta’ eżerċizzju – Ksur li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona kumpannija omm – Azzjoni għal kumpens imressqa kontra kumpannija sussidjarja mhux koperta minn din id-deċiżjoni – Disinn funzjonali tal-kunċett ta’ impriża – Rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-kumpannija sussidjarja – Portata

    (Artikolu 101(1) TFUE)

    (ara l-punti 53 sa 60, u d-dispożittiv 1)

  6. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni speċjali – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ delitt jew kważi-delitt – Il-post-tat-twettiq tal-fatt dannuż – Azzjoni intiża li tikseb il-kumpens tad-dannu li jirriżulta minn ksur allegat tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. – Post fejn seħħ id-dannu – Post tas-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv

    (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1215/2012, punt 2 tal-Artikolu 7)

    (ara l-punti 64 sa 66)

  7. Akkordji – Projbizzjoni – Effett dirett – Dritt tal-individwi li jitolbu kumpens għad-dannu subit – Determinazzjoni tal-entità obbligata li tikkumpensa d-dannu subit – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-possibbiltà li l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija jiġi imputat lil kumpannija oħra għall-każijiet biss ta’ kontroll tal-ewwel waħda mit-tieni waħda. – Inammissibbiltà

    (Artikolu 101(1) TFUE)

    (ara l-punti 69, 75, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Il-vittma ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mwettaq minn kumpannija omm tista’ titlob lis-sussidjarja ta’ din tal-aħħar kumpens għad-danni li jirriżultaw minnu. Għal dan il-għan, hija għandha tipprova li ż-żewġ kumpanniji kienu jikkostitwixxu unità ekonomika fil-mument tal-ksur.

Bejn l-1997 u l-1999 il-kumpannija Sumal SL akkwistat żewġ trakkijiet mingħand Mercedes Benz Trucks España SL (iktar’ il quddiem “MBTE”), li hija sussidjarja tal-grupp Daimler, li l-kumpannija omm tagħha hija Daimler AG.

Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2016 ( 1 ), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat ksur, minn Daimler AG, tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu l-akkordji ( 2 ) sa fejn din tal-aħħar kienet ikkonkludiet, bejn Jannar 1997 u Jannar 2011, arranġamenti ma’ erbatax-il produttur Ewropew oħra ta’ trakkijiet dwar l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda fil-prezzijiet gross tat-trakkijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

Wara din id-deċiżjoni, Sumal ressqet azzjoni għad-danni kontra MBTE, fejn talbet il-ħlas tas-somma ta’ EUR 22 204.35 għad-danni li jirriżultaw minn dan l-akkordju. Madankollu, l-azzjoni ta’ Sumal ġiet miċħuda mill-Juzgado de lo Mercantil no 07 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 07 ta’ Barcelona, Spanja) minħabba li MBTE ma kinitx imsemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Sumal appellat minn din is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja). F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet, azzjoni għad-danni tista’ titressaq kontra sussidjarja wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata prattiki antikompetittivi tal-kumpannija omm tagħha. Għalhekk, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tirrinvija din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ deċiżjoni preliminari.

Permezz tas-sentenza tagħha mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom il-vittmi ta’ prattika antikompetittiva ta’ kumpannija ssanzjonata mill-Kummissjoni għandhom id-dritt li jinvokaw, fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-danni mressqa quddiem qrati nazzjonali, ir-responsabbiltà ċivili tal-kumpanniji sussidjarji tal-kumpannija ssanzjonata li ma humiex koperti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Skont ġurisprudenza stabbilita, kull persuna għandha d-dritt li titlob lill- “impriżi” li pparteċipaw f’akkordju jew fi prattiki pprojbiti skont l-Artikolu 101 TFUE kumpens għad-dannu kkawżat minn dawn il-prattiki antikompetittivi. Anki jekk tali azzjonijiet għad-danni jitressqu quddiem il-qrati nazzjonali, id-determinazzjoni tal-entità li għandha tikkumpensa d-dannu kkawżat hija direttament irregolata mid-dritt tal-Unjoni.

Peress li dawn l-azzjonijiet għad-danni huma parti integrali mis-sistema ta’ implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-istess bħall-implimentazzjoni tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi, il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE ma jistax ikollu portata differenti fil-kuntest tal-impożizzjoni mill-Kummissjoni ta’ multi fuq l- “impriżi” (“public enforcement”) u f’dak tal-azzjonijiet għad-danni li jitressqu kontra dawn l- “impriżi” quddiem il-qrati nazzjonali (“private enforcement”).

Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u l-mod kif tiġi ffinanzjata, u b’hekk jirreferi għal unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva legali, din tal-aħħar hija kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

Meta jiġi stabbilit li kumpannija li tappartjeni għal tali unità ekonomika kisret l-Artikolu 101(1) TFUE, b’tali mod li l- “impriża” li tifforma parti minnha wettqet il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “impriża” u, permezz tiegħu, dak ta’ “unità ekonomika”, iwasslu ipso iure għal responsabbiltà in solidum bejn l-entitajiet li jifformaw l-unità ekonomika fil-mument tat-twettiq tal-ksur.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, barra minn hekk, li l-kunċett ta’ “impriża” użat fl-Artikolu 101 TFUE huwa kunċett funzjonali, b’tali mod li l-unità ekonomika li tikkostitwixxih għandha tiġi identifikata mill-perspettiva tas-suġġett tal-ftehim inkwistjoni.

Għalhekk, meta l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE tkun ġiet stabbilita fir-rigward ta’ kumpannija omm, il-vittma ta’ dan il-ksur tkun tista’ tipprova tinvoka r-responsabbiltà ċivili ta’ kumpannija sussidjarja ta’ din il-kumpannija omm bil-kundizzjoni li l-vittma tipprova li, fid-dawl, minn naħa, tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet legali u, min-naħa l-oħra, għall-eżistenza ta’ rabta konkreta bejn l-attività ekonomika ta’ din il-kumpannija sussidjarja u l-għan tal-ksur li l-kumpannija omm kienet responsabbli għalih, l-imsemmija kumpannija sussidjarja kienet tikkostitwixxi flimien mal-kumpannija omm tagħha unità ekonomika.

Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tkun tista’ titressaq azzjoni għad-danni kontra MBTE bħala sussidjarja ta’ Daimler AG, Sumal għandha tistabbilixxi, bħala prinċipju, li l-ftehim antikompetittiv konkluż minn Daimler AG jikkonċerna l-istess prodotti bħal dawk ikkummerċjalizzati minn MBTE. B’dan il-mod, Sumal turi li hija preċiżament l-unità ekonomika li taqa’ taħtha MBTE, flimkien mal-kumpannija omm tagħha, li tikkostitwixxi l-impriża li wettqet il-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 101(1) TFUE.

Madankollu, fil-kuntest ta’ tali rikors għal kumpens ippreżentat kontra l-kumpannija sussidjarja ta’ kumpannija omm li l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE tagħha ġie kkonstatat, il-kumpannija sussidjarja għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha quddiem il-qorti nazzjonali kkonċernata l-mezzi kollha neċessarji għall-eżerċizzju utli tad-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod partikolari sabiex tkun tista’ tikkontesta l-appartenenza tagħha għall-istess impriża bħall-kumpannija omm tagħha.

Madankollu, meta azzjoni għad-danni tkun ibbażata, bħal f’dan il-każ, fuq il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE f’deċiżjoni indirizzata lill-kumpannija omm tal-kumpannija sussidjarja konvenuta, din tal-aħħar ma tistax tikkontesta, quddiem il-qorti nazzjonali, l-eżistenza tal-ksur hekk ikkonstatat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 3 ), il-qrati nazzjonali ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

Min-naħa l-oħra, meta ebda aġir ta’ ksur tal-kumpannija omm ma jkun ġie kkonstatat mill-Kummissjoni f’deċiżjoni mogħtija skont l-Artikolu 101 TFUE, il-kumpannija sussidjarja għandha naturalment id-dritt li tikkontesta mhux biss l-appartenenza tagħha għall-istess “impriża” bħall-kumpannija omm tagħha iżda wkoll l-eżistenza tal-ksur allegat fil-konfront ta’ din tal-aħħar.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, barra minn hekk, li l-possibbiltà, għall-qorti nazzjonali, li tikkonstata responsabbiltà eventwali tal-kumpannija sussidjarja għad-danni kkawżati ma hijiex eskluża mis-sempliċi fatt li, jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni ma adottat ebda deċiżjoni jew li d-deċiżjoni li permezz tagħha hija kkonstatat il-ksur ma imponietx sanzjoni amministrattiva fuq din il-kumpannija.

Għalhekk, l-Artikolu 101(1) TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà li r-responsabbiltà tal-aġir ta’ kumpannija tiġi imputata lil kumpannija oħra biss fil-każ fejn it-tieni tikkontrolla l-ewwel waħda.


( 1 ) Deċiżjoni C(2016) 4673 finali dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39824 - Trakkijiet), li sunt tagħha ġie ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ April 2017 (ĠU 2017, C 108, p. 6).

( 2 ) Artikolu 101 TFUE u Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

Góra