This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0438
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Settembru 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża u IFP Énergies nouvelles.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata minn Franza – Garanzija illimitata tal-Istat mogħtija lill-Institut Français du Pétrole (IFP) permezz tal-għoti tal-istatus ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (SPIK) – Deċiżjoni li tiddikjara li din il-miżura parzjalment ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u li parzjalment tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet – Kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” – Preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ – Oneru u livell tal-prova.
Kawża C-438/16 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Settembru 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża u IFP Énergies nouvelles.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata minn Franza – Garanzija illimitata tal-Istat mogħtija lill-Institut Français du Pétrole (IFP) permezz tal-għoti tal-istatus ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (SPIK) – Deċiżjoni li tiddikjara li din il-miżura parzjalment ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u li parzjalment tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet – Kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” – Preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ – Oneru u livell tal-prova.
Kawża C-438/16 P.
Kawża C-438/16 P
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika ta’ Franza
u
IFP Énergies nouvelles
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata minn Franza – Garanzija illimitata tal-Istat mogħtija lill-Institut Français du Pétrole (IFP) permezz tal-għoti tal-istatus ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (SPIK) – Deċiżjoni li tiddikjara li din il-miżura parzjalment ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u li parzjalment tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet – Kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” – Preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ – Oneru u livell tal-prova”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Settembru 2018
Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Eżami ta’ skema ta’ għajnuna meħuda fil-globalità tagħha — Ammissibbiltà
(Artikoli 107(3) TFUE u 108 TFUE)
Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Skema ta’ għajnuna — Kunċett — Trasformazzjoni ta’ impriża fi stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali — Esklużjoni — Kwalifika bħala għajnuna individwali
[Artikolu 108 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(d) u (e)]
Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Kundizzjonijiet kumulattivi
(Artikolu 107(1) TFUE)
Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji — Garanzija tal-Istat favur impriża mhux suġġetta għall-proċeduri ordinarji ta’ amministrazzjoni u ta’ stralċ — Prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ permezz ta’ preżunzjoni ta’ titjib tal-pożizzjoni finanzjarja ta’ din l-impriża — Konfutazzjoni tal-imsemmija preżunzjoni
(Artikolu 107(1) TFUE)
Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji — Garanzija tal-Istat favur impriża mhux suġġetta għall-proċeduri ordinarji ta’ amministrazzjoni u ta’ stralċ — Oneru tal-Kummissjoni li tipprova l-eżistenza ta’ vantaġġ — Evalwazzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha — Vantaġġ li jirriżulta mir-relazzjonijiet bejn l-impriża li tibbenefika mill-garanzija msemmija u l-fornituri u l-klijenti tagħha — Kundizzjonijiet
(Artikolu 107(1) TFUE)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 63)
Ma tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 108 TFUE, miżura li tillimita ruħha biex tippermetti lil persuna ġuridika partikolari l-benefiċċju ta’ garanzija illimitata u impliċita tal-Istat marbut mid-dritt nazzjonali mal-istatus ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (SPIK), li jinvolvi l-għoti lil dan l-operatur ta’ tali garanzija. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li tali miżura ma tinkludi ebda dispożizzjoni li abbażi tagħha tista’ tingħata għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999. F’dan ir-rigward, sa fejn it-trasformazzjoni tal-imsemmi operatur fi SPIK tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, hija tikkostitwixxi għajnuna mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna li għandha tiġi nnotifikata, jiġifieri għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tal-imsemmi regolament.
(ara l-punti 66, 70)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 108, 109)
Hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni hija obbligata li tmexxi l-proċedura ta’ eżami tal-miżuri inkwistjoni b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex ikollha, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-iktar elementi kompluti u affidabbli possibbli. Madankollu, fil-kuntest tal-eżami msemmi, il-Kummissjoni tista’ tinvoka preżunzjoni sempliċi li tgħid li l-għoti ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat favur impriża li għandha l-istatus ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (SPIC) li ma hijiex suġġetta għall-proċeduri normali ta’ amministrazzjoni u ta’ stralċ għandu bħala konsegwenza titjib tal-pożizzjoni finanzjarja tagħha permezz ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li, normalment, huma imposti fuq il-baġit tagħha. B’hekk, fil-kuntest ta’ proċedura dwar għajnuna eżistenti, sabiex jiġi pprovat il-vantaġġ mogħti permezz ta’ tali garanzija lill-impriża benefiċjarja, huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza stess ta’ din il-garanzija, mingħajr ma jkollha bżonn turi l-effetti reali prodotti minnha mill-mument tal-għoti tagħha.
F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li tali preżunzjoni hija biss preżunzjoni sempliċi, u għaldaqstant konfutabbli, madankollu tista’ tiġi kkonfutata biss billi jintwera li, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih tinsab il-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK ikkonċernat, dan tal-aħħar ma ngħatax fil-passat u, skont kull plawżibbiltà, fil-futur mhux ser jikseb xi vantaġġ ekonomiku reali minn din il-garanzija. Issa, is-sempliċi fatt li l-benefiċjarju ta’ tali garanzija ma siltet fil-passat l-ebda vantaġġ ekonomiku reali mill-istatut tiegħu ta’ SPIK ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ.
(ara l-punti 110, 111, 117, 118)
Fir-rigward tal-preżunzjoni sempliċi ta’ vantaġġ marbut mal-garanzija marbuta mal-istatut ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (SPIK) li għaliha tista’ tirrikorri l-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għalkemm huwa minnu li l-eżistenza ta’ din il-preżunzjoni ġiet espliċitament irrikonoxxuta f’dak li jikkonċerna biss ir-relazzjonijiet li SPIK jista’ jkollu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, ma jistax madankollu jiġi eskluż li tali preżunzjoni ma tistax, bħala prinċipju, tapplika għal relazzjonijiet oħrajn ta’ SPIK, partikolarment għal dawk li dan ikollu mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu.
Madankollu, ma jsegwix li l-preżunzjoni msemmija tista’ tiġi estiża, b’mod awtomatiku, għar-relazzjonijiet ta’ SPIK mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat, minn qabel, jekk, fid-dawl tal-imġiba tal-imsemmija parteċipanti, il-vantaġġ li l-istabbiliment jista’ jikseb minnu huwa simili għal dak li huwa jikseb mir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Fil-fatt, il-preżunzjoni sempliċi ta’ vantaġġ marbut mal-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK hija bbażata fuq l-ipoteżi li tgħid li, grazzi għall-garanzija inerenti fl-istatus tiegħu, l-iSPIK ikkonċernat jibbenefika jew jista’ jibbenefika minn kundizzjonijiet finanzjarji iktar vantaġġużi minn dawk li normalment jingħataw fuq is-swieq finanzjarji. B’hekk, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni msemmija għar-relazzjonijiet tal-iSPIK mal-fornituri u mal-klijenti tkun iġġustifikata biss sa fejn tali kundizzjonijiet iktar vantaġġużi jkunu jinsabu wkoll fir-relazzjonijiet ma’ dawn tal-aħħar fis-swieq ikkonċernati.
Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tipprova tapplika l-preżunzjoni msemmija, din għandha teżamina l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jinsab is-suq affettwat mir-relazzjonijiet inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni hija marbuta li tivverifika jekk l-aġir tal-atturi fis-suq ikkonċernat jiġġustifikax ipoteżi ta’ vantaġġ analogu għal dak li jinsab fir-relazzjonijiet tal-iSPIK mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.
(ara l-punti 139, 149-151)