EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0579

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Marzu 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs FIH Holding A/S u FIH Erhvervsbank A/S.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘għajnuna' – Kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku' – Prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq – Kundizzjonijiet għall-applikabbiltà u għall-applikazzjoni – Kriżi finanzjarja – Interventi suċċessivi ta’ salvataġġ ta’ bank – Teħid inkunsiderazzjoni jew le, matul l-evalwazzjoni tat-tieni intervent, tar-riskji li jirriżultaw mill-impenji meħuda mill-Istat Membru matul l-ewwel intervent.
Kawża C-579/16 P.

Court reports – general

Kawża C‑579/16 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

FIH Holding A/S
u
FIH Erhvervsbank A/S

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘għajnuna' – Kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku' – Prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq – Kundizzjonijiet għall-applikabbiltà u għall-applikazzjoni – Kriżi finanzjarja – Interventi suċċessivi ta’ salvataġġ ta’ bank – Teħid inkunsiderazzjoni jew le, matul l-evalwazzjoni tat-tieni intervent, tar-riskji li jirriżultaw mill-impenji meħuda mill-Istat Membru matul l-ewwel intervent”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Marzu 2018

  1. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Kundizzjonijiet kumulattivi

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat – Evalwazzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-operazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha – Obbligu tal-Istat Membru li jipprovdi l-elementi rilevanti kollha għall-eżami tal-kriterju ta’ investitur privat

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat – Elementi ta’ evalwazzjoni – Riskji li jirriżultaw minn għajnuna mill-Istat mogħtija preċedentement u marbuta mal-kwalità ta’ awtorità pubblika tal-Istat

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  1.  Il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    Għal dak li jikkonċerna t-tielet kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ, l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat.

    (ara l-punti 43, 44)

  2.  Fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 107(1) TFUE li jiżgura kompetizzjoni mhux distorta, inkluż bejn l-impriżi pubbliċi u privati, il-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni ma jistax jinkludi miżura mogħtija favur impriża permezz ta’ riżorsi tal-Istat fejn din setgħet tikseb l-istess vantaġġ f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet tas-suq normali. L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom tali vantaġġ ingħata jitwettaq għalhekk, bħala prinċipju, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat.

    Dan il-prinċipju jinsab fost l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna u għalhekk ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss fuq talba ta’ Stat Membru, meta jiġi kkonstatat li l-elementi li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, li jinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE, jkunu ssodisfatti.

    Konsegwentement, meta jkun jidher li l-prinċipju ta’ operatur privat jista’ jkun applikabbli, hija l-Kummissjoni li għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdiha bl-informazzjoni kollha rilevanti li jippermettulha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà u ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju jkunux issodisfatti.

    (ara l-punti 45 sa 47)

  3.  Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-istess miżura kinitx tiġi adottata fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn operatur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat, huma biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar meta jaġixxi bħala azzjonist, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    Għalhekk, fl-evalwazzjoni tar-razzjonalità ekonomika ta’ miżura statali, rikjesta mill-prinċipju ta’ operatur privat, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet marbuta li teskludi l-ispejjeż imġarrba mill-Istat mit-tkeċċija tal-ħaddiema, mill-allowances tal-qgħad u tal-għajnuniet għar-rikostituzzjoni tat-tessut industrijali kif ukoll garanziji mogħtija u krediti miżmuma mill-Istat sa fejn dawn innifishom jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

    B’mod partikolari, fir-rigward ta’ din l-ipoteżi tal-aħħar, peress li, permezz tal-għoti ta’ għajnuna, Stat Membru jfittex, bħala definizzjoni, għanijiet li ma jinkludux il-profittabbiltà tal-mezzi allokati lil impriżi, għandu jiġi kkunsidrat li dawn il-mezzi huma, bħala prinċipju, mogħtija mill-Istat fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika.

    Minn dan isegwi li r-riskji li għalihom l-Istat huwa espost u li jirriżultaw għalih minn għajnuna mill-Istat li preċedentement kienet mogħtija huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika u għalhekk ma jaqgħux taħt l-elementi li operatur privat, taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, kien jieħu inkunsiderazzjoni fil-kalkoli ekonomiċi tiegħu.

    (ara l-punti 55 sa 58)

Top