Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0101

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2017.
SC Paper Consult SRL vs Direcţia Regională a Finanţelor Publice Cluj-Napoca u Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Bistriţa Năsăud.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Dritt għal tnaqqis – Kundizzjonijiet għall-eżerċizzju – Artikolu 273 – Miżuri nazzjonali – Ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali – Fattura maħruġa minn persuna taxxabbli ddikjarata ‘inattiva’ mill-amministrazzjoni fiskali – Riskju ta’ frodi – Rifjut tad-dritt għal tnaqqis – Proporzjonalità – Rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi tal-assenza ta’ frodi jew ta’ telf fiskali – Limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenza li tingħata – Assenza.
Kawża C-101/16.

Kawża C‑101/16

SC Paper Consult SRL

vs

Direcţia Regională a Finanţelor Publice Cluj-Napoca
u
Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Bistriţa Năsăud

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Dritt għal tnaqqis – Kundizzjonijiet għall-eżerċizzju – Artikolu 273 – Miżuri nazzjonali – Ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali – Fattura maħruġa minn persuna taxxabbli ddikjarata ‘inattiva’ mill-amministrazzjoni fiskali – Riskju ta’ frodi – Rifjut tad-dritt għal tnaqqis – Proporzjonalità – Rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi tal-assenza ta’ frodi jew ta’ telf fiskali – Limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenza li tingħata – Assenza”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2017

  1. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali-Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud-Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa-Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi d-dritt għal tnaqqis fil-każ ta’ tranżazzjoni konkluża ma’ persuna taxxabbli ddikjarata inattiva-Obbligi tal-persuna taxxabbli-Konsultazzjoni ta’ lista pubblika ta’ persuni taxxabbli ddikjarati inattivi mill-amministrazzjoni fiskali-Rifjut tad-dritt għal tnaqqis applikat b’mod sistematiku u definittiv mingħajr ma jippermetti li tinġieb prova tal-assenza ta’ frodi jew ta’ telf ta’ dħul fiskali-Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2010/45)

  2. Domandi preliminari-Interpretazzjoni-Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta’ interpretazzjoni-Effett retroattiv-Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja-Kundizzjonijiet-Bona fide tal-persuni kkonċernati-Rekwiziti-Preżenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali

    (Artikolu 267 TFUE)

  1.  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bis-saħħa ta’ liema d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli għar-raġuni li l-operatur li pprovdielha servizz b’fattura li fuqha jinsabu b’mod distint l-ispiża u t-taxxa fuq il-valur miżjud ġie ddikjarat inattiv mill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, u fid-dawl tal-fatt li din id-dikjarazzjoni ta’ inattività hija pubblika u aċċessibbli fuq l-internet għal kull persuna taxxabbli f’dan l-Istat, meta dan ir-rifjut tad-dritt għal tnaqqis ikun sistematiku u definittiv, li ma jippermettix li tinġab il-prova tal-assenza ta’ frodi jew ta’ telf ta’ dħul fiskali.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu obbligi oħra barra dawk previsti minn din id-direttiva jekk huma jqisu li dawn l-obbligi huma neċessarji biex jiġi żgurat il-ġbir eżatt tal-VAT u biex tiġi evitata l-frodi.

    Madankollu, il-miżuri adottati mill-Istati Membri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu tali għanijiet. Għaldaqstant huma ma jistgħux jintużaw b’mod li jqiegħdu sistematikament f’dubju d-dritt għal tnaqqis tal-VAT u, għaldaqstant, in-newtralità tal-VAT (sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et, C‑110/98 sa C‑147/98, EU:C:2000:145 punt 52, kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C‑80/11 u C‑142/11, EU:C:2012:373, punt 57).

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-amministrazzjoni ma tistax tobbliga lill-persuna taxxabbli twettaq verifiki kumplessi u fid-dettall rigward il-fornitur tagħha, li fil-fatt jimplika t-trasferiment tal-atti ta’ kontroll li għandha twettaq din l-amministrazzjoni fuq il-persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C‑80/11 u C‑142/11, EU:C:2012:373, punt 65, kif ukoll tal-31 ta’ Jannar 2013, Stroy trans, C‑642/11, EU:C:2013:54, punt 50).

    Min-naħa l-oħra, ma huwiex kontra d-dritt tal-Unjoni li jkun meħtieġ li operatur jieħu kull miżura li tista’ tkun raġonevolment mitluba minnu sabiex jiġi żgurat li l-operazzjoni li huwa jwettaq ma twassalx għal parteċipazzjoni tiegħu fi frodi fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et, C‑409/04, EU:C:2007:548, punti 65 u 68, kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C‑80/11 u C‑142/11, EU:C:2012:373, punt 54).

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tittrasferixxix fuq il-persuna taxxabbli l-atti ta’ kontroll li għandhom jitwettqu mill-amministrazzjoni, iżda tinformaha bir-riżultat ta’ investigazzjoni amministrattiva li minnha jirriżulta li l-persuna taxxabbli ddikjarata inattiva ma għadhiex tista’ tiġi kkontrollata mill-amministrazzjoni kompetenti, jew għaliex din il-persuna taxxabbli ma baqgħetx tissodisfa l-obbligi ta’ dikjarazzjoni imposti mil-liġi, jew għaliex hija ddikjarat informazzjoni għall-identifikazzjoni tas-sede li ma tippermettix lill-awtorità fiskali kkonċernata li tidentifikah, jew inkella għaliex hija ma teżerċitax l-attività tagħha fis-sede jew fid-domiċilju fiskali ddikjarat. L-uniku obbligu impost fuq il-persuna taxxabbli jikkonsisti, fil-fatt, fil-konsultazzjoni tal-lista tal-kontribwenti ddikjarati inattivi mwaħħla fis-sede tal-amministrazzjoni nazzjonali u ppubblikata fuq il-paġna internet ta’ din, u tali verifika hija, minbarra dan, faċli sabiex issir.

    Issa, l-impossibbiltà, għall-persuna taxxabbli, li tipprova li t-tranżazzjonijiet konklużi mal-operatur iddikjarat inattiv jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2006/112 u, b’mod partikolari, li l-VAT tħallset fit-Teżor minn dan l-operatur tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu segwit permezz ta’ din id-direttiva.

    (ara l-punti 49 sa 54, 60, 61, u d-dispożittiv)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 64 sa 67)

Top