This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0193
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Jannar 2019.
Cresco Investigation GmbH vs Markus Achatzi.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(2)(a) – Diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil ċerti ħaddiema jum wieħed ta’ leave fil-Ġimgħa l-Kbira – Ġustifikazzjoni – Artikolu 2(5) – Artikolu 7(1) – Obbligi tal-persuni li jimpjegaw privati u tal-qrati nazzjonali li jirriżultaw minn inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-Direttiva 2000/78.
Kawża C-193/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Jannar 2019.
Cresco Investigation GmbH vs Markus Achatzi.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(2)(a) – Diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil ċerti ħaddiema jum wieħed ta’ leave fil-Ġimgħa l-Kbira – Ġustifikazzjoni – Artikolu 2(5) – Artikolu 7(1) – Obbligi tal-persuni li jimpjegaw privati u tal-qrati nazzjonali li jirriżultaw minn inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-Direttiva 2000/78.
Kawża C-193/17.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:43
Kawża C‑193/17
Cresco Investigation GmbH
vs
Markus Achatzi
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑22 ta’ Jannar 2019
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(2)(a) – Diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil ċerti ħaddiema jum wieħed ta’ leave fil-Ġimgħa l-Kbira – Ġustifikazzjoni – Artikolu 2(5) – Artikolu 7(1) – Obbligi tal-persuni li jimpjegaw privati u tal-qrati nazzjonali li jirriżultaw minn inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-Direttiva 2000/78”
Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti btala pubblika fil-Ġimgħa l-Kbira biss lill-ħaddiema li jappartjenu għal ċerti knejjes – Diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon – Ġustifikazzjoni – Miżura neċessarja għall-protezzjoni tal-libertà ta’ reliġjon – Assenza – Miżura intiża sabiex tikkumpensa għal żvantaġġi marbuta mar-reliġjon – Proporzjonalità – Assenza
(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 2(2) u (5), u Artikolu 7(1))
(ara l-punti 38 sa 69, u d-dispożittiv 1)
Atti tal-istituzzjonijiet – Direttivi – Implimentazzjoni mill-Istati Membri – Neċessità li tiġi żgurata l-effettività tad-direttivi – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Limiti – Tilwima bejn individwi – Obbligu li titħalla mhux applikata leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra direttiva – Assenza – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi – Portata
(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 2000/78)
(ara l-punti 71 sa 74)
Drittijiet Fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ugwaljanza fit-trattament – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta – Prinċipju li jikkostitwixxi s-sors tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju fir-rigward ta’ individwu – Obbligi tal-qorti nazzjonali – Obbligu li tiġi eskluża kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 21; Direttiva tal-Kunsill 2000/78)
(ara l-punti 76 sa 89, u d-dispożittiv 2)
Sunt
L-għoti, fl-Awstrija, ta’ btala pubblika mħallsa fil-Ġimgħa l-Kbira biss lill-ħaddiema li jappartjenu għal ċerti knejjes jikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba r-reliġjon li hija pprojbita mid-dritt tal-Unjoni
Fis-sentenza Cresco Investigation (C‑193/17), mogħtija fit‑22 ta’ Jannar 2019, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tagħti btala pubblika mħallsa fil-Ġimgħa l-Kbira kif ukoll, fil-każ ta’ xogħol dakinhar, “kumpens għal btala pubblika” biss lill-ħaddiema li jappartjenu għal ċerti knejjes Kristjani, hija inkompatibbli mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ tilwim bejn individwi, kif ukoll mad-Direttiva 2000/78 ( 1 ).
Il-kawża prinċipali kienet bejn aġenzija tal-investigazzjoni privata u wieħed mill-impjegati tagħha li kien ħadem fil-Ġimgħa l-Kbira mingħajr ma rċieva “kumpens għal btala pubblika”, peress li dan kien biss irriżervat, skont id-dritt nazzjonali, għall-membri ta’ ċerti knejjes. Billi qies li kien vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon, il-ħaddiem impjegat talab il-ħlas, mill-persuna li timpjegah, ta’ tali kumpens. Adita b’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka mal-Artikolu 21 tal-Karta kif ukoll mad-Direttiva 2000/78.
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, id-differenza fit-trattament stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali hija direttament ibbażata fuq ir-reliġjon tal-ħaddiema. Barra minn hekk, din tikkonċerna kategoriji ta’ ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli. Fil-fatt, kemm l-għoti ta’ btala pubblika mħallsa fil-Ġimgħa l-Kbira kif ukoll dak ta’ kumpens għal btala pubblika għall-ħaddiema membri ta’ waħda mill-knejjes imsemmija jiddependu biss mill-appartenenza formali ta’ dawn il-ħaddiema għal din il-knisja. Għalhekk, minn naħa, tali ħaddiema jistgħu jagħmlu użu kif jixtiequ huma, pereżempju għal finijiet ta’ mistrieħ jew ta’ rikreazzjoni, minn din il-btala pubblika filwaqt li l-ħaddiema l-oħra li jixtiequ jkollhom perijodu ta’ mistrieħ jew ta’ rikreazzjoni fil-Ġimgħa l-Kbira ma jibbenefikawx minn btala pubblika korrispondenti. Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema li jappartjenu għall-knejjes ikkonċernati għandhom dritt għal kumpens għal btala pubblika anki jekk kienu ħadmu fil-Ġimgħa l-Kbira mingħajr ma ħassew l-obbligu jew il-bżonn li jiċċelebraw din il-festa reliġjuża. Is-sitwazzjoni tagħhom ma hijiex differenti, f’dan ir-rigward, minn dik tal-ħaddiema l-oħra li ħadmu f’dan l-istess jum mingħajr ma bbenefikaw minn tali kumpens.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tinnota li l-għan tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni, jiġifieri li tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza partikolari tal-Ġimgħa l-Kbira għall-membri tal-knejjes ikkonċernati, jaqa’ taħt il-protezzjoni tal-libertà ta’ reliġjon, eskludiet li d-diskriminazzjoni diretta li hija tistabbilixxi tkun tista’ tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 jew tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, fid-dritt Awstrijak, il-possibbiltà għall-ħaddiema li ma jappartjenux għall-knejjes Kristjani msemmija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni li jiċċelebraw festa reliġjuża li ma tikkoinċidix ma’ btala pubblika tittieħed inkunsiderazzjoni mhux permezz tal-għoti ta’ btala pubblika supplimentari, iżda permezz ta’ dmir ta’ premura min-naħa tal-persuni li jimpjegaw fir-rigward tal-impjegati tagħhom, li jippermetti lil dawn tal-aħħar jiksbu, jekk ikun il-każ, id-dritt li jkunu assenti mix-xogħol tagħhom għall-perijodu neċessarju sabiex iwettqu ċerti riti reliġjużi. Minn dan jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma hijiex neċessarja għall-protezzjoni tal-libertà ta’ reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva. Għal din l-istess raġuni, din il-leġiżlazzjoni lanqas ma tista’ titqies li tinkludi miżuri speċifiċi intiżi sabiex jikkumpensaw, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, sa fejn huwa possibbli, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, żvantaġġ fl-eżerċizzju tal-ħajja professjonali tal-ħaddiema kkonċernati fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78.
Fir-rigward tal-implimentazzjoni, fil-kawża prinċipali, tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba r-reliġjon li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li d-Direttiva 2000/78 ma tistax tiġi invokata f’tilwima bejn individwi sabiex tiġi mwarrba l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru meta, bħal f’dan il-każ, din ma tistax tiġi interpretata b’mod konformi ma’ din id-direttiva. Madankollu, id-Direttiva 2000/78 ma tistabbilixxix hija stess il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, li joriġina minn diversi strumenti internazzjonali u mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Barra minn hekk, il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin hija ta’ natura imperattiva inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u hija stabbilita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta.
Għaldaqstant, din il-projbizzjoni hija suffiċjenti fiha nfisha sabiex tikkonferixxi lill-individwi dritt invokabbli bħala tali f’tilwima kontra individwu ieħor f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni. Il-qorti nazzjonali hija għalhekk marbuta li tiżgura l-protezzjoni legali li tirriżulta minn dan l-artikolu sabiex tiggarantixxi l-effett sħiħ tiegħu. Hija obbligata li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha mil-leġiżlatur.
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, sakemm miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament ma ġewx adottati mil-leġiżlatur Awstrijak, il-persuni li jimpjegaw għandhom, skont l-Artikolu 21 tal-Karta, jiżguraw lill-ħaddiema li ma jappartjenux għal waħda mill-knejjes imsemmija fid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni trattament identiku għal dak li dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu għall-ħaddiema li huma membri ta’ waħda minn dawn il-knejjes.
( 1 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).