This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0649
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-28 ta’ Jannar 2021.
Proċeduri kriminali kontra IR.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2012/13/UE – Artikoli 4 sa 7 – – Dikjarazzjonijiet ta’ drittijiet li jinsabu fl-Annessi I u II – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Ittra tad-drittijiet mal-arrest – Dritt għall-informazzjoni dwar l-akkużi – Dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess – Persuna arrestata b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.
Kawża C-649/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-28 ta’ Jannar 2021.
Proċeduri kriminali kontra IR.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2012/13/UE – Artikoli 4 sa 7 – – Dikjarazzjonijiet ta’ drittijiet li jinsabu fl-Annessi I u II – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Ittra tad-drittijiet mal-arrest – Dritt għall-informazzjoni dwar l-akkużi – Dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess – Persuna arrestata b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.
Kawża C-649/19.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:75
Kawża C-649/19
Proċeduri kriminali
kontra
IR
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-28 ta’ Jannar 2021
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2012/13/UE – Artikoli 4 sa 7 – Dikjarazzjonijiet ta’ drittijiet li jinsabu fl-Annessi I u II – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Ittra tad-drittijiet mal-arrest – Dritt għall-informazzjoni dwar l-akkużi – Dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess – Persuna arrestata b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali – Direttiva 2012/13 – Drittijiet tal-persuni suspettati jew akkużati li jkunu arrestati jew miżmuma – Dritt li tirċievi ittra tad-drittijiet waqt l-arrest tiegħu – Dritt li tirċievi ittra ta’ drittijiet waqt l-arrest tiegħu – Dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess – kamp ta' applikazzjoni personali ta’ dawk id-drittijiet – Persuni li jiġu arrestati għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew – Esklużjoni
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2012/13, premessi 14, 27, 39, Artikoli 1, 4(3), 5, 6(2) u 7(1), Annessi I u II; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299)
(ara l-punti 48, 49, 53 sa 58, 61, 62 u d-dispożittiv 1)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Kontenut u forma tal-mandat ta' arrest Ewropew – Portata tal-informazzjoni kkomunikata lill-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew – Ksur tad-drittijiet għal-libertà u għal rimedju effettiv – Assenza
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 6 u 47; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill Nru 2002/584, kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 8(1), u l-Anness; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2012/13, Artikoli 4, 6 u 7, u l-Anness II)
(ara l-punti 73, 74, 76 sa 81 u d-dispożittiv 2)
Sunt
L-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, il-Bulgarija) ressaq proċeduri kriminali kontra IR, akkużat li pparteċipa fi grupp kriminali organizzat bil-għan li jwettaq reati fiskali. Matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, IR, bħala “persuna akkużata”, ġie informat biss b’uħud mid-drittijiet tiegħu. Madankollu, waqt il-bidu, f’Frar 2017, tal-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali, IR ma setax jiġi llokalizzat. F’April 2017, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) ħadet fil-konfront tiegħu miżura ta’ detenzjoni provviżorja, li tikkostitwixxi mandat ta’ arrest nazzjonali. F’Mejju 2017, peress li IR kien għadu ma nstabx, inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew (MAE). Madankollu, peress li kellha dubji dwar il-konformità ta’ dan il-MAE mad-dritt tal-Unjoni, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) annullatu.
Peress li ddeċidiet li toħroġ MAE ġdid kontra IR, din il-qorti tixtieq tikseb preċiżazzjonijiet dwar l-informazzjoni li għandha tingħaqad miegħu, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet previsti mid-Direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2012/13”) ( 1 ). B’mod iktar partikolari, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk il-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-MAE jistgħux jinvokaw, minbarra d-drittijiet mogħtija lilhom espressament mid-Direttiva 2012/13, drittijiet li jibbenefikaw minnhom il-persuni “persuni akkużati li huma arrestati jew miżmuma” fis-sens ta’ din id-direttiva. Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) tistaqsi dwar il-validità tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE ( 2 ), fir-rigward tad-dritt għal-libertà u tad-dritt għal rimedju effettiv, sanċiti, rispettivament, fl-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fil-fatt, l-informazzjoni kkomunikata lill-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ MAE, abbażi tad-deċiżjoni qafas dwar il-MAE, hija iktar limitata minn dik ikkomunikata lill-persuni ssuspettati jew lill-persuni akkużati li huma arrestati jew detenuti, skont id-Direttiva 2012/13, b’tali mod li tistaqsi jekk huwiex impossibbli, jew eċċessivament diffiċli, għal dawn l-ewwel persuni li jikkontestaw il-mandati maħruġa kontrihom.
L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-drittijiet tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati li huma arrestati jew detenuti, previsti mid-Direttiva 2012/13, ma humiex applikabbli għall-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ MAE. Fost dawn id-drittijiet hemm b’mod partikolari d-dritt li tirċievi dikjarazzjoni bil-miktub tad-drittijiet tagħha waqt arrest, fejn din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-possibbiltà li tiġi kkontestata l-legalità tal-arrest, li jinkiseb eżami mill-ġdid tad-detenzjoni jew li tintalab il-libertà proviżorja ( 3 ). Hemm ukoll id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża mressqa kontriha ( 4 ), kif ukoll id-dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess essenzjali sabiex tiġi kkontestata l-legalità tal-arrest jew id-detenzjoni ( 5 ).
Sabiex tasal għal din il-konklużjoni u wara li kkonstatat li l-analiżi tal-kliem tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/13 li jipprevedu dawn id-diversi drittijiet ma kinitx tippermetti, waħidha, li jiġi ddeterminat jekk il-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ MAE jifformawx parti mill-persuni ssuspettati u mill-persuni akkużati li huma arrestati jew detenuti fis-sens ta’ din id-direttiva u li għalihom huma applikabbli l-imsemmija drittijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza, l-ewwel nett, il-kuntest li fih jinsabu dawn id-dispożizzjonijiet. F’dan ir-rigward, hija tindika li d-Direttiva 2012/13 fiha dispożizzjonijiet oħra li jirrigwardaw, b’mod espress, id-drittijiet tal-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ MAE ( 6 ). Barra minn hekk, ir-riferimenti fid-Direttiva 2012/13 għal persuni suspettati jew akkużati li huma arrestati jew detenuti għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għal kull sitwazzjoni fejn dawn il-persuni ssuspettati jew dawn il-persuni jkunu mċaħħda mil-libertà tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) ( 7 ). Issa, din is-sitwazzjoni hija differenti mill-arrest jew id-detenzjoni regolari ta’ persuna li kontriha tkun għaddejja proċedura għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni, ukoll imsemmija fil-KEDB ( 8 ), u li tikkorrispondi għall-każ tal-MAE. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati li arrestati jew detenuti ma jikkonċernawx il-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ MAE.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li d-Direttiva 2012/13 għandha għan doppju ( 9 ). Fil-fatt, minn naħa, hija tistabbilixxi standards minimi li għandhom jiġu applikati fil-qasam tal-informazzjoni tal-persuni ssuspettati jew akkużati, sabiex ikunu jistgħu jippreparaw id-difiża tagħhom u sabiex tiġi ggarantita n-natura ekwa tal-proċedura. Min-naħa l-oħra, din hija intiża sabiex tippreżerva l-karatteristiċi partikolari tal-proċedura dwar il-MAE, ikkaratterizzata minn rieda ta’ semplifikazzjoni u ta’ ħeffa tal-proċedura ta’ konsenja.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-validità tad-deċiżjoni qafas dwar il-MAE fid-dawl tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, li jistabbilixxu, rispettivament, id-dritt għal-libertà u d-dritt għal rimedju effettiv.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, qabel kollox, li peress li l-ħruġ ta’ MAE huwa ta’ natura li jippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, il-protezzjoni tad-drittijiet li din għandha tibbenefika minnhom, fil-qasam tal-proċedura u tad-drittijiet fundamentali, timplika li deċiżjoni li tosserva r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiġi adottata jew waqt l-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, jew waqt il-ħruġ tal-MAE.
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-persuna kkonċernata minn MAE maħruġ għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali jikseb, mill-mument tal-konsenja tiegħu, il-kwalità ta’ “persuna akkużata”, fis-sens tad-Direttiva 2012/13. Għalhekk, minn dan il-mument, hija tibbenefika mid-drittijiet kollha marbuta ma’ din il-kwalità, b’tali mod li hija tista’ tipprepara d-difiża tagħha u tiġi ggarantita n-natura ekwa tal-proċedura.
Fir-rigward tal-perijodu preċedenti għall-konsenja, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li d-deċiżjoni qafas dwar l-MAE tipprevedi li MAE għandu jkun fih informazzjoni dwar in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, kif ukoll id-deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi tat-twettiq tar-reat ( 10 ). Issa, din l-informazzjoni tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik imsemmija fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/13 dwar id-dritt tal-persuni ssuspettati jew akkużati li jiġu informati bl-akkuża mressqa kontrihom ( 11 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jeżiġix li d-dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjoni li jinħareġ MAE jkun jista’ jiġi eżerċitat qabel il-konsenja tal-persuna kkonċernata. Konsegwentement, ebda ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jista’ jirriżulta mis-sempliċi fatt li l-persuna inkwistjoni ma tiġix informata bir-rimedji ġudizzjarji disponibbli fl-Istat Membru emittenti u tikseb l-aċċess għall-atti tal-proċess biss wara li tiġi kkonsenjata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru.
( 1 ) Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).
( 2 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE”).
( 3 ) Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/13, b’mod partikulari l-paragrafu 3 tiegħu.
( 4 ) Ara l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13.
( 5 ) Ara l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13.
( 6 ) Ara l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/13. Ara wkoll l-Anness II ta’ din id-direttiva li jipprevedi l-mudell indikattiv ta’ dikjarazzjoni tad-drittijiet għall-persuni arrestati fuq il-bażi ta’ MAE, distint mill-mudell indikattiv ta’ dikjarazzjoni tad-drittijiet li għandhom jiġu ttrasferiti lill-persuni ssuspettati u lill-persuni akkużati li jkunu arrestati jew detenuti, previst fl-Anness I tagħha u msemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/13.
( 7 ) Ara l-premessa 21 tad-Direttiva 2012/13.
( 8 ) Ara l-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB.
( 9 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva moqri flimkien mal-premessi 14, 27 u 39 tagħha.
( 10 ) Ara l-Artikolu 8(1)(d) u (e) tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE.
( 11 ) Ara l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13.