Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0448

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-20 ta’ Settembru 2018.
EOS KSI Slovensko s.r.o. vs Ján Danko u Margita Danková.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Artikolu 4(2) u Artikolu 5 – Obbligu li l-klawżoli jiġu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem – Artikolu 7 – Kawża mressqa quddiem qorti minn persuni jew organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà għal assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi li tintervjeni fil-proċedura għall-kunsens tal-konsumatur – Kreditu għall-konsum – Direttiva 87/102/KEE – Artikolu 4(2) – Obbligu li tiġi indikata r-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt miktub – Kuntratt li jinkludi biss formola matematika għall-kalkolu tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta mingħajr l-elementi meħtieġa sabiex jitwettaq dan il-kalkolu.
Kawża C-448/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

Kawża C‑448/17

EOS KSI Slovensko s. r. o.

vs

Ján Danko u Margita Danková

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Krajský súd v Prešove)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Artikolu 4(2) u Artikolu 5 – Obbligu li l-klawżoli jiġu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem – Artikolu 7 – Kawża mressqa quddiem qorti minn persuni jew organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà għal assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi li tintervjeni fil-proċedura għall-kunsens tal-konsumatur – Kreditu għall-konsum – Direttiva 87/102/KEE – Artikolu 4(2) – Obbligu li tiġi indikata r-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt miktub – Kuntratt li jinkludi biss formola matematika għall-kalkolu tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta mingħajr l-elementi meħtieġa sabiex jitwettaq dan il-kalkolu”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-20 ta’ Settembru 2018

  1. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Mezzi intiżi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti – Awtonomija proċedurali – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi li tintervjeni insostenn tal-konsumatur fi proċedura għall-ħruġ ta’ ordni għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar jikkontesta din l-ordni – Inammissibbiltà – Kundizzjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 93/13)

  2. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Proċedura għal ordni ta’ ħlas – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fl-istadju tal-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas, l-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt – Kompetenza ta’ uffiċjal li ma għandux il-kwalità ta’ maġistrat sabiex joħroġ din l-ordni – Dritt għat-tressiq ta’ oġġezzjoni suġġett għal terminu qasir ħafna – Rekwiżit li l-oġġezzjoni mressqa mill-konsumatur tkun motivata – Inammissibbiltà – Kundizzjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 93/13)

  3. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Kamp ta’ applikazzjoni – Klawżoli li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew li jikkonċernaw il-prezz jew ir-remunerazzjoni u s-servizzi jew il-beni li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv – Klawżola dwar l-ispiża ta’ kreditu għall-konsum – Klawżola fformulata b’mod ċar u li jinftiehem – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Assenza ta’ indikazzjoni tar-rata tal-interessi, tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta u tal-elementi meħtieġa sabiex isir il-kalkolu ta’ din tal-aħħar – Element deċiżiv fl-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

    (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 4(2))

  1.  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lil organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi tintervjeni, fl-interess tal-konsumatur, fi proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas li tikkonċerna lil konsumatur individwali u tippreżenta oġġezzjoni kontra tali ordni fl-assenza ta’ kontestazzjoni ta’ din l-ordni mill-imsemmi konsumatur, fil-każ li l-imsemmija leġiżlazzjoni effettivament tissuġġetta l-intervent tal-assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi f’tilwim li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni għal kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk applikabbli għat-tilwim li jaqa’ esklużivament taħt id-dritt nazzjonali, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    (ara l-punt 43, u d-dispożittiv 1)

  2.  Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, filwaqt li tipprevedi, fl-istadju tal-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas kontra konsumatur, l-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli inklużi f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur, minn naħa, tagħti lil uffiċjal amministrattiv ta’ qorti li ma għandux il-kwalità ta’ maġistrat il-kompetenza li joħroġ din l-ordni ta’ ħlas u, min-naħa l-oħra, tipprevedi terminu ta’ ħmistax-il jum sabiex tiġi ppreżentata oġġezzjoni u teżiġi li din tal-aħħar tkun immotivata fuq il-mertu, fil-każ li tali stħarriġ ex officio ma jkunx previst fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija ordni, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti kompetenza fil-qasam tal-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ ħlas lil uffiċjal li ma għandux il-kwalità ta’ maġistrat ma jippreġudikax il-ħarsien tal-effett utli tad-Direttiva 93/13 sakemm stħarriġ minn qorti tal-assenza ta’ klawżola inġusta fil-kuntratt ikkonċernat ikun previst fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-ordni tal-ħlas jew fil-każ ta’ oġġezzjoni għal din l-ordni.

    B’dan premess, kif tfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ tali stħarriġ fl-istadju biss tal-oġġezzjoni tista’ tħares l-effett utli tad-Direttiva 93/13 fil-każ biss li l-konsumaturi ma jkunux dissważi milli jippreżentaw tali oġġezzjoni.

    Issa, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi terminu ta’ ħmistax-il jum biss li matulu l-konsumatur jista’ jippreżenta oġġezzjoni għall-ordni ta’ ħlas, u teżiġi wkoll li dan jimmotiva l-oġġezzjoni tiegħu fuq il-mertu.

    Għaldaqstant, b’tali leġiżlazzjoni, jeżisti riskju mhux negliġibbli li l-konsumatur ikkonċernat ma jippreżentax oġġezzjoni u li, b’hekk, l-istħarriġ ex officio minn qorti tal-assenza ta’ klawżola inġusta fil-kuntratt ikkonċernat ma jkunx jista’ jitwettaq.

    (ara l-punti 50 sa 54, u d-dispożittiv 2)

  3.  L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, minn naħa, ma jindikax ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta u jinkludi biss formola matematika għall-kalkolu ta’ din ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta mingħajr l-elementi meħtieġa sabiex jitwettaq dan il-kalkolu u, min-naħa l-oħra, ma jsemmix ir-rata ta’ interessi, tali fatt huwa element deċiżiv fil-kuntest tal-analiżi mill-qorti nazzjonali kkonċernata tal-kwistjoni dwar jekk il-klawżola tal-imsemmi kuntratt dwar l-ispiża tal-kreditu hijiex ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

    Il-fatt li r-RPAI ma tissemmiex f’kuntratt ta’ kreditu jista’ jikkostitwixxi element deċiżiv fil-kuntest tal-analiżi mill-qorti nazzjonali kkonċernata tal-kwistjoni dwar jekk il-klawżola ta’ dan il-kuntratt dwar l-ispiża tal-kreditu hijiex ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13. Jekk dan ma jkunx il-każ, din il-qorti nazzjonali tkun awtorizzata tevalwa n-natura inġusta ta’ tali klawżola fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C 76/10, EU:C:2010:685, punti 7172).

    Għandu jingħad ukoll li għandha tiġi assimilata mas-sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm indikazzjoni tar-RPAI f’kuntratt ta’ kreditu s-sitwazzjoni fejn, bħal fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kuntratt jinkludi biss formola matematika għall-kalkolu ta’ din ir-RPAI mingħajr l-elementi meħtieġa sabiex jitwettaq dan il-kalkolu.

    Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-konsumatur ma jistax jitqies li għandu għarfien sħiħ tal-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni futura tal-kuntratt konkluż, fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, u, għaldaqstant, li għandu l-elementi kollha li jista’ jkollhom effett fuq il-portata tal-obbligi tiegħu.

    (ara l-punti 65 sa 68, u d-dispożittiv 3)

Top