Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0205

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-9 ta’ Novembru 2017.
    SolarWorld AG vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Appell – Sussidji – Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1239/2013 – Artikolu 2 – Importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u tal-komponenti essenzjali tagħhom (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li jipprovjenu miċ-Ċina – Dazju kumpensatorju definittiv – Eżenzjoni tal-importazzjonijiet suġġetti għal impenn aċċettat – Natura separabbli.
    Kawża C-205/16 P.

    Court reports – general

    Kawża C-205/16 P

    SolarWorld AG

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    “Appell – Sussidji – Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1239/2013 – Artikolu 2 – Importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u tal-komponenti essenzjali tagħhom (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li jipprovjenu miċ-Ċina – Dazju kumpensatorju definittiv – Eżenzjoni tal-importazzjonijiet suġġetti għal impenn aċċettat – Natura separabbli”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-9 ta’ Novembru 2017

    1. Appell–Aggravji–Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u tal-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali–Inammissibbiltà–Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali–Ammissibbiltà

      [It-tieni subparagrafu tal-Artikolku 256(1) TFUE ; L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja; Artikolu 168(1)(d) u 169(2) tar-Regoli tal-Prċoedura tal-Qorti tal-Ġustizzja]

    2. Rikors għal annullament–Suġġett–Annullament parzjali–Kundizzjoni–Natura diviżibbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati–Dispożizzjoni ta’ regolament tal-Kunsill li teżenta minn dazji antidumping lil ċerti importazzjonijiet li huma suġġetti għal impenn aċċettat mill-Kummissjoni–Annullament li jagħti lok għal bidla fis-sustanza tar-regolament–Kundizzjoni mhux sodisfatta

      (Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1239/2013, Artikolu 1 u 2)

    3. Appell–Aggravji–Motiv imressaq għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell–Inammissibbiltà

      (It-tieni subparagrafu tal-Artikolku 256(1) TFUE; Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja)

    4. Drittijiet fundamentali–Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva–Limiti–Osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors–Rikors għal annullament parzjali kontra regolament li jistabbilixxi dazju kumpensatorju

      (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Regolament tal-Kunsill Nru 1239/2013)

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 24-27)

    2.  Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament dirett kontra l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013, tat-2 ta’ Diċembru 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li l-imsemmi artikolu ma kienx separabbli mill-kumplament tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

      Fil-fatt, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li tagħhom jintalab l-annullament ikunu jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att; din il-kundizzjoni ta’ separabbiltà ma hijiex issodisfatta meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu bħala effett li jibdel l-essenza tiegħu.

      F’dan ir-rigward, mid-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 1 u 2 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1239/2013 jirriżulta li dan l-aħħar imsemmi artikolu jistabbilixxi, permezz tal-impenn marbut ma’ prezz minimu ta’ importazzjoni, eżenzjoni mill-ħlas tad-dazji antidumping stabbiliti bis-saħħa tal-imsemmi Artikolu 1, fil-limiti ta’ ċertu volum annwali ta’ importazzjonijiet. Il-leġiżlatur tal-Unjoni, waqt l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, adotta miżuri ta’ difiża kummerċjali li jikkostitwixxu assjem jew “pakkett”. Fil-fatt, l-imsemmi regolament jimponi żewġ miżuri distinti u kumplementari, intiżi sabiex jilħqu riżultat komuni, jiġifieri l-eliminazzjoni tal-effett dannuż fuq l-industrija tal-Unjoni tad-dumping Ċinniż marbut mal-prodotti kkonċernati filwaqt li jippreżervaw l-interess ta’ din l-industrija.

      Għaldaqstant, peress li r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1239/2013 huwa bbażat fuq il-possibbiltà li jiġu applikati alternattivament dawn iż-żewġ miżuri ta’ natura distinta, il-produtturi-esportaturi Ċiniżi jistgħu jużaw l-impenn marbut ma’ prezz minimu ta’ importazzjoni aċċettat mill-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, u b’hekk jevitaw li jiġi applikat fuq il-prodotti tagħhom dazju kumpensatorju ad valorem, kif previst fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament. Issa, l-annullament ta’ dan l-Artikolu 2 jelimina tali possibbiltà u l-alternattiva li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried joffri lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi waqt l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż. B’kont meħud tad-differenzi marbuta mal-konsegwenzi ekonomiċi marbuta ma’ dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, tali annullament b’hekk jaffettwa s-sustanza tal-istess regolament kontenzjuż.

      L-applikazzjoni tal-eċċezzjoni kienet tikkonċerna l-maġġoranza kbira tal-każijiet wara l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1239/2013. Għaldaqstant, dan l-impenn jidher bħala li huwa maħsub li japplika prinċipalment fil-kuntest ta’ importazzjonijiet li jipprovjenu miċ-Ċina kkonċernati mir-regolament kontenzjuż. F’tali ċirkustanzi, l-annullament tal-imsemmi impenn kien neċessarjament jaffettwa s-sustanza ta’ dan ir-regolament.

      (ara l-punti 38, 42, 46, 52, 55, 57)

    3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 64, 65)

    4.  L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma għandux l-għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi magħmula direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni. Il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta ma tirrikjedix li l-persuna tista’, b’mod inkundizzjonali, tippreżenta kawża għal annullament, direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kontra tali att leġiżlattiv tal-Unjoni.

      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li kumpannija ma tistax tippreżenta kawża unikament kontra parti mhux separabbli mir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1239/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ma huwiex ta’ natura li jikser id-drittijiet tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta sa fejn din il-kumpannija setgħet tattakka r-regolament kontenzjuż fl-intier tiegħu. Fil-fatt, hija setgħet, dment li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-locus standi previsti fl-Artikolu 263(4) TFUE, tattakka r-regolament kontenzjuż direttament quddiem il-Qorti Ġenerali filwaqt li titlob is-sospensjoni tal-effetti ta’ dan l-annullament sal-adozzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tal-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, jew tikkontesta l-validità tar-regolament kontenzjuż quddiem il-qrati nazzjonali u twassal lil dawn tal-aħħar sabiex jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari.

      (ara l-punti 67, 68, 70)

    Top