This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CJ0373
T.
T.
Kawża C‑373/13
H. T.
vs
Land Baden-Württemberg
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden Württemberg)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Direttiva 2004/83/KE — Artikolu 24(1) — Regoli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Revoka tal-permess ta’ residenza — Kundizzjonijiet — Kunċett ta’ ‘raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubblika’ — Parteċipazzjoni ta’ persuna li għandha l-istatus ta’ refuġjat f’attivitajiet ta’ organizzazzjoni li tinsab fil-lista tal-organizzazzjonijiet terroristiċi stabbilita mill-Unjoni Ewropea”
Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-24 ta’ Ġunju 2015
Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Revoka tal-permess ta’ residenza — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet
(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikoli 21(2) u (3), u 24(1))
Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Metodi — Interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika
Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Testi plurilingwi — Interpretazzjoni uniformi — Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi — Teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni
(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikoli 21(2), u 24(1))
Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Revoka tal-permess ta’ residenza — Raġunijiet obbligatorji [imperattivi] ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika — Kunċett — Sostenn ta’ persuna li għandha l-istatus ta’ refuġjat għall-attivitajiet ta’ assoċjazzjoni li tinsab fuq lista ta’ organizzazzjonijiet terroristi stabbiliti mill-Unjoni — Inklużjoni — Kondizzjonijiet previsti għall-applikazzjoni tad-deroga għall-prinċipju ta’ non-refoulement mhux sodisfatti — Assenza ta’ effett — Obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu evalwazzjoni individwali tal-elementi ta’ fatt speċifiċi dwar azzjonijiet kemm tal-imsemmija assoċjazzjoni kif ukoll tar-refuġjat
(Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2001/931/PESK; Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikoli 21(2), u 24(1))
Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Revoka tal-permess ta’ residenza — Deċiżjoni ta’ tneħħija tar-refuġjat wara din ir-revoka — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni — Ċaħda tal-aċċess għad-drittijiet u l-vantaġġi garantiti mill-Kapitolu VII tad-direttiva — Inammissibbiltà
(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Kapitolu VII u Artikolu 24(1))
Id-Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandha tiġi interpretata fis-sens li permess ta’ residenza, ladarba mogħti lil refuġjat, jista’ jiġi rrevokat, jew skont l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, meta jkunu jeżistu raġunijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà nazzjonali jew mal-ordni pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jew skont l-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva meta jkunu jeżistu raġunijiet sabiex tiġi applikata d-deroga għall-prinċipju ta’ non-refoulement prevista fl-Artikolu 21(2) ta’ din l-istess direttiva.
Din l-interpretazzjoni hija koerenti mal-istruttura tad-Direttiva 2004/83. L-l-Artikolu 24(1) ta’ din l-istess direttiva jikkompleta l-Artikolu 21(3) tagħha, peress li jawtorizza impliċitament iżda neċessarjament lill-Istat Membru kkonċernat jirrevoka permess ta’ residenza, jew itemmu, anki fil-każ fejn il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 21(2) tal-imsemmija direttiva ma jkunux issodisfatti, meta raġunijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà nazzjonali jew mal-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 24 ta’ din l-istess direttiva jkunu jiġġustifikawh
Barra minn hekk, il-possibbiltà għal Stat Membru li jirrevoka l-permess ta’ residenza mogħti preċedentement lil refuġjat tirrispondi għal rekwiżiti loġistiċi evidenti. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, għal raġuni purament każwali, Stat Membru li jkun ta permess ta’ residenza lil refuġjat ikun sussegwentement informat bl-eżistenza ta’ fatti mwettqa minnu qabel l-għoti tal-permess ta’ residenza u li, kieku dan l-Istat Membru kien jaf b’dawn il-fatti fi żmien utli, kienu jostakolaw, għal raġunijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà nazzjonali jew mal-ordni pubbliku, l-għoti ta’ dan il-permess. Issa, huwa inkompatibbli mal-għan intiż mid-Direttiva 2004/83 li ma tkun teżisti, f’tali sitwazzjoni, l-ebda possibbiltà li jiġi rrevokat tali permess ta’ residenza diġà mogħti. Din il-konklużjoni jerġa’ hija iktar valida peress li l-atti kontra r-refuġjat ikkonċernat kienu twettqu wara l-għoti tat-titolu ta’ residenza inkwistjoni.
(ara l-punti 50, 54, 55 u d-dispożittiv 1)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 58)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 59-62)
Is-sostenn lil assoċjazzjoni terrorista inkluża fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, jista’ jikkostitwixxi waħda mir-“raġunijiet obbligatorji [imperattivi] ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika” fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, anki jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 21(2) tagħha ma jkunux issodisfatti.
Fil-fatt, l-kunċett ta’ “raġunijiet obbligatorji [imperattivi]” fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83 għandu portata iktar wiesa’ mill-kunċett ta’ “bażi raġunevoli” fis-sens tal-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva u li ċerti ċirkustanzi li ma għandhomx il-grad ta’ gravità li jawtorizza Stat Membru jirrikorri għad-deroga prevista fl-Artikolu 21(2) tal-imsemmija direttiva u jieħu deċiżjoni ta’ refoulement, jistgħu madankollu jippermettu lil dan l-Istat Membru, abbażi tal-Artikolu 24(1) ta’ din l-istess direttiva, jċaħħad lir-refuġjat ikkonċernat mill-permess ta’ residenza tiegħu. Sabiex permess ta’ residenza mogħti lil refuġjat ikun jista’ jiġi rrevokat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba li dan ir-refuġjat isostni tali assoċjazzjoni terrorista, l-awtoritajiet kompetenti għandhom madankollu, taħt l-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, jagħmlu evalwazzjoni individwali tal-elementi ta’ fatt speċifiċi relatati mal-azzjonijiet kemm tal-assoċjazzjoni kif ukoll tar-refuġjat ikkonċernati.
(ara l-punti 75, 99 u d-dispożittiv 2)
Meta Stat Membru jiddeċiedi li jneħħi refuġjat li l-permess ta’ residenza tiegħu jkun ġie rrevokat abbażi tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, iżda jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, huwa inkompatibbli mal-imsemmija direttiva li jiġi mċaħħad mill-aċċess għall-vantaġġi ggarantiti mill-Kapitolu VII tagħha, sakemm ma tkunx tapplika eċċezzjoni espressament prevista minn din l-istess direttiva.
Fil-fatt, anki jekk tiġi mċaħħda minn dan il-permess ta’ residenza, il-persuna kkonċernata tibqa’ refuġjat u tibqa’ tgawdi minħabba f’hekk mid-dritt għall-vantaġġi li l-Kapitolu VII tad-Direttiva 2004/83 jiggarantixxi lir-refuġjati kollha. Fi kliem ieħor, Stat Membru ma għandu l-ebda setgħa diskrezzjonali sabiex ikompli jagħti lil dan ir-refuġjat jew jirrifjutalu l-vantaġġi sostanzjali ggarantiti mill-imsemmija direttiva. Peress li dawn id-drittijiet ikkonferiti lir-refuġjati huma l-konsegwenza tal-għoti ta’ status ta’ refuġjat u mhux tal-għoti ta’ permess ta’ residenza, ir-refuġjat, sakemm ikollu dan l-istatus, għandu jibbenefika mid-drittijiet li huma ggarantiti lilu mid-Direttiva 2004/83 u dawn jistgħu jiġu llimitati biss b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, peress li l-Istati Membri ma għandhomx id-dritt li jżidu restrizzjonijiet li ma jinsabux fiha.
(ara l-punti 95, 97, 99 u d-dispożittiv 2)