Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0174

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Settembru 2017.
    H. vs Land Berlin.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2010/18/UE – Ftehim qafas irrevedut dwar il-leave parentali – Klawżola 5(1) u (2) – Ritorn minn leave parentali – Dritt ta’ ritorn għall-istess impjieg jew impjieg ekwivalenti jew simili – Żamma kif inhuma tad-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jinkisbu – Uffiċjal ta’ Land promoss bħala uffiċjal bi prova għal pożizzjoni ta’ tmexxija – Leġiżlazzjoni ta’ dan il-Land li tipprevedi t-tmiem tal-perijodu ta’ prova ipso iure u mingħajr possibbiltà ta’ estensjoni fl-iskadenza ta’ perijodu ta’ sentejn, anki f’każ ta’ assenza li tirriżulta minn leave parentali – Inkompatibbiltà – Konsegwenzi.
    Kawża C-174/16.

    Court reports – general

    Kawża C‑174/16

    H.

    vs

    Land Berlin

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2010/18/UE – Ftehim qafas irrevedut dwar il-leave parentali – Klawżola 5(1) u (2) – Ritorn minn leave parentali – Dritt ta’ ritorn għall-istess impjieg jew impjieg ekwivalenti jew simili – Żamma kif inhuma tad-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jinkisbu – Uffiċjal ta’ Land promoss bħala uffiċjal bi prova għal pożizzjoni ta’ tmexxija – Leġiżlazzjoni ta’ dan il-Land li tipprevedi t-tmiem tal-perijodu ta’ prova ipso iure u mingħajr possibbiltà ta’ estensjoni fl-iskadenza ta’ perijodu ta’ sentejn, anki f’każ ta’ assenza li tirriżulta minn leave parentali – Inkompatibbiltà – Konsegwenzi”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) tas-7 ta’ Settembru 2017

    1. Politika soċjali–Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa–Ftehim qafas irrevedut BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC dwar il-leave parentali–Direttiva 2010/18–Dritt ta’ ritorn għall-istess impjieg jew impjieg ekwivalenti jew simili mar-ritorn minn leave parentali–Żamma kif inhuma tad-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jinkisbu–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tmiem ipso iure ta’ perijodu ta’ prova ta’ uffiċjal għal pożizzjoni ta’ tmexxija, mingħajr possibbiltà ta’ estensjoni fl-iskadenza ta’ perijodu ta’ sentejn, inkluż f’każ ta’ assenza li tirriżulta minn leave parentali–Inammissibbiltà–Konsegwenza–Nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali–Verifiki li jaqgħu fuq il-qorti nazzjonali

      (Direttiva tal-Kunsill 2010/18, Anness, klawżola 5(1) u (2))

    2. Politika soċjali–Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa–Ftehim qafas irrevedut BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC dwar il-leave parentali–Direttiva 2010/18–Drittijiet tal-ħaddiem li jirritorna għall-istess impjieg, jew, f’każ li dan jirriżulta impossibbli, f’pożizzjoni ekwivalenti jew simili, u li jżomm id-drittijiet diġà miksuba u dawk fil-proċess li jkunu miksuba fil-bidu tal-leave parentali tiegħu, fit-tmiem ta’ dan il-leave–Effett dirett

      (Direttiva tal-Kunsill 2010/18, Anness, klawżola 5(1) u (2))

    1.  Il-klawżola 5(1) u (2) tal-Ftehim qafas irrevedut dwar il-leave parentali li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-promozzjoni definittiva għal pożizzjoni ta’ tmexxija tas-servizz pubbliku għall-kundizzjoni li l-kandidat magħżul iwettaq b’suċċess perijodu ta’ prova preliminari ta’ sentejn f’din il-pożizzjoni u, skont din il-kundizzjoni, f’sitwazzjoni fejn tali kandidat isib ruħu, matul il-parti l-kbira ta’ dan il-perijodu ta’ prova, f’leave parentali, u jkun għadu dejjem jinsab fih, dan il-perijodu ta’ prova jintemm legalment fit-tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ sentejn, mingħajr ma estensjoni tiegħu tkun possibbli, fejn il-persuna kkonċernata, konsegwentement, tiġi integrata mill-ġdid, mar-ritorn tagħha mil-leave parentali, fil-funzjoni, ta’ livell inferjuri kemm fil-grad statutorju kif ukoll fil-qasam ta’ remunerazzjoni, li hija kienet tokkupa qabel l-ammissjoni tagħha għal dan il-perijodu ta’ prova. Il-ksur hekk magħmul fir-rigward ta’ din il-klawżola ma jistax jiġi ġġustifikat mill-għan li għandu jintlaħaq mill-istess perijodu ta’ prova, li jikkonsisti li tkun tista’ ssir l-evalwazzjoni tal-kompetenza li tiġi okkupata l-pożizzjoni ta’ tmexxija permanenti.

      Hija l-qorti tar-rinviju, skont il-bżonn billi tiċħad il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha tivverifika, hekk kif teħtieġ il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas irrevedut dwar il-leave parentali li jinsab fl-anness tad-Direttiva 2010/18, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-Land ikkonċernat kienx, fil-kwalità tiegħu bħala persuna li timpjega, fl-impossibbiltà oġġettiva li jippermetti lill-persuna kkonċernata li tirritorna għall-istess impjieg fit-tmiem tal-leave parentali tagħha u, fl-affermattiv, li jiżgura li lilha jingħata impjieg ekwivalenti jew simili u konsistenti mal-kuntratt tagħha jew mar-relazzjoni tax-xogħol tagħha mingħajr ma dan l-għoti ta’ pożizzjoni jista’ jkun suġġett li qabel isseħħ proċedura ta’ selezzjoni ġdida. Hija wkoll din il-qorti li għandha tiżgura li l-persuna kkonċernata tkun tista’, fit-tmiem ta’ dan il-leave parentali, twettaq, fl-impijeg li tirritorna lejh jew mill-ġdid mogħti lilha, perijodu ta’ prova f’kundizzjonijiet li jkunu konformi mar-rekwiziti li jirriżultaw mill-klawżola 5(2) ta’ dan il-Ftehim qafas irrevedut.

      Huwa wkoll suffiċjenti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-klawżola 5(1) u (2) tal-Ftehim qafas irrevedut, li, fid-data li fiha H. ħadet il-leave parentali tagħha, hija kienet, wara proċedura ta’ selezzjoni u ta’ promozzjoni tagħha, diġà ġiet assenjata bħala uffiċjal bi prova fil-pożizzjoni kkonċernata, u għalhekk tibbenefika wkoll mir-remunerazzjoni korrispondenti mal-klassi salarjali superjuri li din il-pożizzjoni taqa’ taħtha. Iċ-ċirkustanza li, fil-mument meta seħħet din l-assenjazzjoni, il-persuna kkonċernata kienet tinsab fil-leave tal-mard minħabba raġunijiet marbuta mat-tqala, tibqa’, min-naħa, mingħajr ebda effett fuq il-fatt li din il-pożizzjoni ġdida kienet, sa minn dan il-mument, saret tagħha, b’tali mod li hemm lok li jiġi kkunsidrat li, meta, sussegwentement, il-persuna kkonċernata ħadet il-leave parentali tagħha, hija kienet diġà tokkupa din il-pożizzjoni u kienet tibbenefika minn drittijiet miskuba jew fil-proċess li jinkisbu eventwalment marbuta magħha.

      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiem li jkun qed jieħu leave parentali fil-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas irrevedut, jiġifieri li jirritorna, fi tmiem ta’ dan il-leave, għall-istess impjieg jew, jekk dan jirriżulta impossibbli, xogħol ekwivalenti jew simili, konsistenti mal-kuntratt tiegħu jew mar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 97 tal-LBG, minn naħa, għandu bħala konsegwenza awtomatika li jeskludi li uffiċjal li jsib ruħu f’sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċpali jista’, fit-tmiem tal-leave parentali tiegħu, jirritorna lejn il-pożizzjoni ta’ uffiċjal bi prova li kien jokkupa qabel ma ħa dan il-leave. Fil-fatt, il-persuna kkonċernata kienet sabet ruħha f’leave parentali matul it-tul awtorizzat tal-perijodu ta’ prova u ma kinitx, minħabba dan il-fatt, eżerċitat il-funzjonijiet marbuta ma’ din il-pożizzjoni u lanqas ma setgħet, għalhekk, tipproduċi l-prova tal-kompetenza tagħha sabiex tinħatar definittivament għal din il-pożizzjoni, huwa paċifiku li, mar-ritorn tagħha mil-leave, hija ma setgħetx tirritorna lejn dan l-impjieg.

      Min-naħa l-oħra, din il-leġizlazzjoni nazzjonali, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinvju, għandha wkoll bħala konsegwenza awtomatika li teskludi li l-persuna kkonċernata tista’, fit-tmiem tal-leave parentali tagħha, tiġi offruta pożizzjoni ta’ uffiċjal bi prova ekwivalenti jew simili għal dik li hija kienet tokkupa qabel dan il-leave, peress li l-perijodu ta’ sentejn li matulu hija kienet awtorizzata twettaq perijodu ta’ prova sabiex turi l-kompetenza tagħha sabiex tokkupa pożizzjoni ta’ tmexxija kien għalhekk iddekorra u ma setax jiġi estiż.

      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-ewwel sentenza tal-klawżola 5(2) tal-Ftehim qafas irrevedut, li tipprevedi ż-żamma kif inhuma tad-“drittijiet miksuba jew fil-proċess li jkunu miksuba”, għandu jitfakkar li dan il-kunċett ikopri d-drittijiet u l-vantaġġi kollha, fi flus jew in natura, li jirriżultaw direttament jew indirettament mir-relazzjoni ta’ xogħol, li l-ħaddiem jista’ jitlobhom fir-rigward tal-persuna li timpjega fid-data tal-bidu tal-leave parentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 43).

      Fost tali drittijiet u vantaġġi hemm dawk li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ aċċess f’livell superjuri tal-ġerarkija professjonali, billi dawn, fil-fatt, jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Sass, C‑284/02, EU:C:2004:722, punt 31). F’dan il-każ dan huwa d-dritt, irregolat fl-Artikolu 97 tal-LBG, għal uffiċjal li jikseb eventwali promozzjoni definittiva għal funzjoni ta’ tmexxija billi jwettaq, matul l-eżekuzzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol fid-dipartiment tal-Land ta’ Berlin u fit-tmiem ta’ proċedura ta’ selezzjoni preliminari, perijodu ta’ prova ta’ ċertu tul.

      (ara l-punti 45, 48, 49, 51, 52, 63, 82, u d-dispożittivi 1, 2)

    2.  Issa, l-ewwel sentenza tal-klawżola 5(1) u (2) tal-Ftehim qafas irrevedut tistabbilixxi, b’mod ġenerali u f’termi inekwivoċi, id-drittijiet tal-ħaddiem li jirritorna għall-istess impjieg, jew, f’każ li dan jirriżulta impossibbli, f’pożizzjoni ekwivalenti jew simili, u li jżomm id-drittijiet miksuba u dawk fil-proċess li jkunu miksuba fil-bidu tal-leave parentali tiegħu, fit-tmiem ta’ dan il-leave. Għalhekk, tali dispożizzjonijiet għandhom kontenut inkondizzjonali u suffiċjentement preċiż sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati minn parti f’kawża u jiġu applikati mill-qorti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Gómez-Limón Sánchez-Camacho, C‑537/07, EU:C:2009:462, punt 36).

      (ara l-punt 69)

    Top