EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0339

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Mejju 2017.
Proċeduri kriminali kontra Luc Vanderborght.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Provvista ta’ kura tal-ħalq u tas-snien – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut ir-reklamar fil-qasam tas-servizzi tal-kura tal-ħalq u tas-snien – Eżistenza ta’ element transkonfinali – Ħarsien tas-saħħa pubblika – Proporzjonalità – Direttiva 2000/31/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Reklamar permezz ta’ sit tal-Internet – Membru ta’ professjoni rregolata – Regoli professjonali – Direttiva 2005/29/KE – Prattika kummerċjali żleali – Dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-saħħa – Dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-professjonijiet irregolati.
Kawża C-339/15.

Court reports – general

Kawża C-339/15

Proċedura kriminali

vs

Luc Vanderborght

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel, strafzaken)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Provvista ta’ kura tal-ħalq u tas-snien – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut ir-reklamar fil-qasam tas-servizzi tal-kura tal-ħalq u tas-snien – Eżistenza ta’ element transkonfinali – Ħarsien tas-saħħa pubblika – Proporzjonalità – Direttiva 2000/31/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Reklamar permezz ta’ sit tal-Internet – Membru ta’ professjoni rregolata – Regoli professjonali – Direttiva 2005/29/KE – Prattika kummerċjali żleali – Dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-saħħa – Dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-professjonijiet irregolati”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Mejju 2017

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi–Direttiva 2005/29–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi b’mod assolut ir-reklamar għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien–Ammissibbiltà

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29, Artikolu 8)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Kummerċ elettroniku–Direttiva 2000/31–Provvista ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni–Awtorizzazzjoni tal-komunikazzjonijiet kummerċjali li jifformaw parti minn tali servizz ipprovdut minn membru ta’ professjoni rregolata–Kunċett ta’ komunikazzjoni kummerċjali–Reklamar magħmul permezz ta’ sit tal-Internet maħluq minn dentist fir-rigward ta’ servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien–Inklużjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31, premessa 18 u Artikoli 2(f), u 8)

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Kummerċ elettroniku–Direttiva 2000/31–Provvista ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni–Awtorizzazzjoni tal-komunikazzjonijiet kummerċjali li jifformaw parti minn tali servizz ipprovdut minn membru ta’ professjoni rregolata–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi b’mod assolut lil dentist li jagħmel reklamar, inkluż b’mezz elettroniku, għas-servizzi tiegħu ta’ kura tal-ħalq u tas-snien–Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31, Artikolu 8(1))

  4. Domandi preliminari–Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja–Limiti–Domanda magħmula fuq tilwima li qamet fi Stat Membru wieħed biss–Ġurisdizzjoni fid-dawl tal-effett eventwali fuq persuni provenjenti minn Stati Membri oħra

    (Artikolu 267 TFUE)

  5. Libertà li jiġu pprovduti servizzi–Libertà ta’ stabbiliment–Dispożizzjonijiet tat-Trattat–Eżami ta’ miżura nazzjonali marbut ma dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali–Kriterji ta’ determinazzjoni tar-regoli applikabbli

    (Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE)

  6. Libertà li jiġu pprovduti servizzi–Restrizzjonijiet–Servizzi dentali–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi b’mod assolut ir-reklamar għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien–Inammissibbiltà–Ġustifikazzjoni–Protezzjoni tas-saħħa pubblika–Assenza–Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    (Artikolu 56 TFUE)

  1.  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal‑konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipproteġi s-saħħa pubblika u d-dinjità tal-professjoni ta’ dentist, minn naħa, billi tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien u, min-naħa l-oħra, billi tistabbilixxi ċerti rekwiżiti ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna t-tabelli tal-kliniki dentali.

    (ara l-punt 30 u d-dispożittiv 1)

  2.  Il-premessa 18 tad-Direttiva 2000/31 tippreċiża li l-kunċett ta’ “servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” jinfirex fuq medda wiesgħa ta’ attivitajiet ekonomiċi li jseħħu online u li dawn ma humiex biss ristretti għal servizzi li jagħtu lok għall-konklużjoni ta’ kuntratti online, iżda wkoll, sa fejn tali servizzi jirrappreżentaw attività ekonomika, jestendu għal servizzi li ma humiex imħallsa minn dawk li jirċevuhom, bħas-servizzi li jipprovdu informazzjoni online jew komunikazzjonijiet kummerċjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-reklamar online jista’ jikkostitwixxi servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/31 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden,C-484/14, EU:C:2016:689, punti 4142).

    Barra minn hekk, l-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva jippreċiża li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali” ikopri b’mod partikolari kull forma ta’ komunikazzjoni intiża biex tippromwovi, direttament jew indirettament, servizzi ta’ persuna li teżerċita professjoni rregolata. Isegwi li r-reklamar relattiv għal provvista ta’ kura tal-ħalq u tas-snien, magħmul permezz ta’ website maħluqa minn membru ta’ professjoni rregolata, jikkostitwixxi komunikazzjoni kummerċjali li tagħmel parti minn servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jew li tikkostitwixxi tali servizz, fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/31.

    (ara l-punti 36 sa 39)

  3.  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”), għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien, sa fejn din tipprekludi kull forma ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali b’mezz elettroniku, inkluż permezz ta’ website maħluqa minn dentist.

    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma eskludiex lil professjonijiet irregolati mill-prinċipju ta’ awtorizzazzjoni tal-komunikazzjonijiet kummerċjali online stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/31. Għalhekk, għalkemm din id-dispożizzjoni tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-professjonijiet tas-saħħa fl-elaborazzjoni tar-regoli professjonali relatati magħhom, billi jiġu inkwadrati, jekk ikun il-każ b’mod strett, il-forom u l-metodi tal-komunikazzjonijiet kummerċjali online imsemmija fid-dispożizzjoni msemmija b’mod partikolari bil-għan li jiġi żgurat li ma tinkisirx il-fiduċja tal-pazjenti lejn dawn il-professjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ir-regoli professjonali ma jistgħux validament jipprekludu b’mod ġenerali u assolut kull forma ta’ reklamar online intiż biex jippromwovi l-attività ta’ persuna li teżerċita tali professjoni.

    (ara l-punti 48 sa 50 u d-dispożittiv 2)

  4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 53 u 56)

  5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 58)

  6.  L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal provvista ta’ kura tal-ħalq u tas-snien.

    Fir-rigward tal-ħtieġa ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l‑fatt li s‑saħħa u l‑ħajja tal‑persuni jokkupaw l‑ewwel post fost il-beni u l‑interessi protetti mit‑Trattat u li huma, fil-prinċipju, l‑Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il‑livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jagħtu lis‑saħħa pubblika kif ukoll il‑mod li bih dan il‑livell għandu jintlaħaq. Peress li dan jista’ jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, l-Istati Membri għandhom jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika,C-108/09, EU:C:2010:725, punt 58, u tat-12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu,C-198/14, EU:C:2015:751, punt 118). B’hekk, għandu jitqies li, minkejja din il-marġni ta’ diskrezzjoni, ir-restrizzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal provvisti ta’ kura tal-ħalq u tas-snien, teċċedi dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, imfakkra fil-punt 66 ta’ din is-sentenza.

    Fil-fatt, il-messaġġi pubbliċitarji kollha pprojbiti minn din il-leġiżlazzjoni ma jistgħux, bħala tali, joħolqu l-effetti kuntrarji għal dawn l-għanijiet imsemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi li jinkwadraw, jekk ikun il-każ b’mod strett, il-forom u l-metodi li jistgħu validament ikopru l-mezzi ta’ komunikazzjoni użati mid-dentisti, mingħajr madankollu ma jipprekluduhom b’mod ġenerali u assolut minn kull forma ta’ reklamar.

    (ara l-punti 71 sa 73, 75, 76 u d-dispożittiv 3)

Top