EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0231

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2016.
Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Petrotel sp. z o.o. w Płocku vs Polkomtel sp. z o.o.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE – Artikolu 4(1) – Dritt ta’ appell minn deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja nazzjonali – Mekkaniżmu effettiv ta’ appell – Żamma tad-deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali sakemm isir magħruf l-eżitu tal-proċedura ta’ appell – Effetti ratione temporis ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tiddikjara l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali – Possibbiltà li tiġi annullata deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali b’effett retroattiv – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Kawża C-231/15.

Court reports – general

Kawża C‑231/15

Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej

u

Petrotel sp. z o.o. w Płocku

vs

Polkomtel sp. z o.o.

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/21/KE — Artikolu 4(1) — Dritt ta’ appell minn deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja nazzjonali — Mekkaniżmu effettiv ta’ appell — Żamma tad-deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali sakemm isir magħruf l-eżitu tal-proċedura ta’ appell — Effetti ratione temporis ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tiddikjara l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali — Possibbiltà li tiġi annullata deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali b’effett retroattiv — Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2016

  1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli – Domandi mhux relatati mas-suġġett tal-kawża prinċipali – Assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    (Artikolu 267 TFUE)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Qafas regolatorju – Direttiva 2002/21 – Dritt ta’ appell minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Annullament ta’ deċiżjoni tal-imsemmija awtorità b’effett retroattiv – Ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Assenza

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(1))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 16)

  2.  L-ewwel u t-tielet sentenzi tal-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, (Direttiva Kwadru [Qafas]), moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali adita b’appell minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tkun tista’ tannulla din id-deċiżjoni b’effett retroattiv, jekk hija tqis li dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-impriża li ppreżentat l-appell.

    Fil-fatt, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, li jipprevedi l-obbligu li jiġi żgurat mekkaniżmu ta’ appell effettiv, jikkostitwixxi emanazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li jitnisslu favur l-individwi mid-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas bl-ebda mod ma jimpedixxi jew jirrestrinġi l-possibbiltà għal qorti nazzjonali li tannulla b’effett retroattiv deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta biss li l-appell ippreżentat minn deċiżjoni tal-imsemmija awtorità ma għandux effett sospensiv, ħlief jekk ikunu ngħataw miżuri provviżorji skont id-dritt nazzjonali. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali tapplika, bħala prinċipju, sakemm idum pendenti l-appell, liema applikazzjoni ma tippreġudikax il-possibbiltà, fi tmiem l-appell, li l-imsemmija deċiżjoni tiġi annullata b’effett retroattiv, jekk il-qorti nazzjonali tqis li dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-impriża li ppreżentat l-appell.

    Barra minn hekk, il-possibbiltà għal qorti nazzjonali li tannulla deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali b’effett retroattiv ma tmurx kontra l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Issa mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jirriżulta ċar li huwa biss sakemm isir magħruf l-eżitu tal-appell li d-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità li tkun ġiet appellata tinżamm bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, operaturi ekonomiċi, li jkunu partijiet f’appell bħal dak previst fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, ma jistgħux iqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fil-fatt li, fil-każ li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali inkwistjoni, dan l-annullament ma huwiex ser jipproduċi effetti ex tunc.

    (ara l-punti 24‑28, 30, 31 u d-dispożittiv)

Top