Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0594

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2015.
    Simona Kornhaas vs Thomas Dithmar.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikolu 4(1) – Determinazzjoni tal-liġi applikabbli – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għall-obbligu ta’ direttur ta’ kumpannija li jirrimborsa lil din tal-aħħar il-ħlasijiet imwettqa wara s-seħħ tal-insolvenza tagħha – Applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għal kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor – Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE – Resctrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment – Assenza.
    Kawża C-594/14.

    Court reports – general

    Kawża C‑594/14

    Simona Kornhaas

    vs

    Thomas Dithmar

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikolu 4(1) — Determinazzjoni tal-liġi applikabbli — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għall-obbligu ta’ direttur ta’ kumpannija li jirrimborsa lil din tal-aħħar il-ħlasijiet imwettqa wara s-seħħ tal-insolvenza tagħha — Applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għal kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor — Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE — Resctrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment — Assenza”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2015

    1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament Nru 1346/2000 — Ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza — Azzjoni mressqa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza — Azzjoni kontra d-direttur ta’ kumpannija intiża għar-rimbors ta’ ħlasijiet imwettqa wara s-seħħ tal-insolvenza tal-imsemmija kumpannija jew wara l-konstatazzjoni tad-dejn eċċessiv tagħha — Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru sabiex tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza

      (Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 3(1))

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament Nru 1346/2000 — Liġi applikabbli — Kunċett — Leġislazzjoni tal-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri li sservi bħala bażi għal azzjoni kontra d-direttur ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor, intiża għar-rimbors ta’ ħlasijiet imwettqa minn dan id-direttur qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza — Inklużjoni

      (Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 4)

    3. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li għandha fergħa fi Stat Membru ieħor — Ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fl-Istat Membru tal-fergħa skont ir-Regolament Nru 1346/2000 — Azzjoni mressqa fl-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri kontra d-direttur tal-kumpannija intiża għar-rimbors ta’ ħlasijiet imwettqa qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza — Ammissibbiltà

      (Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 4)

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 15)

    2.  L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza] għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu azzjoni diretta kontra d-direttur ta’ kumpannija stabbilita taħt id-dritt ta’ Stat Membru, li tinsab taħt proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ieħor, mibdija quddiem qorti ta’ dan l-aħħar Stat mill-kuratur ta’ din il-kumpannija u intiża, abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali ta’ dan l-istess Stat, għar-rimbors tal-ħlasijiet imwettqa minn dan id-direttur qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, iżda wara li tkun ġiet stabbilita d-data tas-seħħ tal-insolvenza ta’ din il-kumpannija.

      Fil-fatt, dispożizzjoni nazzjonali, li skontha d-direttur ta’ kumpannija insolventi għandu jirrimborsa l-ħlasijiet li huwa wettaq għan-nom ta’ din il-kumpannija wara s-seħħ tal-insolvenza tagħha, għandha titqies li taqa’ taħt il-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza u għall-effetti tagħha, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, tali dispożizzjoni tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta’ għan li huwa intrinsikament marbut, mutatis mutandis, ma’ kull proċedura ta’ insolvenza, jiġifieri l-prevenzjoni ta’ tnaqqis possibbli tal-massa qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza bil-ħsieb tal-adempjenza ugwali tal-kredituri.

      (ara l-punti 16, 17, 20, 21 u d-dispożittiv 1)

    3.  L-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE ma jipprekludux l-applikazzjoni, fil-konfront ta’ direttur ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ieħor, ta’ dispożizzjoni nazzjonali ta’ dan it-tieni Stat Membru li skontha d-direttur ta’ kumpannija insolventi għandu jirrimborsa l-ħlasijiet li huwa wettaq għan-nom ta’ din il-kumpannija wara s-seħħ tal-insolvenza tagħha jew wara l-konstatazzjoni ta’ dejn eċċessiv tagħha.

      (ara l-punti 16, 29 u d-dispożittiv 2)

    Top