Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0201

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2016.
    Anonymi Geniki Etairia Tsimenton Iraklis (AGET Iraklis) vs Ypourgos Ergasias, Koinonikis Asfalisis kai Koinonikis Allilengyis.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 98/59/KE — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-tkeċċijiet kollettivi — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 16 — Libertà tal-impriża — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferixxi lil awtorità amministrattiva s-setgħa li topponi tkeċċijiet kollettivi wara evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, tas-sitwazzjoni tal-impriża u tal-interess tal-ekonomija nazzjonali — Kriżi ekonomika gravi — Rata ta’ qgħad nazzjonali partikolarment għolja.
    Kawża C-201/15.

    Court reports – general

    Kawża C-201/15

    Anonymi Geniki Etairia Tsimenton Iraklis (AGET Iraklis)

    vs

    Ypourgos Ergasias, Koinonikis Asfalisis kai Koinonikis Allilengyis

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 98/59/KE — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-tkeċċijiet kollettivi — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 16 — Libertà tal-impriża — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferixxi lil awtorità amministrattiva s-setgħa li topponi tkeċċijiet kollettivi wara evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, tas-sitwazzjoni tal-impriża u tal-interess tal-ekonomija nazzjonali — Kriżi ekonomika gravi — Rata ta’ qgħad nazzjonali partikolarment għolja”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2016

    1. Politika soċjali–Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Tkeċċijiet kollettivi–Direttiva 98/59–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferixxi lil awtorità amministrattiva s-setgħa li topponi tkeċċijiet kollettivi wara evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, tas-sitwazzjoni tal-impriża u tal-interess tal-ekonomija nazzjonali–Ammissibbiltà–Limitu–Preġudizzju għall-effett utli tad-direttiva kkawżat mill-applikazzjoni konkreta tal-imsemmija leġiżlazzjoni–Verifika mill-qorti nazzjonali

      (Direttiva tal-Kunsill 98/59)

    2. Libertà ta’ stabbiliment–Restrizzjonijiet–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferixxi lil awtorità amministrattiva s-setgħa li topponi tkeċċijiet kollettivi wara evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, tas-sitwazzjoni tal-impriża u tal-interess tal-ekonomija nazzjonali–Inammissibbiltà–Kriżi ekonomika gravi u rata ta’ qgħad nazzjonali partikolarment għolja–Assenza ta’ effett

      (Artikolu 49 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 16 u 52(1))

    3. Libertà ta’ stabbiliment–Dispożizzjonijiet tat-Trattat–Kamp ta’ applikazzjoni–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferixxi lil awtorità amministrattiva s-setgħa li topponi tkeċċijiet kollettivi wara evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, tas-sitwazzjoni tal-impriża u tal-interess tal-ekonomija nazzjonali–Inklużjoni–Assenza ta’ eżami awtonomu fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-moviment liberu tal-kapital

      (Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE)

    1.  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha persuna li timpjega tista’, fl-assenza ta’ ftehim mar-rappreżentanti tal-ħaddiema dwar proġett ta’ tkeċċija kollettiva, tipproċedi b’tali tkeċċija biss bil-kundizzjoni li l-awtorità pubblika nazzjonali kompetenti li għandha tiġi nnotifikata b’dan il-proġett ma tadottax, fit-terminu previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni u wara eżami tal-fajl u evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, tas-sitwazzjoni tal-impriża kif ukoll tal-interess tal-ekonomija nazzjonali, deċiżjoni motivata li ma tawtorizzax it-twettiq ta’ parti mit-tkeċċijiet proposti jew it-tkeċċijiet kollha. Ikun differenti jekk ikun il-każ, li hija, skont il-każ, il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, li, fid-dawl tat-tliet kriterji ta’ evalwazzjoni li tirreferi għalihom din il-leġiżlazzjoni u tal-applikazzjoni konkreta tagħha li twettaq l-imsemmija awtorità pubblika taħt l-istħarriġ tal-qrati kompetenti, l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha l-konsegwenza li ċċaħħad id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva mill-effett utli tagħhom.

      Fil-fatt, id-Direttiva 98/59 tiżgura biss armonizzazzjoni parzjali tar-regoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi, jiġifieri l‑proċedura li għandha tiġi segwita meta jsiru tali tkeċċijiet. Huwa għalhekk li din id-direttiva ma tippreġudikax il-libertà tal-persuna li timpjega li jipproċedi bi tkeċċijiet kollettivi. L-imsemmija direttiva ma tippreċiżax b’mod partikolari ċ-ċirkustanzi meta l-persuna li timpjega għandha tikkunsidra t-tkeċċijiet kollettivi u bl-ebda mod ma jaffettwaw il-libertà ta’ deċiżjoni tagħha fir-rigward ta’ jekk u meta għandu jħejji pjan ta’ tkeċċija kollettiv. Għalhekk, il-kundizzjonijiet sostantivi li hija suġġetta għalihom, skont il-każ, il-possibbiltà għall-persuna li timpjega li tipproċedi jew le bi tkeċċijiet kollettivi ma jaqgħux, fil-prinċipju, taħt l-applikazzjoni tad-Direttiva 98/59 u, konsegwentement, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

      Madankollu, għalkemm huwa minnu li d-Direttiva 98/59 tiżgura biss armonizzazzjoni parzjali tar-regoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi, xorta jibqa’ l-fatt li n-natura limitata ta’ armonizzazzjoni bħal din ma jistax ikollha l-konsegwenza li tneħħi l-effett utli tal-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax, b’mod partikolari, jadotta miżura nazzjonali, li, minkejja li tkun ta’ natura li tiggarantixxi livell imsaħħaħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema kontra t-tkeċċijiet kollettivi jkollha, madankollu, il-konsegwenza li ċċaħħad lill-Artikoli 2 sa 4 tal-imsemmija direttiva mill-effett utli tagħhom. L-istess ikun japplika fil-każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tkeċċijiet kollettivi għall-kunsens preliminari ta’ awtorità pubblika li, minħabba, pereżempju, kriterji li fir-rigward tagħhom l-imsemmija awtorità tkun mitluba tiddeċiedi jew tal-mod kif din tinterpetahom u tapplikahom konkretament, kwalunkwe possibbiltà effettiva għall-persuna li timpjega li tipproċedi b’tali tkeċċijiet kollettivi tkun, fil-prattika, eskluża.

      (ara l-punti 29-31, 33, 36-38, 44, dispożittiv 1)

    2.  L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha persuna li timpjega tista’, fl-assenza ta’ ftehim mar-rappreżentanti tal-ħaddiema dwar proġett ta’ tkeċċija kollettiva, tipproċedi b’tali tkeċċija biss bil-kundizzjoni li l-awtorità pubblika nazzjonali kompetenti li għandha tiġi nnotifikata b’dan il-proġett ma tadottax, fit-terminu previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni u wara eżami tal-fajl u evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, tas-sitwazzjoni tal-impriża kif ukoll tal-interess tal-ekonomija nazzjonali, deċiżjoni motivata li ma tawtorizzax it-twettiq ta’ parti mit-tkeċċijiet proposti jew it-tkeċċijiet kollha.

      Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi ndħil sostanzjali f’ċerti libertajiet li jgawdu minnhom, ġeneralment, l-operaturi ekonomiċi. Konsegwentement, hija ta’ natura li trendi inqas attraenti aċċess għas-suq nazzjonali u, f’każ ta’ aċċess għal dan is-suq, li tnaqqas konsiderevolment, jew anki li tħassar il-possibbiltajiet, għall-operaturi ta’ Stati Membri oħra li jkunu għażlu li jinstallaw ruħhom fuq suq ġdid, li jifformulaw, sussegwentement, l-attività tagħhom fuq dan is-suq jew li jirrinunzjaw, billi jisseparaw ruħhom, f’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-ħaddiema li kienu preċedentement ġew impjegati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tikkostitwixxi ostakolu gravi għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment f’dan l-Istat Membru.

      Tali restrizzjoni ma tistax tiġi aċċettata ħlief jekk hija tiġġustifika ruħha minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tibbenefika minn tali ġustifikazzjoni biss jekk tkun konformi mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom. F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni toħloq limitu għall-eżerċizzju tal-libertà tal-impriża stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fost l-interessi imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja tinsab il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-promozzjoni tal-impjieg u tal-impjegar. B’hekk, diġà ġie aċċettat li kunsiderazzjonijiet dwar iż-żamma tal-impjieg jistgħu jikkostitwixxu, f’ċerti ċirkustanzi u taħt ċerti kundizzjonijiet, ġustifikazzjonijiet aċċettabbli għal leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-għan li tostakola l-libertà ta’ stabbiliment.

      Sabiex dan ikun il-każ, l-imsemmija restrizzjonijiet għandhom ikunu tali li jiggarantixxu l-għan ta’ interess ġenerali li huma għandhom u li ma jkunux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt għal Stat Membru li jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, li l-proġetti ta’ tkeċċijiet kollettivi għandhom, qabel kwalunkwe implementazzjoni, jiġu nnotifikati lil awtorità nazzjonali, li għandha s-setgħa ta’ kontroll li tippermettilha, f’ċerti ċirkustanzi, li topponi tali proġett minħabba motivi relatati mal-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-impjieg, ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa kuntrarju għal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Artikolu 49 TFUE u lanqas għal-libertà tal-impriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta. Fl-ewwel lok, tali sistema ma għandha bl-ebda mod il-konsegwenza li teskludi, min-natura tagħha stess, il-possibbiltà għall-impriżi li jwettqu tkeċċijiet kollettivi, peress li din tfittex biss li tikkontrolla din il-possibbiltà, billi twassal, f’dan il-qasam sensittiv, għal konċiljazzjoni u ekwilibriju ġust bejn l-interessi marbuta mal-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-impjieg, b’mod partikolari kontra t-tkeċċijiet inġusti u kontra l-konsegwenzi tat-tkeċċijiet kollettivi għall-ħaddiema, u, dawk relatati mal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà tal-impriża tal-operaturi ekonomiċi li jistabbilixxu l-Artikoli 49 TFUE u 16 tal-Karta. Hekk ikkunsidrat fil-prinċipju tiegħu, tali kontroll tal-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jitwettqu tkeċċijiet kollettivi jista’ għalhekk jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ proporzjonalità, u, għaldaqstant, li jkunu kompatibbli, minn din il-perspettiva, mal-Artikoli 49 TFUE u 16 tal-Karta.

      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-modi konkreti li jikkaratterizzaw l-imsemmija sistema ta’ kontroll tat-tkeċċijiet kollettivi u, speċifikament, it-tliet kriterji li l-awtorità pubblika kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk topponix jew le tkeċċija kollettiva, l-ewwel wieħed fosthom, jiġifieri l-kriterju tal-“interess ġenerali tal-ekonomija ġenerali” ma jistax jiġi aċċettat għaliex għandu għan ta’ natura ekonomika li ma jistax jikkostitwixxi raġuni ta’ interess ġenerali li jiġġustifika restrizzjoni ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat. Min-naħa l-oħra, fir-rigward taż-żewġ kriterji ta’ evalwazzjoni l-oħra li tirreferi għalihom il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, jiġifieri s-“sitwazzjoni tal-impriża” u l-“kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol”, dawn jidhru, a priori, ċertament, li jistgħu jkunu relatati mal-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li huma l-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-impjieg. Madankollu, tali kriterji huma fformulati b’mod ġenerali ħafna u impreċiż. Tali kriterji li ma humiex preċiżi u li għalhekk ma humiex ibbażati fuq kundizzjonijiet oġġettivi u kontrollabbli jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet indikati u ma jistgħux għaldaqstant jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minn dan isegwi li sistema ta’ kontroll u ta’ oppożizzjoni bħal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra, minħabba l-metodi konkreti tagħha, ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tikser, għalhekk, l-Artikolu 49 TFUE. Għall-istess raġunijiet, tali leġiżlazzjoni tikser ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u, għaldaqstant, l-Artikolu 16 tagħha.

      Barra minn hekk, l-eżistenza eventwali, fi Stat Membru, ta’ kuntest ikkaratterizzat minn kriżi ekonomika gravi u rata ta’ qgħad partikolarment għolja, ma hijiex ta’ natura li taffettwa din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, barra mill-possibbiltà li ċerti ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment li jirriżultaw minn miżuri nazzjonali jistgħu jkunu ġġustifikati fid-dawl ta’ ċerti raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, it-trattati ma jipprovdux, min-naħa l-oħra, li huwa possibbli, minbarra l-imsemmija ipoteżi, li ssir deroga għal din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju jew li din tkun tista’ purament u sempliċement titwarrab minħabba l-fatt li jkun jeżisti tali kuntest nazzjonali.

      (ara l-punti 55-57, 61, 65, 66, 73-75, 80, 83, 88, 90, 94-100, 102-104, 107, 108, dispożittiv 1 u 2)

    3.  Il-każ inkwistjoni fejn kumpannija bl-intenzjoni li twettaq tkeċċijiet kollettivi hija kumpannija li grupp multinazzjonali ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor għandu sehem maġġoritarju fil-kapital tagħha li jippermettilu li jeżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-imsemmija kumpannija u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha jaqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-ipoteżi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferixxi lil awtorità amministrattiva s-setgħa li topponi tkeċċijiet kollettivi wara evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, tas-sitwazzjoni tal-impriża u tal-interess tal-ekonomija nazzjonali tipproduċi effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-kapital, dawn ikunu l-konsegwenza inevitabbli ta’ eventwali ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u ma tiġġustifikax eżami awtonomu fid-dawl tal-Artikolu 63 TFUE dwar il-moviment liberu tal-kapital.

      (ara l-punt 59)

    Top