Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0027

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-2 ta’ Ġunju 2016.
    Pippo Pizzo vs CRGT Srl.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti – Possibbiltà li jintużaw il-kapaċitajiet ta’ impriżi oħra sabiex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa – Nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni mhux prevista b’mod espliċitu – Esklużjoni mill-kuntratt mingħajr il-possibbiltà li tiġi rrettifikata din l-ommissjoni.
    Kawża C-27/15.

    Court reports – general

    Kawża C‑27/15

    Pippo Pizzo

    vs

    CRGT srl

    (talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione Siciliana)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti — Possibbiltà li jintużaw il-kapaċitajiet ta’ impriżi oħra sabiex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa — Nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni mhux prevista b’mod espliċitu — Esklużjoni mill-kuntratt mingħajr il-possibbiltà li tiġi rrettifikata din l-ommissjoni”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-2 ta’ Ġunju 2016

    1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Kriterji għal għażla kwalitattiva – Kapaċità ekonomika, finanzjarja, teknika u/jew professjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza operatur ekonomiku li jitlob il-kapaċitajiet ta’ diversi impriżi – Ammissibbiltà

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 47(2), u 48(3))

    2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2014/24 – Applikazzjoni ratione temporis

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/24, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 63(1) u l-Artikoli 63(2) u 90)

    3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti – Obbligu ta’ trasparenza – Esklużjoni tal-parteċipazzjoni f’kuntratt ta’ operatur ekonomiku minħabba nuqqas ta’ osservanza minn dan l-operatur ta’ obbligu li ma jirriżultax espressament mid-dokumenti tal-kuntratt jew mill-leġiżlazzjoni nazzjonali – Assenza ta’ possibbiltà li tiġi rrettifikata din l-ommissjoni – Inammissibbiltà

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikoli 2 u 27 u Anness VII A)

    1.  L-Artikoli 47 u 48 tad-Direttiva 2004/18, dwar il-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza operatur ekonomiku juża l-kapaċitajiet ta’ waħda jew iktar entitajiet terzi bil-għan li jissodisfa r-rekwiżiti minimi għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti li dan l-operatur jissodisfa biss parzjalment, inkluż billi jużaw iċ-ċertifikati bankarji tagħhom.

      F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2004/18 tippermetti l-akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ diversi operaturi ekonomiċi sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti minimi ta’ kapaċità stabbiliti mill-awtorità kontraenti, sakemm jiġi ppruvat lilha li l-kandidat jew l-offerent li juża l-kapaċitajiet ta’ waħda jew iktar entitajiet, effettivament ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi ta’ dawn tal-aħħar li huma meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li jeżistu xogħlijiet li għandhom karatteristiċi li jirrikjedu ċerta kapaċità li ma tistax tinkiseb billi ssir akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet inferjuri ta’ diversi operaturi, l-awtorità konraenti tkun, madankollu, fondata li teżiġi li l-livell minimu ta’ kapaċità inkwistjoni jinkiseb minn operatur ekonomiku wieħed, jew billi jirrikorri għal numru limitat ta’ operaturi ekonomiċi, peress li din il-ħtieġa hija relatata u proporzjonata mal-għan tal-kuntratt inkwistjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-sejħa għall-offerti u l-ispeċifikazzjonijet tal-kuntratt inkwistjoni kinux espressament ipprevedew li, minħabba l-partikolarità tas-servizzi involuti f’dan il-kuntratt, livell minimu ta’ kapaċità kellu jintlaħaq minn operatur ekonomiku wieħed.

      (ara l-punti 26, 28-30, 34 u d-dispożittiv 1)

    2.  Skont l-Artikolu 90 tad-Direttiva 2014/24 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar sa mhux iktar tard mit-18 ta’ April 2016. F’dan ir-rigward, għalkemm l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jieħdu, matul il-perijodu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, dispożizzjonijiet li jistgħu jikkompromettu serjament ir-riżultat preskritt minn din tal-aħħar, huma ma jistgħux, madankollu, jimponu fuq offerent, qabel l-iskadenza tal-imsemmi perijodu, restrizzjonijiet li ma jirriżultawx mid-dritt tal-Unjoni.

      (ara l-punti 31 sa 33)

    3.  Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħala riżultat tan-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tiegħu, ta’ obbligu li ma jirriżultax espressament fid-dokumenti relatati ma’ din il-proċedura jew mil-liġi nazzjonali fis-seħħ, iżda minn interpretazzjoni ta’ din il-liġi u ta’ dawn id-dokumenti kif ukoll mill-mili ta’ lakuni, min-naħa tal-awtoritajiet jew qrati amministrattivi nazzjonali, li jinsabu f’dawn id-dokumenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-fatt li operatur ekonomiku jingħata l-possibbiltà li jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu u li jissodisfa l-imsemmi obbligu f’perijodu ta’ żmien stabbilit mill-awtorità kontraenti.

      Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, dwar il-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] hija l-awtorità kontraenti li għandha l-obbligu li tosserva b’mod strett il-kriterji li hija stess stabbilixxiet. Din il-kunsiderazzjoni hija partikolarment importanti meta inkwistjoni jkun hemm l-esklużjoni mill-proċedura, peress li l-Artikolu 27 tad-direttiva ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jidderogaw minn dan l-obbligu.

      Min-naħa l-oħra, kundizzjoni li tissuġġetta d-dritt ta’ parteċipazzjoni għal proċedura ta’ kuntratt pubbliku li tirriżulta mill-interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali u mill-prassi ta’ awtorità hija partikolarment ta’ preġudizzju għall-offerenti stabbiliti fi Stati Membri oħra, sa fejn il-livell ta’ għarfien tagħhom tad-dritt nazzjonali u tal-interpretazzjoni tiegħu kif ukoll il-prassi tal-awtoritajiet nazzjonali ma jistax ikun paragunabbli għal dak tal-offerenti nazzjonali.

      (ara l-punti 39, 42, 44, 46, 47, 51 u d-dispożittiv 2)

    Top