Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0276

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2020.
    KrakVet Marek Batko sp. k. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 33 – Determinazzjoni tal-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli – Kunsinna ta’ oġġetti bit-trasport – Kunsinna ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati mill-fornitur jew għan-nom tiegħu – Regolament (UE) Nru 904/2010 – Artikoli 7, 13 u 28 sa 30 – Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri – Skambju ta’ informazzjoni.
    Kawża C-276/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:485

    Kawża C‑276/18

    KrakVet Marek Batko sp.k.

    vs

    Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

    (talba għal deċiżjoni preliminari
    mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2020

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu33 – Determinazzjoni tal-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli – Kunsinna ta’ oġġetti bit-trasport – Kunsinna ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati mill-fornitur jew għan-nom tiegħu – Regolament (UE) Nru 904/2010 – Artikoli 7, 13 u 28 sa 30 – Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri – Skambju ta’ informazzjoni”

    1. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Kunsinna ta’ oġġetti – Post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli – Kunsinni ta’ oġġetti bit-trasport – Eżiġibbiltà tat-taxxa għal servizzi diġà suġġetti għat-taxxa fi Stati Membri oħra – Obbligu ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri – Portata – Soluzzjoni komuni fir-rigward tat-trattament tal-istess operazzjoni għall-finijiet tat-taxxa – Esklużjoni – Issuġġettar unilaterali tat-tranżazzjonijiet għal trattament fiskali differenti minn dak fl-Istat Membru l-ieħor – Ammissibbiltà

      (Regolament tal-Kunsill Nru 904/2010, Direttiva tal-Kunsill 2006/112)

      (ara l-punti 46, 48-50, 53, u d-dispożittiv 1)

    2. Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Obbligu ta’ rinviju – Portata – Tranżazzjoni li hija s-suġġett ta’ trattament differenti f’żewġ Stati Membri għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud – Inklużjoni – Kundizzjoni – Deċiżjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju li ma tistax tkun suġġetta għal rimedju ġudizzjarju fid-dritt intern

      (Artikolu 267 TFUE)

      (ara l-punt 51)

    3. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Kunsinna ta’ oġġetti – Post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli – Kunsinni ta’ oġġetti bit-trasport – Kuntratt ta’ trasport konkluż bejn ix-xerrej u t-trasportatur – Fornitur li jirrakkomanda trasportatur iżda li jħalli l-għażla libera lix-xerrej – Trasport jew spedizzjoni mill-fornitur jew għan-nom tiegħu – Kunċett – Oġġetti ttrasportati jew mibgħuta minn fornitur li għandu rwol importanti fl-istadji essenzjali tal-kunsinna – Inklużjoni – Kriterji ta’ verifika – Teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika u kummerċjali

      (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 32 u 33)

      (ara l-punti 61, 63, 66, 67, 69-73, 77, 78, 80, 82, u d-dispożittiv 2)

    4. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu prattika abbużiva – Kunsinna ta’ merkanzija ttrasportata minn Stat Membru li ma huwiex dak tal-wasla tat-trasport – Kuntratt ta’ trasport konkluż bejn ix-xerrej u t-trasportatur – Fornitur li jirrakkomanda trasportatur iżda li jħalli l-għażla libera lix-xerrej – Trasportatur rakkomandat indipendenti u li jeżerċita attività ekonomika reali – Assenza ta’ abbuż

      (Direttiva tal-Kunsill 2006/112)

      (ara l-punti 84, 85, 89, 90, 96, u d-dispożittiv 3)

    Sunt

    Fis-sentenza KrakVet Marek Batko (C‑276/18), mogħtija fit-18 ta’ Ġunju 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat, għall-ewwel darba, l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2006/112 ( 1 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”) u l-kunċett ta’ merkanzija “mibgħuta jew ittrasportata minn jew għan-nom tal-fornitur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-kuntest ta’ taxxa doppja dovuta għat-trattament differenti, minn żewġ Stati Membri, tal-istess tranżazzjoni ta’ kunsinna ta’ oġġetti li tinvolvi spedizzjoni jew trasport transkonfinali. Din il-klassifikazzjoni għandha effett fuq id-determinazzjoni tal-post tat-tranżazzjoni taxxabbli u tal-Istat Membru kompetenti għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija wkoll dwar il-portata tal-obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tal-post tal-kunsinna tal-oġġetti inkwistjoni, skont ir-Regolament Nru 904/2010 ( 2 ), sabiex tiddeċiedi dwar il-possibbiltà għall-amministrazzjoni fiskali tal-Istat fejn tkun tinsab il-merkanzija fil-mument tal-wasla tat-trasport li fir-rigward tal-istess tranżazzjoni tasal għal konklużjoni differenti minn dik tal-awtorità fiskali tal-Istat li fih ikun stabbilit il-fornitur, bir-riżultat ta’ taxxa doppja tal-persuna taxxabbli.

    F’dan il-każ, KrakVet, kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk li tikkummerċjalizza prodotti għall-annimali, kienet toffri lill-klijenti tagħha residenti fl-Ungerija, permezz tas-sit internet tagħha, il-possibbiltà li jafdaw it-trasport tal-prodotti lil trasportatur Pollakk li jaħdem f’kollaborazzjoni magħha, filwaqt li l-klijenti jibqgħu madankollu liberi li jagħżlu lil trasportatur ieħor. Jekk ix-xerrej jagħżel li juża s-servizzi tat-trasportatur irrakkomandat, huwa jikkonkludi kuntratt ma’ dan it-trasportatur, li jipprovdi l-kunsinna tal-prodotti sa mħażen ta’ żewġ kumpanniji tal-posta stabbiliti fl-Ungerija, li minnhom il-prodotti jiġu kkunsinnati minn trasportatur Ungeriż lill-konsumaturi finali. Il-ħlas tal-prodotti jsir mal-kunsinna għand il-kumpannija tal-posta jew bil-ħlas antiċipat f’kont bankarju.

    Peress li l-amministrazzjoni fiskali Pollakka qieset li l-post ta’ tassazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali ta’ Krakvet kien jinsab fil-Polonja, KrakVet kienet ħallset il-VAT f’dan il-pajjiż. Madankollu, l-amministrazzjoni fiskali Ungeriża wettqet verifika a posteriori tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT u fetħet proċedura fiskali amministrattiva kontra KrakVet, li fil-kuntest tagħha hija kkonsultat l-amministrazzjoni fiskali Pollakka. Fi tmiem din il-proċedura, l-amministrazzjoni fiskali Ungeriża qieset li l-VAT fuq il-beni ttrasportati fl-Ungerija kellha titħallas fl-Ungerija u imponiet fuq KrakVet il-ħlas ta’ differenza ta’ tassazzjoni fir-rigward tal-VAT, multa u interessi moratorji kif ukoll multa għan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ reġistrazzjoni tagħha mal-amministrazzjoni fiskali Ungeriża.

    KrakVet ikkontestat quddiem il-qorti tar-rinviju d-deċiżjoni mogħtija mill-awtorità fiskali Ungeriża, li wasslitha biex tħallas il-VAT darbtejn, ħaġa li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

    Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva tal-VAT kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 904/2010 ma jipprekludux li l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru jkunu jistgħu, unilateralment, jissuġġettaw tranżazzjonijiet għal trattament fiskali fil-qasam tal-VAT li jkun differenti minn dak li permezz tiegħu dawn ikunu diġà ġew intaxxati fi Stat Membru ieħor. B’hekk hija enfasizzat li l-imsemmi regolament sempliċement jippermetti kooperazzjoni amministrattiva għall-iskambju ta’ informazzjoni li tista’ tkun neċessarja għall-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri u għalhekk ma jirregolax il-kompetenza ta’ dawn l-awtoritajiet sabiex iwettqu l-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati fid-dawl tad-Direttiva tal-VAT. Dan ir-regolament ma jimponix fuq l-awtoritajiet fiskali ta’ żewġ Stati Membri li jikkooperaw sabiex jaslu għal soluzzjoni komuni fir-rigward tat-trattament ta’ tranżazzjoni għall-finijiet tal-VAT u ma jipprevedix li l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru jkunu marbuta bil-kwalifika mogħtija lil din it-tranżazzjoni mill-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru ieħor. L-applikazzjoni korretta tad-Direttiva tal-VAT għandha tippermetti li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u li tiġi żgurata n-newtralità fiskali. Fil-każ ta’ diverġenza bejn l-Istati Membri fit-trattament fiskali ta’ tranżazzjoni, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Jekk jirriżulta li l-VAT diġà tħallset indebitament fi Stat Membru, id-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ taxxi miġbura fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni huwa l-konsegwenza u r-riżultat tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-Istat Membru huwa obbligat li jħallas lura t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ir-regoli stabbiliti mid-Direttiva tal-VAT f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli fil-każ ta’ kunsinna ta’ oġġetti bi trasport. Din fakkret li, konformement mal-Artikolu 32 tad-direttiva msemmija, fejn merkanzija hija mibgħuta jew ittrasportata mill-fornitur, jew mix-xerrej, jew minn persuna terza, il-post ta’ provvista għandu jitqies bħala l-post fejn tkun tinsab il-merkanzija fil-ħin meta tintbagħat jew jibda t-trasport tal-merkanzija għall-konsumatur. B’deroga minn dan, madankollu, l-Artikolu 33 tal-istess direttiva jipprevedi li l-post ta’ kunsinna ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata, mill-fornitur jew f’ismu, minn Stat Membru li ma huwiex dak tal-wasla tal-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata, għandu jitqies, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jinsab fil-post fejn tkun tinsab il-merkanzija fil-mument tal-wasla tal-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lill-persuna li akkwistatha.

    Peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika u kummerċjali jikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li meta, bħal f’dan il-każ, l-oġġetti mibjugħa minn fornitur stabbilit fi Stat Membru lil xerrejja li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor jiġu ttrasportati lejn dawn tal-aħħar minn trasportatur irrakkomandat minn dan il-fornitur, iżda li miegħu ix-xerrejja huma liberi li jikkuntrattaw għall-finijiet ta’ dan it-trasport, dawn l-oġġetti għandhom jitqiesu bħala mibgħuta jew ittrasportati “mill-fornitur jew għan-nom tiegħu” u l-kunsinna għandha titqies li taqa’ taħt l-Artikolu 33 tad-Direttiva tal-VAT peress li r-rwol tal-fornitur huwa predominanti f’dak li jikkonċerna l-inizjattiva kif ukoll l-organizzazzjoni tal-istadji essenzjali tal-ispedizzjoni jew tat-trasport tal-oġġetti msemmija.

    Finalment, peress li l-qorti tar-rinviju qieset li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tqajjem il-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li l-prattika ta’ KrakVet titqies bħala abbużiva, peress li din ibbenefikat mir-rata inqas għolja ta’ VAT tal-Istat Membru fejn hija stabbilita, peress li ma ġewx applikati d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 33 tad-Direttiva tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma hemmx lok għalfejn jitqies li jikkostitwixxu abbuż ta’ dritt tranżazzjonijiet li permezz tagħhom il-merkanzija mibjugħa minn fornitur tiġi ttrasportata lejn ix-xerrej minn kumpannija rrakkomandata mill-fornitur, meta, minn naħa, l-imsemmi fornitur u din il-kumpannija jkunu marbuta u meta, min-naħa l-oħra, dawn ix-xerrejja jibqgħu, madankollu, ħielsa li jirrikorru għal kumpannija differenti jew li jieħdu personalment il-kunsinna tal-oġġetti, peress li dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jaffettwaw il-konstatazzjoni li tgħid li l-fornitur u l-kumpannija ta’ trasport irrakkomandata minnu huma kumpanniji indipendenti li jwettqu, għan-nom tagħhom, attivitajiet ekonomiċi reali.


    ( 1 ) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta' 28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas- 7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, p. 1).

    Top