EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0549

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2017.
E.ON Biofor Sverige AB vs Statens energimyndighet.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Promozzjoni tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Bijokarburanti użati għat-trasport – Direttiva 2009/28/KE – Artikolu 18(1) – Sistema ta’ ‘bilanċ tal-massa’ intiża li jiġi żgurat li l-bijogass jissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti – Validità – Artikoli 34 u 114 TFUE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-bilanċ tal-massa jitwettaq f’post iddefinit b’mod ċar – Prassi tal-awtorità nazzjonali kompetenti li taċċetta li din il-kundizzjoni tista’ tkun issodisfatta meta l-bijogass sostenibbli jiġi ttrasportat permezz tan-netwerk tal-gass nazzjonali – Ordni tal-imsemmija awtorità li teskludi li din l-istess kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta fil-każ ta’ importazzjoni minn Stati Membri oħra ta’ bijogass sostenibbli permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi – Moviment liberu tal-merkanzija.
Kawża C-549/15.

Court reports – general

Kawża C-549/15

E.ON Biofor Sverige AB

vs

Statens energimyndighet

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-Förvaltningsrätten i Linköping)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Promozzjoni tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Bijokarburanti użati għat-trasport – Direttiva 2009/28/KE – Artikolu 18(1) – Sistema ta’ ‘bilanċ tal-massa’ intiża li jiġi żgurat li l-bijogass jissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti – Validità – Artikoli 34 u 114 TFUE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-bilanċ tal-massa jitwettaq f’post iddefinit b’mod ċar – Prassi tal-awtorità nazzjonali kompetenti li taċċetta li din il-kundizzjoni tista’ tkun issodisfatta meta l-bijogass sostenibbli jiġi ttrasportat permezz tan-netwerk tal-gass nazzjonali – Ordni tal-imsemmija awtorità li teskludi li din l-istess kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta fil-każ ta’ importazzjoni minn Stati Membri oħra ta’ bijogass sostenibbli permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi – Moviment liberu tal-merkanzija”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2017

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Artikolu 114 TFUE-Kamp ta’ applikazzjoni

    (Artikolu 114 TFUE)

  2. Ambjent-Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli-Direttiva 2009/28-Verifika tal-osservanza tal-kriterji ta’ sostenibbiltà fir-rigward tal-bijokarburanti u tal-bijolikwidi-Obbligu tal-Istati Membri li jawtorizzaw l-importazzjonijiet, permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi tagħhom, ta’ bijogass sostenibbli-Assenza

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/28, Artikoli 17 u 18(1))

  3. Moviment liberu tal-merkanzija-Restrizzjonijiet kwantitattivi-Miżuri li għandhom effett ekwivalenti-Direttiva 2009/28-Implementazzjoni ta’ sistema għall-verifika tal-kriterji ta’ sostenibbiltà fir-rigward tal-bijokarburanti u tal-bijolikwidi-Setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni-Ġustifikazzjoni tal-implementazzjoni tal-imsemmija sistema ta’ verifika permezz ta’ raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent-Proporzjonalità

    (Artikolu 34 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/28, Artikolu 18(1))

  4. Domandi preliminari-Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja-Identifikazzjoni tal-elementi rilevanti tad-dritt tal-Unjoni-Assenza ta’ referenza fit-talba għal rinviju-Assenza ta’ effett

    (Artikolu 267 TFUE)

  5. Dritt tal-Unjoni Ewropea-Implementazzjoni mill-Istati Membri-Kriterji ta’ evalwazzjoni-Qasam li ma huwiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti permezz ta’ att tad-dritt idderivat-Implementazzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni li għandha tosserva d-dritt tal-Unjoni

    (Artikolu 34 TFUE)

  6. Moviment liberu tal-merkanzija-Restrizzjonijiet kwantitattivi-Miżuri li għandhom effett ekwivalenti-Sistema ta’ bilanċ tal-massa fis-sens tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28-Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi t-twettiq tal-bilanċ tal-massa f’post iddefinit b’mod ċar-Ordni tal-awtorità nazzjonali kompetenti li teskludi t-twettiq tal-bilanċ tal-massa fir-rigward tal-bijogass sostenibbli li jkun is-suġġett ta’ trasport transkonfinali permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi-Inammissibbiltà

    (Artikolu 34 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/28, Artikolu 18(1))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (voir points 30, 31 u 49)

  2.  L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex intiż li joħloq, għall-Istati Membri, obbligu li jawtorizzaw l-importazzjonijiet, permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi tagħhom, ta’ bijogass li jissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva u li jkun intiż li jintuża bħala bijokarburant.

    Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, li l-uniku għan tiegħu huwa li jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ verifika intiżi li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, ma jistax, fid-dawl tar-rabta li għalhekk hemm bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, jiġi interpretat, bħalma lanqas ma jista’ jiġi interpretat dan l-Artikolu 17, fis-sens li għandu l-għan li jobbliga b’mod inkundizzjonat lill-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’ bijogass sostenibbli minn Stati Membri oħra.

    Min-naħa l-oħra, u kif essenzjalment osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tan-natura ġenerali tat-termini li bihom huma espressi l-kriterji elenkati fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, lanqas ma jista’ jitqies li l-imsemmija dispożizzjoni wettqet armonizzazzjoni kompleta tal-metodu ta’ verifika marbut mas-sistema tal-bilanċ tal-massa. Għall-kuntrarju, mill-imsemmija punti jirriżulta li l-Istati Membri jżommu marġni ta’ diskrezzjoni u ta’ manuvra meta jkunu meħtieġa jiddeterminaw, b’mod iktar preċiż, il-kundizzjonijiet konkreti li għandhom ikunu ssodisfatti mis-sistemi ta’ bilanċ tal-massa li għandhom ikunu implementati mill-operaturi ekonomiċi. Għaldaqstant, tali dispożizzjoni, ikkunsidrata bħala tali, lanqas ma hija ta’ natura li twassal, awtomatikament, sabiex jiġi ggarantit moviment liberu tal-bijogass sostenibbli permezz tan-netwerk tal-gass transkonfinali ladarba l-imsemmi bijogass ikun ikkaratterizzat legalment bħala sostenibbli fl-Istat Membru ta’ produzzjoni.

    (ara l-punti 39, 40 u 42, u d-dispożittiv 1)

  3.  Issa, ma hemm xejn li jippermetti li jitqies li, meta b’hekk iddeċieda li jiffavorixxi, fil-proċess li jintlaħaq l-għan stabbilit fl-Artikolu 114(3) TFUE li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u għall-finijiet tal-għanijiet imsemmija b’mod iktar speċifiku fil-premessa 76 tad-Direttiva 2009/28, l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ verifika tal-kriterji ta’ sostenibbiltà li tkun kemm integrali u kemm effikaċi u li tkun maħsuba sabiex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ relazzjoni fiżika bejn il-produzzjoni ta’ bijokarburanti sostenibbli u l-konsum tagħhom fl-Unjoni, filwaqt li b’hekk jeżerċita influwenza iktar effikaċi fuq l-aġir tal-atturi tas-suq, il-leġiżlatur tal-Unjoni mar lil hinn mil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu, imfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, u lanqas li naqas milli josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qasam speċifiku li fih l-imsemmi leġiżlatur kellu jilleġiżla f’dan il-każ jirrikjedi manifestament li dan il-leġiżlatur jagħmel għażliet ta’ natura kemm politika, kemm xjentifika u kemm eknomika u li jwettaq, b’hekk, evalwazzjonijiet, b’mod partikolari ta’ natura teknika u ekonomika, partikolarment kumplessi.

    Issa, f’dan il-każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’, mingħajr ma jaqbeż il-limiti tal-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni, iqis li, fid-dawl, minn naħa, tal-forma ta’ traċċabbiltà stabbilita minnha u fid-dawl tal-kundizzjonijiet maħsuba sabiex tiġi żgurata l-effikaċja u l-integrità tagħha u li għalihom hija suġġetta skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28, u, min-naħa l-oħra, tal-influwenza li hija b’hekk intiża li teżerċita fuq il-prezzijiet tal-bijokarburanti sostenibbli u fuq l-atturi tas-suq, filwaqt li jitnaqqsu r-riskji ta’ frodi, is-sistema ta’ verifika bl-użu tat-teknika tal-bilanċ tal-massa kienet tidher adegwata sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent.

    Bl-istess mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ raġonevolment iqis, f’dan ir-rigward, mingħjar ma jaqbeż il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, li tali sistema ta’ verifika kienet meħtieġa u li, b’mod partikolari, ma kienx hemm miżura alternattiva li tippermetti li l-għanijiet leġittimi segwiti b’dan il-mod jintlaħqu f’dan il-każ b’mod daqstant effikaċi filwaqt li l-operaturi ekonomiċi jkunu suġġetti għal limitazzjonijiet ekonomiċi u amministrattivi minimi.

    Għall-istess raġunijiet, l-ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija osservat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza li għalhekk, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa ġġustifikat minn raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent, ma jistax, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 ta’ din l-istess sentenza, jitqies li jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match,C 210/03, EU:C:2004:802, punt 61).

    (ara l-punti 66 sa 70)

  4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 72)

  5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 76 sa 78)

  6.  L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ordni, bħall-ordni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha awtorità nazzjonali jkollha l-intenzjoni teskludi li operatur ekonomiku jkun jista’ jimplementa sistema tal-bilanċ tal-massa, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, fir-rigward tal-bijogass sostenibbli ttrasportat f’netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi, bis-saħħa ta’ dispożizzjoni adottata minn din l-awtorità li tipprovdi li tali bilanċ tal-massa għandu jitwettaq “f’post iddefinit b’mod ċar”, meta fl-istess waqt l-imsemmija awtorità taċċetta, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, li sistema tal-bilanċ tal-massa tista’ tiġi implementata fir-rigward ta’ bijogass sostenibbli ttrasportat fin-netwerk tal-gass nazzjonali tal-Istat Membru ta’ din l-istess awtorità.

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżistenza ta’ ostakolu għall-kummerċ fis-sens tal-imsemmi Artikolu 34 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li l-ordni kontenzjuża tista’ tostakola, minn tal-inqas indirettament u potenzjalment, l-importazzjonijiet tal-bijogass sostenibbli fl-Isvezja minn Stati Membri oħra, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

    Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 75, 76 u 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija ordni għandha l-effett li tostakola t-twettiq ta’ bilanċ tal-massa tal-bijogass sostenibbli importat permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi u, għaldaqstant, li teskludi li l-imsemmi bijogass ikun jista’, ladarba jkun ġie importat b’dan il-mod fl-Isvezja, iżomm il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà proprji tiegħu sabiex ikun jista’ jibbenefika minn sistema fiskali vantaġġjuża applikabbli, fl-imsemmi Stat Membru, għall-konsum ta’ bijokarburanti sostenibbli.

    Peress li b’hekk ġie kkonfermat l-ostakolu għall-kummerċ, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, u konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, jekk il-miżura nazzjonali li twassal għall-imsemmi ostakolu tistax xorta waħda tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi aċċettati, bħalma hija l-protezzjoni tal-ambjent, u jekk l-imsemmija miżura tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-produzzjoni tal-bijogass, li fl-aħħar mill-aħħar il-promozzjoni tiegħu hija l-għan ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li jagħmel parti minnha l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 3 tad-dispożizzjonijiet tal-2011 tal-Aġenzija tal-enerġija huwa, bħala prinċipju, utli għall-protezzjoni tal-ambjent. It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati juru li l-eċċezzjoni għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija stabbilita minnhom hija meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ikkonċernati u li din l-eċċezzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 89 u 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jidhirx, u l-Aġenzija tal-enerġija bl-ebda mod ma stabbilixxiet, li huwa impossibbli għaliha li tiżgura ruħha mis-sostenibbiltà tal-bijogass importat minn Stati Membri oħra permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi billi tirrikjedi lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati jipproduċu l-elementi meħtieġa f’dan ir-rigward mid-dritt nazzjonali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan id-dawl, l-informazzjoni u d-dokumenti li eventwalment joħorġu mis-sistema tal-bilanċ tal-massa implementata fl-Istati Membri minn fejn toriġina l-kunsinna ta’ bijogass sostenibbli kkonċernata u filwaqt li jiġi żgurat li l-imsemmija kunsinna, għall-finijiet tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2009/28, titqies li nħarġet darba biss mit-taħlita jew mit-taħlitiet, kif tirrikjedi s-sistema tal-bilanċ tal-massa stabbilita fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Aġenzija tal-enerġija ma stabbilixxietx li l-ordni kontenzjuża, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 3 tal-Kapitolu 3 tad-dispożizzjonijiet tal-2011 ta’ din l-aġenzija, hija neċessarja sabiex tiżgura ruħha min-natura sostenibbli tal-bijogass importat minn Stati Membri oħra għall-finijiet tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2009/28, b’tali mod li tali miżura ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità u b’tali mod li, għalhekk, ma tistax tkun iġġustifikata.

    (ara l-punti 79, 80, 84, 85, 90, 98, 99 u 100, u d-dispożittiv 3)

Top