Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0612

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Ġunju 2018.
    Proċeduri kriminali kontra Nikolay Kolev et.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 325 TFUE – Frodi jew attività illegali oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea fil-qasam doganali – Effettività tal-prosekuzzjonijiet kriminali – Għeluq tal-proċedura kriminali – Terminu raġonevoli – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża – Dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess – Direttiva 2013/48/UE – Dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat.
    Kawża C-612/15.

    Court reports – general

    Kawża C-612/15

    Proċedura kriminali

    kontra

    Nikolay Kolev et

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 325 TFUE – Frodi jew attività illegali oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea fil-qasam doganali – Effettività tal-prosekuzzjonijiet kriminali – Għeluq tal-proċedura kriminali – Terminu raġonevoli – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża – Dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess – Direttiva 2013/48/UE – Dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Ġunju 2018

    1. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea–Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni–Ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra–Obbligu tal-Istati Membri li jimplimentaw sanzjonijiet effettivi u dissważivi–Portata–Obbligu tal-qorti nazzjonali–Portata–Kundizzjonijiet–Rispett tad-drittijiet fundamentali–Osservanza tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċedura

      (Artikolu 325(1) TFUE)

    2. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea–Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni–Ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra–Obbligu tal-Istati Membri li jimplimentaw sanzjonijiet effettivi u dissważivi–Portata–Reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea fil-qasam doganali–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-qorti, fl-assenza tal-għeluq tal-investigazzjoni mill-prosekutur pubbliku f’terminu partikolari, tagħlaq il-proċedura kriminali fuq talba tal-persuna li tkun is-suġġett tal-prosekuzzjoni–Inammissibbiltà–Obbligu tal-qorti nazzjonali li tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati–Kundizzjoni–Rispett tad-drittijiet fundamentali

      (Artikolu 325(1) TFUE)

    3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali–Dritt għal informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali–Direttiva 2012/13–Dritt għal informazzjoni dwar l-akkużi mressqa–Dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess–Informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża kkomunikata lid-difiża u aċċess effettiv atti tal-proċess wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża finali li jiftaħ il-kawża quddiem il-qorti–Ammissibbiltà–Kundizzjonijiet

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2012/13, Artikoli 6(3) u 7(3))

    4. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali–Dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u dritt ta’ komunikazzjoni tal-persuni mċaħħda mil-libertà–Direttiva 2013/48–Dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-qorti nazzjonali teskludi l-avukat imqabbad minn żewġ persuni li jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni fil-każ li l-interessi ta’ dawn il-persuni jkunu kontradittorji–Leġiżlazzjoni li tippermetti lill-qorti tinnomina hija stess żewġ avukati maħtura ex officio għal dawn il-persuni–Ammissibbiltà

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2012/13, Artikolu 3(1))

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 64-72)

    2.  L-Artikolu 325(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi proċedura għall-għeluq tal-proċedura kriminali, bħal dik prevista fl-Artikoli 368 u 369 tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), sa fejn din il-leġiżlazzjoni tapplika fi proċeduri miftuħa fil-konfront ta’ każijiet ta’ frodi gravi jew ta’ attività illegali gravi oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea fil-qasam doganali. Il-qorti nazzjonali għandha tagħti effett sħiħ lill-Artikolu 325(1) TFUE billi, jekk ikun hemm bżonn, ma tapplikax l-imsemmija leġiżlazzjoni, filwaqt li tiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni.

      (ara l-punt 76 u d-dispożittiv 1)

    3.  L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża tiġi kkomunikata lid-difiża wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża finali li jiftaħ il-kawża quddiem il-qorti, iżda qabel din tibda teżamina l-mertu tal-akkuża u qabel tibda t-trattazzjoni quddiemha, jew inkella wara li tinbeda din it-trattazzjoni quddiemha iżda qabel il-fażi tad-deliberazzjonijiet meta l-informazzjoni kkomunikata b’dan il-mod tkun is-suġġett ta’ emendi ulterjuri, bil-kundizzjoni li l-qorti tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-korrettezza tal-proċedura.

      L-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura li d-difiża tingħata l-possibbiltà effettiva li jkollha aċċess għall-atti tal-proċess, fejn tali aċċess jista’, jekk ikun il-każ, jingħata wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża finali li jiftaħ il-kawża quddiem il-qorti, iżda qabel ma din tibda teżamina l-mertu tal-akkuża u qabel ma tibda t-trattazzjoni quddiemha, jew inkella wara li tinbeda din it-trattazzjoni iżda qabel il-fażi tad-deliberazzjonijiet meta provi ġodda jiġu inklużi fil-proċess matul il-kawża, bil-kundizzjoni li l-qorti tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-korrettezza tal-proċedura.

      (ara l-punti 99 u 100, u d-dispożittiv 2)

    4.  L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-qorti nazzjonali teskludi l-avukat imqabbad minn żewġ persuni li jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni, kontra r-rieda ta’ dawn tal-aħħar, għar-raġuni li l-interessi ta’ dawn il-persuni jkunu kontradittorji u lanqas ma jipprekludi li din il-qorti tippermetti lill-imsemmija persuni jqabbdu avukat ġdid jew, jekk ikun il-każ, tinnomina hija stess żewġ avukati maħtura ex officio, bħala sostituti għall-ewwel avukat.

      (ara l-punt 111, u d-dispożittiv 3)

    Top