Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0068

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-11 ta’ Settembru 2018.
    IR vs JQ.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Attivitajiet professjonali fi knejjes jew f’organizzazzjonijiet oħrajn li l-etika tagħhom hija bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Rekwiżiti professjonali – Attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn l-etika tal-Knisja jew tal-organizzazzjoni – Kunċett – Differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Tkeċċija ta’ ħaddiem ta’ twemmin Kattoliku, li jeżerċita funzjoni maniġerjali, minħabba li reġa’ żżewweġ biċ-ċivil wara divorzju.
    Kawża C-68/17.

    Kawża C‑68/17

    IR

    vs

    JQ

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Attivitajiet professjonali fi knejjes jew f’organizzazzjonijiet oħrajn li l-etika tagħhom hija bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Rekwiżiti professjonali – Attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn l-etika tal-Knisja jew tal-organizzazzjoni – Kunċett – Differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Tkeċċija ta’ ħaddiem ta’ twemmin Kattoliku, li jeżerċita funzjoni maniġerjali, minħabba li reġa’ żżewweġ biċ-ċivil wara divorzju”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑11 ta’ Settembru 2018

    1. Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Kunċett ta’ rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat – Portata – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

      (Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 4(2))

    2. Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Attivitajiet professjonali fi knejjes jew f’organizzazzjonijiet oħrajn li l-etika tagħhom hija bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Impjegati li jeżerċitaw pożizzjonijiet maniġerjali – Possibbiltà li l-imsemmija impjegati jiġu suġġetti għal rekwiżiti ta’ attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà li jvarjaw skont it-twemmin jew in-nuqqas ta’ twemmin tagħhom – Kundizzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju effettiv li jiżgura l-osservanza tal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva 2000/78 – Ammissibbiltà ta’ differenza fit-trattament – Kundizzjonijiet – Verifika mill-qorti nazzjonali

      (Artikolu 17 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 4(2))

    3. Dritt tal-Unjoni – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Rabta mad-Direttiva 2000/78 u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kawża bejn żewġ individwi – Obbligi u setgħat tal-qorti nazzjonali – Interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali – Portata – Obbligu li ma tiġix applikata kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 21; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1 u 4(2))

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 50 sa 54)

    2.  It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens:

      minn naħa, li knisja jew organizzazzjoni oħra li l-etika tagħha hija bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, u li tamministra sptar fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt privat, ma tistax tiddeċiedi li tissuġġetta lill-impjegati tagħha li jeżerċitaw pożizzjonijiet maniġerjali għal rekwiżiti ta’ attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn din l-etika b’distinzjoni li tvarja skont it-twemmin jew in-nuqqas ta’ twemmin ta’ dawk l-impjegati, mingħajr ma din id-deċiżjoni tkun tista’, jekk ikun il-każ, tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv sabiex jiġi żgurat li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva huma ssodisfatti, u

      min-naħa l-oħra, li differenza fit-trattament, f’termini ta’ rekwiżiti bħal attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn l-imsemmija etika, bejn impjegati li jokkupaw pożizzjonijiet maniġerjali, skont it-twemmin jew in-nuqqas ta’ twemmin tagħhom, hija konformi ma’ din id-direttiva biss jekk, fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet professjonali kkonċernati jew tal-kuntest li fih dawn jitwettqu, ir-reliġjon jew it-twemmin jikkostitwixxu rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etika tal-knisja jew tal-organizzazzjoni inkwistjoni u konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

      Fil-fatt, meta mqabbel mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, dan it-tieni subparagrafu jippreċiża li, fost ir-rekwiżiti professjonali li knisja jew organizzazzjoni pubblika jew privata oħra li l-etika tagħhom hija bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin jistgħu jirrikjedu mill-persuni li jaħdmu għalihom, hemm rekwiżit li dawn il-persuni jkollhom attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn l-etika ta’ din il-knisja jew organizzazzjoni. Madankollu, kif jirriżulta inter alia mill-frażi “[s]akemm id-dispożizzjonijiet tagħha huma f’kull każ irrispettati”, din il-fakultà għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2000/78, b’mod partikolari tal-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, li għandhom ikunu jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, kif tfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

      L-Artikolu 17 TFUE ma huwiex ta’ natura li jinvalida din il-konklużjoni. Fil-fatt, minn naħa, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik tad-Dikjarazzjoni Nru 11 dwar l-istatus tal-knejjes u ta’ organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, annessa mal-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam. Il-fatt li din id-dikjarazzjoni hija ċċitata espliċitament fil-premessa 24 tad-Direttiva 2000/78 juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni neċessarjament ħa inkunsiderazzjoni l-imsemmija dikjarazzjoni waqt l-adozzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari tal-Artikolu 4(2) tagħha, peress li din id-dispożizzjoni tirreferi preċiżament għal-liġijiet u għall-prattiki nazzjonali fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 17 TFUE jesprimi n-newtralità tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni mill-Istati Membri tar-relazzjonijiet tagħhom mal-knejjes u mal-assoċjazzjonijiet jew mal-komunitajiet reliġjużi, dan l-artikolu ma huwiex ta’ natura li jeżenta l-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 minn stħarriġ ġudizzjarju effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 56 sa 58).

      (ara l-punti 46, 48, 61, u d-dispożittiv 1)

    3.  Qorti nazzjonali, adita b’kawża bejn żewġ partijiet privati, hija obbligata, meta ma tkunx tista’ tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, tiżgura l-protezzjoni ġuridika tal-individwi li tirriżulta mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin, li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta, u tiggarantixxi l-effett sħiħ tad-drittijiet li jirriżultaw minnhom, billi, skont il-bżonn, ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

      Fil-każ li jkun impossibbli għaliha li twettaq tali interpretazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali konformi mad-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-Direttiva 2000/78 ma tistabbilixxix hija stess l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, li joriġina minn diversi strumenti internazzjonali u mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, iżda għandha biss l-għan li tistabbilixxi, f’dawn l-istess oqsma, qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq diversi raġunijiet, fosthom ir-reliġjon jew it-twemmin, hekk kif jirriżulta mit-titolu u mill-Artikolu 1 tagħha (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

      Min-naħa l-oħra, qorti nazzjonali li tinsab fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt preċedenti għandha l-obbligu li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u li tiggarantixxi l-effett sħiħ tiegħu billi ma tapplikax, jekk ikun meħtieġ, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jmorru kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin (ara, fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 35).

      Fil-fatt, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li ta lill-Karta l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati, dan il-prinċipju kien jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin hija għalhekk ta’ natura mandatorja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta, u hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tikkonferixxi lill-individwi dritt invokabbli li huma jistgħu effettivament jinvokaw f’tilwima bejniethom f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 76).

      (ara l-punti 64, 67 sa 69, 71, u d-dispożittiv 2)

    Top