Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0636

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Jannar 2017.
    Roca Sanitario SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Akkordji – Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva– Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tas-sena 2006 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – L-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa.
    Kawża C-636/13 P.

    Court reports – general

    Kawża C‑636/13 P

    Roca Sanitario SA

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    “Appell – Akkordji – Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju – Koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tas-sena 2006 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – L-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Jannar 2017

    1. Kompetizzjoni–Multi–Ammont–Stħarriġ ġudizzjarju–Ġurisdizzjoni sħiħa–Stħarriġ tal-legalità–Portata u limiti

      (Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

    2. Proċedura ġudizzjarja–Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża–Kundizzjonijiet–Estensjoni ta’ motiv eżistenti–Assenza ta’ estensjoni–Inammissibbiltà

      [Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 48(2)]

    3. Appell–Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja–Eżami mill-ġdid, għal raġunijiet ta’ ekwità, tal-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq l-ammont ta’ multi imposti fuq impriżi li kisru r-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat–Esklużjoni

      (Artikoli 256 TFUE u 261 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

    4. Kompetizzjoni–Multi–Ammont–Determinazzjoni–Iffissar tal-ammont bażiku–Gravità tal-ksur–Dritt tad-dħul–Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni–Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

      (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 21,23 u 25)

    5. Kompetizzjoni–Multi–Ammont–Determinazzjoni–Kriterji–Gravità tal-ksur–Elementi ta’ evalwazzjoni

      (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 19- 23 u 25)

    6. Kompetizzjoni–Multi–Ammont–Determinazzjoni–Stħarriġ ġudizzjarju–Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni–Portata–Limitu–Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament–Teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi u taċ-ċirkustanzi proprji tal-impriżi kkonċernati

      (Artikolu 101(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 20 u 21, Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 13, 19-22, 25, 28 u 29)

    7. Appell–Aggravji–Motivi ta’ sentenza vvizjati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni–Dispożittiv ibbażat fuq motivi oħra ta’ liġi–Ċaħda

      (Subparagrafu 2 tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, paragrafu 1 tal-Artikolu 58)

    8. Appell–Aggravji–Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi–Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

      (Subparagrafu 2 tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, paragrafu 1 tal-Artikolu 58)

    1.  Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multa fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel l-istħarriġ tal-legalità li taqa’ fuqha abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati. Waqt dan l-istħarriġ, il-qorti ma tistax tistrieħ fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni la f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-Linji Gwida u lanqas f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex tirrinunzja li teżerċita stħarriġ fil-fond kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt.

      L-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE, jirrikonoxxi lill-qorti tal-Unjoni. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti

      L-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti madankollu għal stħarriġ ex officio u l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja. Ħlief għall-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti hija meħtieġa tqajjem ex officio, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u li jipproduċi provi insostenn ta’ dawn il-motivi

      (ara l-punti 32 sa 34)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 35 sa 37)

    3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 47)

    4.  Għad-determinazzjoni tal-ammonti tal-multi imposti għall-ksur tar-regloli ta’ kompetizzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u tal-provi kollha ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tagħha. Jidhru, fost il-provi ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fl-istabbiliment tal-akkordju, il-profitt li setgħu jisiltu minnu, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li l-ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni

      Iċ-ċirkustanza li impriża ma kinitx tappartjeni għall-“għadma iebsa” tal-akkordju għar-raġuni, b’mod partikolari, li hija ma kkontribwixxietx għall-ġenesi u għaż-żamma tagħha, ma tistax, fi kwalunkwe każ, turi li l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur’’ u “ammont addizzjonali” bir-rata ta’ 15 % ma humiex xierqa jew għoljin wisq, peress li tali perċentwali kienet iġġustifikata minħabba l-unika natura tal-ksur inkwistjoni, jiġifieri koordinazzjoni ta’ żidiet fil-prezz. Fil-fatt, tali ksur inkunsiderazzjoni fost ir-restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni l-iktar gravi fis-sens tal-punti 23 u 25 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 u tali rata ta’ 15 % tikkorrispondi għall-inqas rata fl-iskala tal-penalitajiet previsti għal tali ksur bis-saħħa ta’ dawn il-linji gwida.

      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’, ġustament, tikkunsidra li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi tiffissa l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” għal rata ta’ 15 %, minkejja l-portata ġeografika mnaqqsa tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur inkwistjoni.

      (voir points 48, 49 u 52 sa 54)

    5.  Jekk, biex wieħed jevalwa l-gravità ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE, u, sussegwentement, li wieħed jiffissa l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari l-portata ġeografika ta’ dan il-ksur, u tan-numru ta’ prodotti koperti minnha, iċ-ċirkustanza li ksur ikopri portata ġeografika ikbar u numru ikbar ta’ prodotti meta mqabbel ma’ ieħor, ma tistax neċessarjament timplika li dan l-ewwel ksur, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, u b’mod partikolari fid-dawl tan-natura tiegħu, għandu jiġi kkwalifikat bħala iktar gravi mit-tieni u bħala li jiġġustifika, b’hekk, l-iffissar tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ogħla minn dawk miżmuma għall-kalkolu tal-multa li tissanzjona dan it-tieni ksur

      (ara l-punt 56)

    6.  Il-Qorti Ġenerali hija obbligata tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament mhux biss fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi, iżda wkoll fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ tali kompetenza ma jistax iwassal, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li huma imposti fuqhom, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma kuntrarji għall-Artikolu 101(1) TFUE.

      It-teħid inkunsiderazzjoni, biex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur, bis-saħħa tal-imsemmi prinċipju, ta’ differenzi bejn impriżi li pparteċipaw għall-istess akkordju, b’mod partikolari fid-dawl tal-portata ġeografika tal-parteċipazzjonijiet rispettivi tagħhom, ma għandux neċessarjament jintervjeni matul l-iffissar tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, iżda jista’ jintervjeni għal stadju ta’ kalkolu ieħor tal-multa, bħal matul l-aġġustament tal-ammont bażiku skont ċirkustanzi attenwanti u aggravanti, skont punti 28 u 29 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003. Tali differenzi jistgħu wkoll jidhru permezz tal-valur tal-bejgħ miżmum biex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa sa fejn dan il-valur jirrifletti, għal kull impriża parteċipanti, l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni, konformement mal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, li jippermetti li jieħu bħala punt ta’ partenza għall-kalkolu tal-multi ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż tal-impriża fih.

      (ara l-punti 58 sa 60)

    7.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 62, 63)

    8.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 69)

    Top