EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0203

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Ġunju 2018.
Dirk Andres vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża dwar ċerti riportar ta’ telf għas-snin fiskali futuri (‘klawżola ta’ ristrutturazzjoni’) – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Persuna individwalment ikkonċernata – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kundizzjoni dwar is-selettività – Determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza – Klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti.
Kawża C-203/16 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

Kawża C‑203/16 P

Dirk Andres

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża dwar ċerti riportar ta’ telf għas-snin fiskali futuri (‘klawżola ta’ ristrutturazzjoni’) – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Persuna individwalment ikkonċernata – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kundizzjoni dwar is-selettività – Determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza – Klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Ġunju 2018

  1. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza individwali – Kundizzjonijiet – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali – Azzjoni mill-benefiċjarji ta’ għajnuna mogħtija taħt din l-iskema – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Kwalitajiet partikolari jew sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizza lir-rikorrent meta mqabbel ma’ kull persuna oħra

    (Artikolu 107(1) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

  2. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament – Stħarriġ tal-klassifikazzjoni ġuridika mogħtija lill-fatti tat-tilwima – Inklużjoni

    (Artikolu 256 TFUE)

  3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Qafas ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ – Kriterji

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti, mill-awtoritajiet pubbliċi, ta’ trattament fiskali vantaġġuż lil ċerti impriżi – Inklużjoni – Vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha – Esklużjoni

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  1.  Il-benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna individwali mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern huma individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara lil din is-sistema bħala inkompatibbli mas-suq intern u tordna l-irkupru tagħha, u huwa eskluż li rikorrent jiġi kkunsidrat bħala kkonċernat individwalment minħabba l-fatt biss li huwa benefiċjarju potenzjali ta’ din l-iskema. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott, li, meta tkun involuta deċiżjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk rikorrent huwiex ikkonċernat individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, minn tali deċiżjoni, jinsab fil-fatt ta’ jekk dan ir-rikorrent huwiex benefiċjarju effettiv jew benefiċjarju potenzjali ta’ għajnuna mogħtija taħt din l-iskema.

    Fil-fatt, din il-ġurisprudenza, żviluppata fil-kuntest speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, hija biss espressjoni partikolari tal-kriterju legali rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-inċidenza individwali, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jgħid li rikorrent huwa individwalment ikkonċernat minn deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra jekk din id-deċiżjoni taffettwah minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalih jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna oħra. Għaldaqstant, il-fatt li rikorrent jista’ jaqa’, jew ma jaqax, fil-kategorija tal-benefiċjarji effettivi jew tal-benefiċjarji potenzjali ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern ma jistax ikun deċiżiv sabiex jiġi stabbilit jekk dan ir-rikorrent huwiex ikkonċernat individwalment minn din id-deċiżjoni, fejn f’kull każ huwa stabbilit li l-imsemmi rikorrent huwa, barra minn hekk, milqut minnha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalih jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna oħra.

    (ara l-punti 46 sa 48)

  2.  L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Madankollu, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom u l-konsegwenzi ta’ dritt li nsiltu minnhom.

    Għaldaqstant, fir-rigward tal-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dritt nazzjonali, li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jikkostitwixxu evalwazzjonijiet ta’ fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt. Min-naħa l-oħra, peress li l-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-klassifikazzjoni ġuridika fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ngħatat lil dan id-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi, huwa jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    (aral-punti 77, 78)

  3.  L-evalwazzjoni tal-kundizzjoni marbuta mas-selettività ta’ miżura teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u li għalhekk iġarrbu trattament iddifferenzjat li essenzjalment ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju. Meta l-miżura inkwistjoni tkun maħsuba bħala sistema ta’ għajnuna u mhux bħala għajnuna individwali, tkun il-Kummissjoni li jkollha tistabbilixxi li din il-miżura, minkejja li hija tipprevedi vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħti l-benefiċċju esklużiv lil ċerti impriżi jew lil ċerti setturi ta’ attività.

    Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala selettiva, il-Kummissjoni għandha tidentifika, l-ewwel nett, is-sistema fiskali komuni jew normali applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u turi, sussegwentement, li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga mill-imsemmija sistema komuni, sa fejn hija tintroduċi differenzi bejn operaturi li, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema komuni, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

    Il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” madankollu ma jirrigwardax il-miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi li, fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jasal juri sussegwentement li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata peress li din tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jagħmlu parti minnha.

    L-eżami tal-kundizzjoni dwar is-selettività għaldaqstant timplika, bħala regola, li jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, il-qafas ta’ referenza li fih taqa’ l-miżura kkonċernata, u din id-determinazzjoni għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali, peress li l-eżistenza stess ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss b’rabta ma’ impożizzjoni hekk imsejħa “normali”.

    Għalhekk, id-determinazzjoni tal-impriżi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli tiddependi mid-definizzjoni minn qabel tas-sistema legali fid-dawl tal-għan li tiegħu għandha, jekk ikun il-każ, tiġi eżaminata l-komparabbiltà tas-sitwazzjoni fattwali u legali rispettiva tal-impriżi ffavoriti mill-miżura inkwistjoni u ta’ dawk li mhumiex.

    Madankollu, il-klassifikazzjoni ta’ sistema fiskali bħala “selettiva” ma hijiex suġġetta għall-fatt li din tkun stabbilita b’tali mod li l-impriżi li jibbenefikaw eventwalment minn vantaġġ selettiv huma, bħala regola ġenerali, suġġetti għall-istess piżijiet fiskali bħall-impriżi l-oħra iżda jibbenefikaw minn regoli derogatorji, b’mod li l-vantaġġ selettiv jista’ jiġi identifikat bħala li huwa d-differenza bejn il-piż fiskali normali u dak sostnut minn dawn l-ewwel impriżi.

    Fil-fatt din l-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ selettività tippreżupponi li sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “selettiva”, sistema fiskali għandha tkun stabbilita skont ċerta teknika leġiżlattiva, fatt li jkollu bħala konsegwenza li regoli fiskali nazzjonali jaqgħu mill-ewwel barra l-kontroll fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat minħabba s-sempliċi fatt li dawn jaqgħu taħt teknika leġiżlattiva oħra minkejja li dawn jipproduċu, fid-dritt u/jew fil-fatt, permezz tal-aġġustament u l-għaqda ta’ diversi regoli fiskali, l-istess effetti. Għaldaqstant, it-teknika leġiżlattiva użata ma tistax tkun fattur deċiżiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza.

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li s-selettività ta’ miżura fiskali ma tistax tiġi ġustament evalwata fid-dawl tal-kuntest ta’ referenza ikkostitwit minn xi dispożizzjonijiet li ġew artifiċjalment estratti minn qafas leġiżlattiv usa’.

    (ara l-punti 83, 84, 86 sa 92, 103 u 104)

  4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 85)

Top