This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0384
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2018.
Dooel Uvoz-Izvoz Skopje Link Logistic N&N vs Budapest Rendőrfőkapitánya.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trasport bit-triq – Dispożizzjonijiet fiskali – Direttiva 1999/62/KE – Ħlas li jrid isir minn vetturi tqal tal-merkanzija għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi – Pedaġġ – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi – Multa b’rata fissa – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Applikabbiltà diretta tad-Direttiva.
Kawża C-384/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2018.
Dooel Uvoz-Izvoz Skopje Link Logistic N&N vs Budapest Rendőrfőkapitánya.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trasport bit-triq – Dispożizzjonijiet fiskali – Direttiva 1999/62/KE – Ħlas li jrid isir minn vetturi tqal tal-merkanzija għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi – Pedaġġ – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi – Multa b’rata fissa – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Applikabbiltà diretta tad-Direttiva.
Kawża C-384/17.
Court reports – general
Kawża C‑384/17
Dooel Uvoz-Izvoz Skopje Link Logistic N&N
vs
Budapest Rendőrfőkapitánya
(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mis-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trasport bit-triq – Dispożizzjonijiet fiskali – Direttiva 1999/62/KE – Ħlas li jrid isir minn vetturi tqal tal-merkanzija għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi – Pedaġġ – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi – Multa b’rata fissa – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Applikabbiltà diretta tad-Direttiva”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal‑4 ta’ Ottubru 2018
Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ delitti u ta’ pieni – Portata
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 49(3), 51(1) u 52(1))
Trasport – Trasport bit-triq – Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet – Direttiva 1999/62 – Ħlas li jrid isir minn vetturi tqal tal-merkanzija għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi – Effett dirett – Assenza
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/62, kif emendata bid-Direttiva 2011/76, Artikolu 9a)
Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-Istati Membri jadottaw miżuri adegwati sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju, li huwa ggarantit ukoll mill-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jipprevedi li l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur, jorbot lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta. B’hekk, is-severità ta’ sanzjoni għandha tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur ikkonċernat, rekwiżit dan li joħroġ kemm mill-Artikolu 52(1) tal-Karta u kemm mill-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni stabbilit fl-Artikolu 49(3) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 56). Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi, minn naħa, li s-sanzjoni imposta tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur u, min-naħa l-oħra, li, meta tiġi ddeterminata s-sanzjoni kif ukoll meta jiġi ffissat l-ammont tal-multa, jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali tal-każ ineżami.
(ara l-punti 40 sa 42, 45)
Ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, previst fl-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi, kif emendata bid-Direttiva 2011/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Settembru 2011, ma jistax jitqies li għandu effett dirett. Il-qorti nazzjonali għandha, bis-saħħa tal-obbligu tagħha li tieħu l-miżuri kollha ta’ natura ġenerali jew partikolari li jkunu adegwati sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod konformi ma’ din tal-aħħar, jew, jekk tali interpretazzjoni konformi ma tkunx possibbli, għandha tastjeni milli tapplika kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali sa fejn l-applikazzjoni tagħha, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, twassal għal riżultat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni.
Għaldaqstant, sabiex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tad-Direttiva 1999/62, l-Istati Membri huma meħtieġa jadottaw l-atti legali neċessarji skont id-dritt nazzjonali tagħhom, u għalhekk l-Artikolu 9a ta’ din id-direttiva jistabbilixxi obbligu li, min-natura tiegħu stess, jeħtieġ l-intervent ta’ att min-naħa ta’ dawn l-Istati Membri, li għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fit-traspożizzjoni ta’ dan l-obbligu. Għandu jiġi osservat, f’dan il-kuntest, li din id-direttiva ma tinkludix regoli iktar speċifiċi fir-rigward tal-istabbiliment tal-imsemmija sanzjonijiet nazzjonali u, b’mod partikolari, ma tistabbilixxi ebda kriterju espliċitu għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata ta’ tali sanzjonijiet (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punt 38). B’hekk, peress li jeħtieġ l-intervent tal-Istati Membri u jagħtihom marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli, l-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 ma jistax jitqies, mill-perspettiva tal-kontenut tiegħu, li huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż, u dan jeskludi l-effett dirett tiegħu.
Interpretazzjoni kuntrarja twassal, fil-prattika, għal eliminazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija esklużivament lil-leġiżlaturi nazzjonali, li huwa l-kompitu tagħhom li jistabbilixxu sistema ta’ sanzjonijiet adegwata, fil-qafas iddefinit mill-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62. Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali tieħu post il-leġiżlatur nazzjonali.
(ara l-punti 51 sa 55, 62 u d-dispożittiv)