Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0535

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Lulju 2021.
    A vs Latvijas Republikas Veselības ministrija.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ċittadinanza tal-Unjoni – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 3(1)(a) – Benefiċċji tal-mard – Kunċett – Artikolu 4 u Artikolu 11(3)(e) – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 7(1)(b) – Dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur – Kundizzjoni li wieħed ikollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva – Artikolu 24 – Ugwaljanza fit-trattament – Ċittadin ta’ Stat Membru ekonomikament inattiv li jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – Rifjut tal-Istat Membru ospitanti li jaffilja lil din il-persuna mas-sistema pubblika tiegħu ta’ assigurazzjoni għall-mard.
    Kawża C-535/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:595

    Kawża C-535/19

    A

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts))

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Lulju 2021

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ċittadinanza tal-Unjoni – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 3(1)(a) – Benefiċċji tal-mard – Kunċett – Artikolu 4 u Artikolu 11(3)(e) – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 7(1)(b) – Dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur – Kundizzjoni li wieħed ikollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva – Artikolu 24 – Ugwaljanza fit-trattament – Ċittadin ta’ Stat Membru ekonomikament inattiv li jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – Rifjut tal-Istat Membru ospitanti li jaffilja lil din il-persuna mas-sistema pubblika tiegħu ta’ assigurazzjoni għall-mard”

    1. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Benefiċċji tal-mard – Kunċett – Benefiċċji ta’ kura medika ffinanzjati mill-Istat – Inklużjoni

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikoli 3(1) u 5(a))

      (ara l-punti 32, 34-36, 38, u d-dispożittiv 1)

    2. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Leġiżlazzjoni applikabbli – Ċittadini ta’ Stat Membru mingħajr attività ekonomika residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – Applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza – Leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru li teskludi tali ċittadin mid-dritt ta’ affiljazzjoni mas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tagħha – Inammissibbiltà

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 11(3)(e); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 7(1)(b))

      (ara l-punti 45, 50, 63, u d-dispożittiv 2)

    3. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Ugwaljanza fit-trattament – Ċittadini ta’ Stat Membru mingħajr attività ekonomika residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – Affiljazzjoni tal-imsemmi ċittadin mas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ospitanti – Direttiva 2004/38 – Kundizzjonijiet tad-dritt ta’ residenza abbażi tad-dritt tal-Unjoni – Kundizzjoni li persuna jkollha assigurazzjoni għall-mard komprensiva – Possibbiltà għall-Istat Membru ospitanti li jipprevedi kundizzjonijiet sabiex jiġi evitat piż irraġonevoli għall-finanzi pubbliċi

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikoli 4 u 11(3)(e); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 7(1)(b), 14(2) u 24)

      (ara l-punti 55-59, 63 u d-dispożittiv 2)

    Sunt

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi, residenti fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, li jkunu affiljati mas-sistema pubblika tal-assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ospitanti

    Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix l-obbligu ta’ affiljazzjoni bla ħlas mal-imsemmija sistema

    A, ċittadin Taljan miżżewweġ lil ċittadina Latvjana, telaq mill-Italja u stabbilixxa ruħu fil-Latvja sabiex jingħaqad mal-mara tiegħu u maż-żewġt itfal minuri tagħhom.

    Ftit wara li wasal fil-Latvja, fit-22 ta’ Jannar 2016, huwa talab lil-Latvijas Nacionālais Veselības dienests (is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa, il-Latvja) sabiex jaffiljah mas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Latvjana. It-talba tiegħu ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat-17 ta’ Frar 2016, li ġiet ikkonfermata mill-Ministeru tas-Saħħa minħabba li A ma kien jaqa’ taħt ebda waħda mill-kategoriji ta’ benefiċjarji tal-kura medika ffinanzjata mill-Istat peress li huwa la kien impjegat u lanqas ħaddiem għal rasu fil-Latvja.

    Peress li r-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-awtoritajiet Latvjani ġie miċħud, A appella quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il‑Latvja), li wkoll adottat sentenza sfavorevoli għalih.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), adita b’appell ippreżentat minn A, iddeċidiet li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà taċ-ċaħda tat-talba ta’ A mill-awtoritajiet Latvjani mad-dritt tal-Unjoni fl-oqsma taċ-ċittadinanza u tas-sigurtà soċjali.

    Fis-sentenza tagħha, mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi, residenti fi Stat Membru li ma huwiex dak tal-oriġini tagħhom, li jkunu affiljati mas-sistema pubblika tal-assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ospitanti, sabiex jibbenefikaw minn provvisti ta’ kura medika ffinanzjati minn dan l-Istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, madankollu, li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix l-obbligu ta’ affiljazzjoni mingħajr ħlas mal-imsemmija sistema.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 883/2004 għal benefiċċji ta’ kura medika bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tikkonkludi li benefiċċji ffinanzjati mill-Istat u mogħtija, barra minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, lil persuni li jaqgħu taħt kategoriji ta’ benefiċjarji ddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jikkostitwixxu “benefiċċji marbuta mal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 1 ). Dawn il-benefiċċji jaqgħu għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, peress li ma humiex benefiċċji ta’ “assistenza soċjali u medika” esklużi minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni ( 2 ).

    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 ( 3 ) jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mid-dritt li jkunu affiljati mas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ospitanti, sabiex jibbenefikaw minn benefiċċji ta’ kura medika ffinanzjati minn dan l-Istat, iċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi, ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, li jaqgħu, skont l-Artikolu 11(3)(e) ta’ dan ir-regolament, taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ospitanti u li jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom fuq it-territorju ta’ dan b’konformità mal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika, qabelxejn, li, fil-kuntest tas-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt stabbilita mir-Regolament Nru 883/2004 ( 4 ), intiża sabiex tiddetermina l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-ġbir tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, il-persuni ekonomikament mhux attivi jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

    Hija tenfasizza, sussegwentement, li, meta jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-eżistenza tad-dritt li persuna tiġi affiljata ma’ sistema ta’ sigurtà soċjali, l-Istati Membri huma obbligati josservaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ. B’mod partikolari, peress li r-regoli ta’ kunflitt previsti mir-Regolament Nru 883/2004 huma imposti b’mod imperattiv fuq l-Istati Membri, dawn ma jistgħux jiddeterminaw sa fejn il-leġiżlazzjoni tagħhom stess jew dik ta’ Stat Membru ieħor hija applikabbli.

    Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, jirrifjuta li jaffilja mas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tiegħu ċittadin tal-Unjoni li, skont l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, jaqa’ taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza l-effett fuq l-affiljazzjoni mas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, u b’mod partikolari tal-Artikolu 7(1)(b) tagħha. Minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li, matul il-perijodu kollu tar-residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ta’ iktar minn tliet xhur u inqas minn ħames snin, iċ-ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv għandu b’mod partikolari jkollu, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, assigurazzjoni għall-mard kompleta sabiex ma jkunx ta’ piż irraġonevoli fuq il-finanzi pubbliċi ta’ dan l-Istat Membru.

    Fir-rigward tar-rabta bejn din il-kundizzjoni ta’ residenza konformi mad-Direttiva 2004/38 u l-obbligu ta’ affiljazzjoni li jirriżulta mir-Regolament Nru 883/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv jista’ jipprevedi li l-aċċess għal din is-sistema ma jkunx bla ħlas sabiex jiġi evitat li l-istess ċittadin isir piż irraġonevoli fuq il-finanzi pubbliċi tal-imsemmi Stat Membru.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, fil-fatt, li l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt jissuġġetta l-affiljazzjoni għas-sistema pubblika tiegħu ta’ assigurazzjoni għall-mard ta’ ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv, li jirrisjedi fit-territorju tiegħu abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, għal kundizzjonijiet, bħall-konklużjoni jew iż-żamma, minn dan iċ-ċittadin, ta’ assigurazzjoni għall-mard komprensiva, li tippermetti r-rimbors lill-imsemmi Stat Membru tal-ispejjeż tas-saħħa sostnuti minn dan tal-aħħar favur dan iċ-ċittadin, jew il-ħlas ta’ kontribuzzjoni, minn tali ċittadin, għal tali sistema. Madankollu, huwa l-Istat Membru ospitanti li għandu jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dan il-kuntest u għalhekk li ma jkunx eċċessivament diffiċli għaċ-ċittadin ikkonċernat li josserva tali kundizzjonijiet.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mid-dritt li jkunu affiljati mas-sistema pubblika tal-assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ospitanti, sabiex jibbenefikaw minn servizzi ta’ kura medika ffinanzjati minn dan l-Istat, iċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi, ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, li jaqgħu, skont dan ir-regolament, taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti u li jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom fuq it-territorju ta’ dan f’konformità ma’ din id-direttiva.

    Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux, min-naħa l-oħra, li l-affiljazzjoni ta’ tali ċittadini tal-Unjoni ma’ din is-sistema ma tkunx mingħajr ħlas, sabiex jiġi evitat li l-imsemmija ċittadini jsiru piż irraġonevoli fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti.


    ( 1 ) Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 43).

    ( 2 ) Abbażi tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 883/2004.

    ( 3 ) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

    ( 4 ) Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004.

    Top