EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0175

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-26 ta’ Settembru 2018.
X vs Belastingdienst/Toeslagen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2005/85/KE – Artikolu 39 – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 13 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 18, Artikolu 19(2) u Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Prinċipju ta’ non‑refoulement – Deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi l-obbligu ta’ ritorn – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għat-tieni livell ta’ azzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-ażil – Effett sospensiv ipso jure limitat għall-appell fl-ewwel istanza.
Kawża C-175/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

Kawża C-175/17

X

vs

Belastingdienst/Toeslagen

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2005/85/KE – Artikolu 39 – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 13 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 18, Artikolu 19(2) u Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Prinċipju ta’ non‑refoulement – Deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi l-obbligu ta’ ritorn – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għat-tieni livell ta’ azzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-ażil – Effett sospensiv ipso jure limitat għall-appell fl-ewwel istanza”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas‑26 ta’ Settembru 2018

  1. Proċedura ġudizzjarja – Proċedura orali – Ftuħ mill-ġdid – Obbligu ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet fuq punti ta’ liġi mqajma fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali – Assenza

    (Paragrafu 2 tal-Artikolu 252 TFUE; Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

  2. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kwistjonijiet li jirrigwardaw atti tad-dritt tal-Unjoni, fejn l-applikabbiltà ta’ dan tal-aħħar għall-kawża prinċipali hija kkontestata – Inklużjoni – Kundizzjoni – Kontestazzjoni indissoċjabbilment marbuta mar-risposti li għandhom jingħataw lid-domandi preliminari

    (Artikolu 267 TFUE)

  3. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċedura ta’ ħruġ u ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri – Direttiva 2005/85 – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi obbligu ta’ ritorn – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi mhux sospensiv kontra tali deċiżjoni – Ammissibbiltà – Limiti – Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 18, 19(2) u 47; Direttiva tal-Kunsill 2005/85, Artikolu 39; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 13)

  4. Drittijiet fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Formulazzjoni fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Sens u portata identiċi – Livell ta’ protezzjoni żgurat mill-Karta li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-imsemmija konvenzjoni

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-paragrafu 1 tal-Artikolu 47, Artikoli 52(3) u 53)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 20, 21)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 22-24)

  3.  L-Artikolu 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat, u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 19(2), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi appell kontra sentenza fl-ewwel istanza li tikkonferma deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi obbligu ta’ ritorn, ma tinkludix effett sospensiv ipso jure f’dan ir-rimedju anki meta l-persuna kkonċernata tinvoka riskju serju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

    B’hekk, għalkemm li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2005/85 u 2008/115 jimponu lill-Istati Membri sabiex jipprevedu dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u kontra d-deċiżjonijiet ta’ ritorn, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li r-rikorsi tagħhom fl-ewwel istanza kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tagħhom u d-deċiżjoni ta’ ritorn ma kellhomx suċċess, id-dritt li jappellaw, u wisq inqas għandhom jipprevedu li l-eżerċizzju ta’ tali dritt ikun mogħni b’effett sospensiv ipso jure. Rekwiżiti ta’ dan it-tip lanqas ma jistgħu jiġu dedotti mill-istruttura u mill-għan ta’ dawn id-direttivi.

    Għalhekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115, bħal dik tad-Direttiva 2005/85, għandha ssir, hekk kif jirriżulta mill-premessa 24 tal-ewwel direttiva u mill-premessa 8 tat-tieni direttiva, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 51). F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li meta Stat Membru jiddeċiedi li jibgħat lil applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż fejn jeżistu raġunijiet serji li wieħed jemmen li dan ikun espost għal riskju reali ta’ trattamenti kuntrarji għall-Artikolu 18 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, hekk kif ikkompletata mill-Protokoll relatat magħha, jew mal-Artikolu 19(2) tal-Karta, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, previst fl-Artikolu 47 tagħha, jirrikjedi li dan l-applikant ikollu rimedju sospensiv ipso jure kontra l-eżekuzzjoni tal-miżura li tippermetti t-tneħħija tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, la l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 jew l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, u lanqas l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-garanziji li jinsabu fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 19(2) tagħha, ma jimponu l-eżistenza ta’ livell doppju ta’ ġurisdizzjoni. Hija meħtieġa sempliċement, fil-fatt, l-eżistenza ta’ rikors quddiem istanza ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 69, u tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 57).

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-introduzzjoni ta’ tieni livell ta’ ġurisdizzjoni kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u kontra d-deċiżjonijiet ta’ ritorn kif ukoll id-deċiżjoni li dan ikun jinkludi, jekk ikun il-każ, effett sospensiv ipso jure jikkostitwixxu, kuntrarjament għall-argument li jinvoka l-Gvern Belġjan, espost fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, modalitajiet proċedurali li jimplimentaw id-dritt għal rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet previst fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115. Filwaqt li tali modalitajiet proċedurali jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li huma għandhom josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punti 31, 3650 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tas‑16 ta’ Lulju 2015, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑539/14, EU:C:2015:508, punt 33).

    (ara l-punti 28, 29, 31, 32, 34, 38, 48 u d-dispożittiv)

  4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 35)

Top