Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0083

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Mejju 2021.
Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et vs Inspecţia Judiciară et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea – Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni – Artikoli 37 u 38 – Miżuri xierqa – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Deċiżjoni 2006/928/KE – Natura u effetti legali tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika u tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni fuq il-bażi tiegħu – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Liġijiet u digrieti governattivi ta’ urġenza adottati fir-Rumanija matul is-snin 2018 u 2019 fil-qasam tal-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja u tar-responsabbiltà tal-imħallfin – Ħatra ad interim fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-Ispettorat Ġudizzjarju – Stabbiliment fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ taqsima inkarigata mill-investigazzjoni tar-reati mwettqa fi ħdan is-sistema ġudizzjarja – Responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u responsabbiltà personali tal-imħallfin fil-każ ta’ żball ġudizzjarju.
Kawżi magħquda C-83/19, C-127/19, C-195/19, C-291/19, C-355/19 u C-397/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:393

Kawżi magħquda C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19

Asociaţia “Forumul Judecătorilor Din România” et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa rispettivament mit-Tribunalul Olt, mill-Curtea de Apel Piteşti, mill-Curtea de Apel Bucureşti, mill-Curtea de Apel Braşov, mill-Curtea de Apel Piteşti, kif ukoll mit-Tribunalul Bucureşti)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑18 ta’ Mejju 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea – Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni – Artikoli 37 u 38 – Miżuri xierqa – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Deċiżjoni 2006/928/KE – Natura u effetti legali tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika u tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni fuq il-bażi tiegħu – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Liġijiet u digrieti governattivi ta’ urġenza adottati fir-Rumanija matul is-snin 2018 u 2019 fil-qasam tal-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja u tar-responsabbiltà tal-imħallfin – Ħatra ad interim fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-Ispettorat Ġudizzjarju – Stabbiliment fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ taqsima inkarigata mill-investigazzjoni tar-reati mwettqa fi ħdan is-sistema ġudizzjarja – Responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u responsabbiltà personali tal-imħallfin fil-każ ta’ żball ġudizzjarju”

  1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Azzjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet – Kunċett – Deċiżjoni 2006/928 u rapporti stabbiliti abbażi ta’ din id-deċiżjoni – Inklużjoni

    (Artikolu 267 TFUE; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928)

    (ara l-punti 148 sa 151, u d-dispożittiv 1)

  2. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Valuri u għanijiet tal-Unjoni – Valuri – Rispett tal-Istat tad-dritt – Portata – Adeżjoni mal-Unjoni – Nuqqas ta’ rigressjoni tal-protezzjoni tal-valuri tal-Unjoni – Trattat ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Deċiżjoni 2006/928 – Inklużjoni

    (Artikoli 2 TUE u 4(3) TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 49 TUE; Att ta’ Adeżjoni tal‑2005, Artikoli 2, 37 u 38; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928)

    (ara l-punti 160 sa 165, 169 sa 172, 175 sa 178, u d-dispożittiv 2)

  3. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Valuri u għanijiet tal-Unjoni – Valuri – Rispett tal-Istat tad-dritt – Portata – Adeżjoni mal-Unjoni – Nuqqas ta’ rigressjoni tal-protezzjoni tal-valuri tal-Unjoni – Trattat ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni 2006/928 – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja – Inklużjoni

    (Artikoli 2 TUE u 4(3) TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 49 TUE; Trattat ta’ Adeżjoni tal‑2005; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928)

    (ara l-punti 184, 185, u d-dispożittiv 3)

  4. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin – Ħatra ad interim fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-Ispettorat Ġudizzjarju – Eżerċizzju tal-azzjoni dixxiplinari kontra mħallfin u prosekuturi – Nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura ta’ ħatra ordinarja prevista mid-dritt nazzjonali – Inammissibbiltà

    (Artikoli 2 TUE u 19 TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47)

    (ara l-punti 188 sa 192, 194 sa 200, 205, u d-dispożittiv 4)

  5. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin – Stabbiliment fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ taqsima inkarigata mill-investigazzjoni tar-reati mwettqa fi ħdan is-sistema ġudizzjarja – Taqsima li għandha kompetenza esklużiva sabiex tmexxi l-investigazzjonijiet – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjonijiet

    (Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Trattat ta’ Adeżjoni tal‑2005; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 48; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928)

    (ara l-punti 213, 214, 216, 219 sa 221, 223, u d-dispożittiv 5)

  6. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin – Responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u responsabbiltà personali tal-imħallfin fil-każ ta’ żball ġudizzjarju – Konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali żball imwettqa waqt it-tqegħid inkwistjoni tar-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat, mingħajr smigħ tal-imħallef ikkonċernat – Konstatazzjoni li hija meħtieġa waqt l-azzjoni għal rimedju intiża sabiex titqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà personali tal-imħallef ikkonċernat – Assenza ta’ garanziji neċessarji sabiex tiġi evitata pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja u sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-imħallef ikkonċernat – Inammissibbiltà

    (Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE)

    (ara l-punti 226, 227, 229, 232 sa 237, 241, u d-dispożittiv 6)

  7. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin – Supremazija – Effett dirett – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ livell kostituzzjonali li tipprojbixxi lil qorti ta’ livell inferjuri li ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Inammissibbiltà

    (Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Trattat ta’ Adeżjoni tal‑2005; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928)

    (ara l-punti 244 sa 248, 250 sa 252, u d-dispożittiv 7)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar sensiela ta’ riformi Rumeni dwar l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja, is-sistema dixxiplinari tal-membri tal-ġudikatura kif ukoll ir-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u r-responsabbiltà personali tal-imħallfin wara żball ġudizzjarju

Tressqu sitt talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn qrati Rumeni fil-kuntest ta’ tilwim bejn persuni ġuridiċi jew persuni fiżiċi u awtoritajiet jew korpi bħall-Ispettorat Ġudizzjarju Rumen, il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura u l-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja.

Il-kawżi prinċipali jaqgħu fil-kuntest ta’ riforma kbira fil-qasam tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-Rumanija, liema riforma hija s-suġġett ta’ monitoraġġ fuq il-livell tal-Unjoni mill‑2007 bis-saħħa tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika stabbilit bid-Deċiżjoni 2006/928 fl-okkażjoni tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni ( 1 ) (iktar ’il quddiem il-“MKV”).

Fil-kuntest tan-negozjati għall-finijiet tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, ir-Rumanija adottat, matul is-sena 2004, tliet liġijiet, imsejħa “Liġijiet dwar il-Ġustizzja”, dwar ir-regoli li jirregolaw lill-imħallfin u lill-prosekuturi, dwar l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja u dwar il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, bil-għan li ttejjeb l-indipendenza u l-effikaċja tal-ġudikatura. Matul is-snin 2017 sa 2019, saru emendi għall-imsemmija liġijiet permezz ta’ liġijiet u ta’ digrieti governattivi ta’ urġenza adottati abbażi tal-Kostituzzjoni Rumena. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ wħud minn dawn l-emendi leġiżlattivi. Insostenn tar-rikorsi tagħhom, huma jirreferu għal ċerti opinjonijiet u rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress li sar mir-Rumanija taħt il-MKV, li jikkritikaw, fil-fehma tagħhom, id-dispożizzjonijiet adottati mir-Rumanija matul is-snin 2017 sa 2019 fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ effikaċja tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tal-garanzija tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja.

F’dan il-kuntest, il-qrati tar-rinviju jistaqsu dwar in-natura u l-effetti ġuridiċi tal-MKV kif ukoll dwar il-portata tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tiegħu. Skont dawn il-qrati, il-kontenut, in-natura u t-tul tal-imsemmi mekkaniżmu għandhom jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni u r-rekwiżiti fformulati f’dawn ir-rapporti għandhom ikunu ta’ natura obbligatorja għar-Rumanija. F’dan ir-rigward, madankollu, l-imsemmija qrati jirreferu għal ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li d-dritt tal-Unjoni ma għandux supremazija fuq l-ordni kostituzzjonali Rumen u d-Deċiżjoni 2006/928 ma tistax tikkostitwixxi regola ta’ riferiment fil-kuntest ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità, peress li din id-deċiżjoni ġiet adottata qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni u li l-kwistjoni dwar jekk il-kontenut, in-natura u t-tul tagħha jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni ma kienet is-suġġett ta’ ebda interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tikkonstata li d-Deċiżjoni 2006/928 u r-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi ta’ din id-deċiżjoni jikkostitwixxu atti adottati minn istituzzjoni tal-Unjoni, li jistgħu jiġu suġġetti għal interpretazzjoni skont l-Artikolu 267 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, sussegwentement, li l-imsemmija deċiżjoni taqa’, għal dak li jirrigwarda n-natura ġuridika tagħha, il-kontenut tagħha u l-effetti ratione temporis tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni, peress li hija tikkostitwixxi miżura adottata fuq il-bażi tal-Att ta’ Adeżjoni li torbot lir-Rumanija sa mid-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni.

Fir-rigward tal-effetti legali tad-Deċiżjoni 2006/928, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li din hija ta’ natura vinkolanti fl-elementi kollha tagħha għar-Rumanija mill-adeżjoni tagħha mal-Unjoni u tobbligaha tilħaq il-punti ta’ riferiment, ukoll vinkolanti, li jinsabu fl-Anness tagħha. Dawn l-għanijiet, iddefiniti minħabba nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, huma intiżi b’mod partikolari li jiżguraw l-osservanza, minn dan l-Istat Membru, tal-valur tal-Istat tad-dritt. Ir-Rumanija hija għalhekk obbligata tieħu l-miżuri xierqa sabiex twettaq l-imsemmija għanijiet u tastjeni milli timplimenta kull miżura li tirriskja li tikkomprometti t-twettiq ta’ dawn l-istess għanijiet.

Fir-rigward tal-effetti legali tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tad-Deċiżjoni 2006/928, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li dawn jifformulaw rekwiżiti fir-rigward tar-Rumanija u jindirizzaw “rakkomandazzjonijiet” lill-imsemmi Stat Membru għall-finijiet tat-twettiq tal-punti ta’ riferiment. Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, ir-Rumanija għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-imsemmija rekwiżiti u rakkomandazzjonijiet, u hija għandha tastjeni milli tadotta jew iżżomm fis-seħħ miżuri fl-oqsma koperti mill-punti ta’ riferiment li jirriskjaw li jikkompromettu r-riżultat li dawn l-istess rekwiżiti u rakkomandazzjonijiet jippreskrivu.

Il-ħatriet ad interim fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-Ispettorat Ġudizzjarju

Fit-tieni lok, wara li kkonstatat li l-leġiżlazzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fir-Rumanija jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż sabiex jiżgura l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-valur tal-Istat tad-dritt, li huwa protett mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Hija tenfasizza sussegwentement li kull Stat Membru għandu jiżgura li l-qrati, bħala “qrati”, li huma parti mis-sistema ta’ rimedji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva Peress li japplikaw għall-imħallfin tad-dritt komuni li huma msejħa sabiex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni għandhom għalhekk jissodisfaw l-imsemmija rekwiżiti. F’dan ir-rigward, iż-żamma tal-indipendenza tal-imħallfin inkwistjoni hija primordjali, sabiex jiġu protetti kontra interventi jew pressjonijiet esterni, u b’hekk tiġi eskluża kull influwenza diretta iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, fir-rigward tar-regoli li jirregolaw is-sistema dixxiplinari tal-imħallfin, li r-rekwiżit ta’ indipendenza jimponi li jiġu previsti l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat li din is-sistema tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. B’hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tqajjem dubji f’moħħ il-partijiet fil-kawża dwar l-użu tal-prerogattivi ta’ korp ġudizzjarju inkarigat mill-investigazzjonijiet u mill-azzjonijiet dixxiplinari kontra l-imħallfin u l-prosekuturi bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività tagħhom jew bħala strument ta’ tali kontroll.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ toħloq tali dubji meta jkollha, anki b’mod provviżorju, l-effett li tippermetti lill-Gvern tal-Istat Membru kkonċernat li jipproċedi b’ħatriet fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-korp li għandu l-kompitu li jwettaq l-investigazzjonijiet dixxiplinari u li jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari kontra mħallfin u prosekuturi, bi ksur tal-proċedura ordinarja ta’ ħatra prevista mid-dritt nazzjonali.

Il-ħolqien ta’ taqsima speċjalizzata tal-proċeduri kriminali li jkollha ġurisdizzjoni esklużiva għar-reati mwettqa mill-membri tal-ġudikatura

Fit-tielet lok, u dejjem fid-dawl tal-istess kunsiderazzjonijiet ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħolqien ta’ taqsima speċjalizzata tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li jkollha l-kompetenza esklużiva sabiex tmexxi l-investigazzjonijiet dwar reati mwettqa mill-imħallfin u mill-prosekuturi. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, sabiex tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tali leġiżlazzjoni għandha, minn naħa, tkun iġġustifikata minn rekwiżiti oġġettivi u verifikabbli marbuta mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u, min-naħa l-oħra, tiggarantixxi li din it-taqsima ma tkunx tista’ tintuża bħala strument ta’ kontroll politiku tal-attività tal-imsemmija mħallfin u prosekuturi u teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha billi tosserva r-rekwiżiti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fin-nuqqas li jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti, din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi pperċepita bħala intiża li tistabbilixxi strument ta’ pressjoni u ta’ intimidazzjoni fir-rigward tal-imħallfin, li tippreġudika l-fiduċja tal-partijiet f’kawża lejn il-ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma jistax ikollha l-effett li tikser l-obbligi speċifiċi li għandha r-Rumanija skont id-Deċiżjoni 2006/928 fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li r-riforma li wasslet, fir-Rumanija, għall-ħolqien ta’ taqsima speċjalizzata tal-Uffiċċju tal-Prosekutur inkarigat mill-investigazzjonijiet fir-rigward tal-imħallfin u tal-prosekuturi kif ukoll ir-regoli dwar il-ħatra tal-prosekuturi assenjati f’din it-taqsima ma humiex ta’ natura li tirrendi l-imsemmija taqsima permeabbli għal influwenzi esterni. Fir-rigward tal-Karta, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tipprekludix li l-kawża tal-imħallfin u tal-prosekuturi kkonċernati tkun tista’ tinstema’ fi żmien raġonevoli.

Ir-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u r-responsabbiltà personali tal-imħallfin minħabba żball ġudizzjarju

Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat u r-responsabbiltà personali tal-imħallfin għad-danni kkawżati minn żball ġudizzjarju tista’ tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni biss sa fejn il-kontestazzjoni, fil-kuntest ta’ azzjoni għal rimedju, tar-responsabbiltà personali ta’ mħallef minħabba tali żball ġudizzjarju tkun limitata għal każijiet eċċezzjonali u tkun irregolata minn kriterji oġġettivi u verifikabbli marbuta ma’ rekwiżiti bbażati fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, kif ukoll minn garanziji intiżi sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ pressjoni esterna fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Għal dan il-għan, regoli ċari u preċiżi li jiddefinixxu l-aġir li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà personali tal-imħallfin huma essenzjali sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza inerenti għall-kompitu tagħhom u sabiex jiġi evitat li dawn ikunu esposti għar-riskju li r-responsabbiltà personali tagħhom tkun tista’ tiġi stabbilita sempliċement minħabba d-deċiżjoni tagħhom. Il-fatt li deċiżjoni tinvolvi żball ġudizzjarju ma jistax, fih innifsu, ikun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà personali tal-imħallef ikkonċernat.

Fir-rigward tal-modalitajiet relatati mat-tqegħid inkwistjoni tar-responsabbiltà personali tal-imħallfin, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi b’mod ċar u preċiż il-garanziji neċessarji li jiżguraw li la l-investigazzjoni intiża sabiex tivverifika l-eżistenza tal-kundizzjonijiet u taċ-ċirkustanzi li jistgħu jistabbilixxu din ir-responsabbiltà u lanqas l-azzjoni għal rimedju ma jkunu jidhru li jistgħu jinbidlu fi strumenti ta’ pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja. Sabiex jiġi evitat li tali modalitajiet jista’ jkollhom effett dissważiv fir-rigward tal-imħallfin fl-eżerċizzju tal-kompitu tagħhom li jiddeċiedu b’mod kompletament indipendenti, l-awtoritajiet kompetenti, sabiex jiftħu u jmexxu din l-investigazzjoni kif ukoll sabiex titressaq l-imsemmija azzjoni, għandhom ikunu huma stess ikunu awtoritajiet li jaġixxu b’mod oġġettiv u imparzjali, u l-kundizzjonijiet sostantivi kif ukoll il-modalitajiet proċedurali għandhom ikunu tali li ma jistgħux joħolqu dubji leġittimi dwar l-imparzjalità ta’ dawn l-awtoritajiet. Bl-istess mod, huwa importanti li d-drittijiet stabbiliti mill-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża tal-imħallef, jiġu rrispettati b’mod sħiħ u li l-istanza li tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà personali tal-imħallef tkun qorti. B’mod partikolari, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju ma tistax tiġi imposta fil-kuntest ta’ azzjoni għal rimedju mressqa mill-Istat kontra l-imħallef ikkonċernat minkejja li dan tal-aħħar ma nstemax matul il-proċedura preċedenti intiża sabiex titqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà patrimonjali tal-Istat.

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni

Fil-ħames lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ livell kostituzzjonali li ċċaħħad lil qorti ta’ livell inferjuri mid-dritt li ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, dispożizzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928 u li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-effetti marbuta mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni huma imposti fuq il-korpi kollha ta’ Stat Membru, mingħajr ma d-dispożizzjonijiet interni relatati mat-tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji, inklużi ta’ natura kostituzzjonali, jistgħu jostakolaw dan il-prinċipju. Filwaqt li tfakkar ukoll li l-qrati nazzjonali huma obbligati jagħtu lid-dritt intern, sa fejn huwa possibbli, interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, jew li ma japplikawx, fuq il-bażi tal-awtorità tagħhom stess, kwalunkwe dispożizzjoni kunfliġġenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tistax tkun is-suġġett ta’ tali interpretazzjoni konformi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, fil-każ tal-ksur ikkonstatat tat-Trattat UE jew tad-Deċiżjoni 2006/928, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qorti tar-rinviju ma tapplikax id-dispożizzjonijiet inkwistjoni, kemm jekk ikunu ta’ oriġini leġiżlattiva jew kostituzzjonali.


( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825)

Top