This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CJ0052
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-52/09
Konkurrensverket
vs
TeliaSonera Sverige AB
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iStockholms tingsrätt)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 102 TFUE — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Prezzijiet applikati minn operatur ta’ telekomunikazzjonijiet — Servizzi intermedjarji ta’ ADSL — Servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali — “Kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetitur””
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Mazák, ippreżentati fit-2 ta’ Settembru 2010 I - 538
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Frar 2011 I - 564
Sommarju tas-sentenza
Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet – Kunċett
(Artikolu 102 TFUE)
Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet – Kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni
(Artikolu 102 TFUE)
Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Natura abbużiva ta’ prattika ta’ prezzijiet
(Artikolu 102 TFUE)
Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kunċett – Aġir li għandu effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni
(Artikolu 102 TFUE)
Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet – Servizzi ta’ aċċess għan-netwerk tat-telefonija fissa permezz ta’ linja diġitali assimetrika tal-abbonat – Aġir li għandu effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni
(Artikolu 102 TFUE)
Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet – Prattika tariffarja ekonomikament iġġustifikata – Kundizzjonijiet
(Artikolu 102 TFUE)
Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet – Grad ta’ dominanza fis-suq ikkonċernat – Nuqqas ta’ effett
(Artikolu 102 TFUE)
Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Aġir f’suq relatat mas-suq iddominat
(Artikolu 102 TFUE)
Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet – Evalwazzjoni fir-rigward tal-klijenti eżistenti u tal-klijenti potenzjali
(Artikolu 102 TFUE)
Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Prattika ta’ prezzijiet inqas minn ċertu livell ta’ spejjeż
(Artikolu 102 TFUE)
Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet – Swieq li qed jikbru b’rata qawwija u li jinvolvu teknoloġija ġdida, li teħtieġ investimenti kbar ħafna
(Artikolu 102 TFUE)
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva, jista’ jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE il-fatt li impriża integrata vertikalment, f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi permezz ta’ linja diġitali assimetrika tal-abbonat intermedjarji, tapplika prattika tariffarja li hija tali li d-differenza bejn il-prezzijiet applikati f’dan is-suq u dawk applikati fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali ma hijiex suffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi li din l-impriża jkollha tbati sabiex ikollha aċċess għal dan is-suq tal-aħħar. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ tali prattika, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.
(ara l-punti 112, 113 u d-dispożittiv)
Impriża li timplementa politika ta’ prezzijiet intiża sabiex teskludi mis-suq impriżi li possibbilment huma effiċjenti daqsha, iżda li, minħabba l-kapaċità finanzjarja żgħira tagħhom, ma humiex kapaċi li jirreżistu għall-kompetizzjoni li ssir fil-konfront tagħhom tkun qed tabbuża mill-pożizzjoni tagħha. Issa, sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-politika tal-prezzijiet applikata minn impriża dominanti għandu, bħala prinċipju, jsir riferiment għal kriterji ta’ prezzijiet ibbażati fuq l-ispejjeż sostnuti mill-impriża dominanti stess u fuq l-istrateġija tagħha.
B’mod partikolari, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju u qabel kollox, il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża kkonċernata fis-suq tas-servizzi bl-imnut.
L-użu ta’ tali kriterji ta’ analiżi jippermetti li jiġi vverifikat jekk din l-impriża kinitx suffiċjentement effiċjenti sabiex toffri s-servizzi bl-imnut tagħha lill-klijenti finali, mingħajr telf, jekk hija ġiet preċedentement obbligata tħallas il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji. Issa, jekk l-imsemmija impriża ma setgħetx tkun f’pożizzjoni sabiex toffri s-servizzi bl-imnut tagħha mingħajr telf, dan ifisser li l-kompetituri li setgħu jiġu esklużi bl-applikazzjoni tal-prattika tariffarja inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li kienu inqas effiċjenti mill-impriża f’pożizzjoni dominanti u li, għaldaqstant, l-esklużjoni tagħhom tkun dovuta għal kompetizzjoni distorta. Fil-fatt, tali kompetizzjoni ma tkunx ibbażata biss fuq il-meriti rispettivi tal-impriżi kkonċernati. Tali approċċ huwa iktar u iktar iġġustifikat billi huwa wkoll konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż u tal-prezzijiet tal-impriża dominanti tippermettilha tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha stess, skont ir-responsabbiltà partikolari li hija għandha taħt l-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, għalkemm impriża dominanti għandha għarfien dwar l-ispejjeż u t-tariffi tagħha nnifisha, bħala prinċipju hija ma tafx x’inhuma dawk tal-kompetituri tagħha.
Madankollu, meta ma huwiex possibbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li jsir riferiment għal dawk il-prezzijiet u spejjeż, ma jistax jiġi eskluż li l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-kompetituri kkonċernata fis-suq tas-servizzi jistgħu jkunu rilevanti fl-eżami tal-prattika tariffarja tal-impriża dominanti.
Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta l-istruttura tal-ispejjeż tal-impriża dominanti ma hijiex identifikabbli b’mod preċiż minħabba raġunijiet oġġettivi jew meta s-servizz ipprovdut lill-kompetituri jikkonsisti fl-użu sempliċi ta’ infrastruttura fejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni diġà ġew assorbiti, fis-sens li l-aċċess għal tali infrastruttura ma jibqax jirrapreżenta spiża għall-impriża dominanti, li hija ekonomikament simili għall-ispiża li l-kompetituri tagħha jkollhom isostnu sabiex ikollhom aċċess għaliha, jew ukoll meta l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni speċifiċi tas-suq jeħtieġu dan minħabba, pereżempju, sitwazzjoni fejn il-livell tal-ispejjeż tal-impriża dominanti jiddependi speċifikatament fuq is-sitwazzjoni ta’ vantaġġ kompetittiv li tgawdi din l-impriża minħabba l-pożizzjoni dominanti tagħha.
(ara l-punti 40-46 u d-dispożittiv)
L-Artikolu 102 TFUE ikopri biss aġir antikompetittiv li ġie adottat mill-impriżi fuq inizjattiva tagħhom stess. Jekk aġir antikompetittiv ikun impost fuq l-impriżi permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew jekk din tal-aħħar toħloq kuntest legali li jelimina huwa stess kull possibbiltà ta’ mġiba kompetittiva min-naħa tagħhom, l-Artikolu 102 TFUE ma huwiex applikabbli. F’sitwazzjoni bħal din, fil-fatt, ir-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni ma tkunx ikkawżata, kif jimplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, mill-aġir awtonomu tal-impriżi. Min-naħa l-oħra l-Artikolu 102 KE jista’ japplika jekk jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprekludix impriżi milli jadottaw aġir awtonomu li jkun ta’ prevenzjoni, ta’ restrizzjoni jew ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni.
Fir-rigward ta’impriża integrata vertikalment, f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi permezz ta’ linja diġitali assimetrika tal-abbonat intermedjarji, in-nuqqas, għal din l-impriża, ta’ kull obbligu leġiżlattiv sabiex tipprovdi s-servizzi lill-operaturi kompetituri tagħha ma għandu l-ebda rilevanza f’dak illi jirrigwarda n-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja li twettaq kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet għall-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqsha.
Fil-fatt, jekk impriża li għandha pożizzjoni dominanti u integrata vertikalment tiddisponi minn marġni ta’ manuvra sabiex temenda anki biss il-prezzijiet bl-imnut, hija tista’, minħabba din ir-raġuni biss, tkun responsabbli għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet. L-Artikolu 102 TFUE japplika fil-konfront ta’ impriża iktar u iktar meta jirriżulta li din l-impriża tiddisponi minn awtonomija sħiħa fl-għażla tal-aġir tagħha fis-suq. Ir-responsabbiltà partikolari ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern tirrigwarda preċiżament l-aġir, attiv jew ta’ ommissjoni, li din l-impriża tiddeċiedi li timplementa fuq inizjattiva tagħha stess.
(ara l-punti 49-53, 59 u d-dispożittiv)
Prattika tarriffarja adottata minn impriża dominanti, tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, peress li, billi tipproduċi effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqsha permezz tal-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tagħhom, tista’ tagħmilha iktar diffiċli, jew saħansitra impossibli, li jkun hemm aċċess għas-suq minn dawn il-kompetituri. Minn dan jirriżulta li, sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ tali prattika, l-effett antikompetittiv tagħha f’dan is-suq għandu jeżisti, iżda ma għandux neċessarjament ikun konkret, peress li huwa suffiċjenti li jkun hemm dimostrazzjoni ta’ effett antikompetittiv potenzjali ta’ natura li jeskludi lill-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti.
Fil-fatt, meta impriża dominanti timplementa effettivament prattika tariffarja li, billi twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha li huma mill-inqas effiċjenti daqsha, hija intiża sabiex teskludi lil dawn il-kompetituri mis-suq ikkonċernat, iċ-ċirkustanza li r-riżultat mixtieq, jiġifieri l-esklużjoni ta’ dawn il-kompetituri ma jinkisibx definittivament ma jistax jeskludi l-kwalifika bħala abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Madankollu, fin-nuqqas tal-iċken effett fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tal-kompetituri, prattika tal-prezzijiet bħal dik inkwistjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala prattika ta’ esklużjoni meta d-dħul ta’ dawn il-kompetituri fis-suq ikkonċernat ma jsirx iktar diffiċli minħabba din il-prattika.
(ara l-punti 63-66)
Sabiex jiġi eżaminat jekk il-prattika tariffarja ta’ impriża dominanti twassalx għal kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha li huma inqas effiċjenti minnha hijiex suxxettibbli li tostakola l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ dawn il-kompetituri fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali, għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha tal-kawża.
B’mod partikolari, l-ewwel nett, għandhom jiġu analizzati r-relazzjonijiet funzjonali bejn il-prodotti bl-ingrossa u l-prodotti bl-imnut. Għaldaqstant, huwa fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet li n-natura indispensabbli tal-prodott bl-ingrossa jista’ jkun rilevanti. Fil-fatt, meta l-aċċess għall-provvista tal-prodott bl-ingrossa huwa indispensabbli għall-bejgħ tal-prodott bl-imnut, il-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs l-impriża li tiddomina s-suq bl-ingrossa, billi jistgħu biss joperaw fis-suq bl-imnut b’telf jew, f’kull każ, taħt kundizzjonijiet ta’ dħul imnaqqas, huma suġġetti għal żvantaġġ kompetittiv fis-suq ta’ natura li jostakola jew jirrestrinġi l-aċċess tagħhom għalih jew l-iżvilupp tal-attivitajiet tagħhom f’dan tal-aħħar. F’tali każ, l-effett antikompetittiv, mill-inqas potenzjali, ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet huwa probabbli. Madankollu, fid-dawl tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża kkonċernata fis-suq tal-prodotti bl-ingrossa, għandu jiġi ppreċiżat li ma jistax jiġi eskluż li, minħabba l-fatt biss li l-prodott bl-ingrossa ma huwiex indispensabbli għall-provvista tal-prodotti bl-imnut, prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet ma tkunx tista’ tipproduċi l-ebda effett antikompetittiv, anki potenzjali. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura wkoll li, anki fin-nuqqas tan-natura indispensabbli tal-prodott bl-ingrossa, il-prattika xorta tista’ toħloq effetti antikompetittivi fis-swieq ikkonċernati.
It-tieni nett, hemm lok li jiġi vverifikat il-livell tal-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs l-impriża dominanti. Fil-fatt, jekk il-marġni huwa negattiv, jiġifieri, fil-kawża preżenti, li l-prezz bl-ingrossa għas-servizzi ADSL intermedjarji huwa ogħla mill-prezz bl-imnut għas-servizzi lill-klijenti finali, l-effett ta’ esklużjoni mill-inqas potenzjali huwa probabbli, fid-dawl tal-fatt li, f’tali sitwazzjoni, il-kompetituri tal-impriża dominanti, anki jekk huma mill-inqas effiċjenti daqsha, jew anki iktar effiċjenti, ikollhom ibiegħu b’telf. Jekk, min-naħa l-oħra, tali marġni jibqa’ pożittiv, ikollu jintwera li l-applikazzjoni ta’ din il-prattika tariffarja setgħet, minħabba, pereżempju, tnaqqis fil-profitti, tirrendi mill-inqas iktar diffiċli għall-operaturi kkonċernati l-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fis-suq ikkonċernat.
(ara l-punti 67-74 u d-dispożittiv)
Sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqsha, huwa neċessarju li jintwera li, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura indispensabbli tal-prodott bl-ingrossa, din il-prattika tipproduċi effett antikompetittiv mill-inqas potenzjali fis-suq bl-imnut, mingħajr ma dan ikun b’xi mod iġġustifikat ekonomikament.
Fil-fatt, jibqa’ possibbli għal impriża li turi li l-prattika tariffarja tagħha, minkejja li pproduċiet effett ta’ esklużjoni, tibqa’ ekonomikament iġġustifikata. L-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjoni ekonomika ta’ prattika tarrifarja implementata minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti li tista’ tipproduċi effett ta’ esklużjoni ssir abbażi tal-fatti kollha tal-każ. F’dan ir-rigward, għandu jiġi stabbilit jekk l-effett ta’ esklużjoni li jirriżulta minn tali prattika, żvantaġġuża għall-kompetizzjoni, tistax tiġi kkumpensata, jew anki maqbuża, permezz tal-vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza li minnhom japprofitta wkoll il-konsumatur. Jekk l-effett ta’ esklużjoni ta’ din il-prattika huwa bla relazzjoni mal-vantaġġi għas-suq u għall-konsumaturi jew jekk imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn il-vantaġġi, din il-prattika għandha tiġi kkunsidrata bħala abbużiva.
(ara l-punti 75-77 u d-dispożittiv)
L-applikazzjoni ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet minn naħa ta’ impriża tista’ tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti meta din l-impriża għandha tali pożizzjoni, mingħajr ma jkun rilevanti f’dan ir-rigward, bħala prinċipju, il-grad ta’ dominanza fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, l-Artikolu 102 TFUE ma jipprovdi l-ebda varjazzjoni fil-forma jew fil-grad tal-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti. Meta impriża għandha saħħa ekonomika bħal dik meħtieġa mill-Artikolu 102 TFUE sabiex jiġi stabbilit li għandha pożizzjoni dominanti f’suq partikolari, l-aġir tagħha għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni. Il-grad tas-setgħa fis-suq għandu, bħala prinċipju, konsegwenzi fuq il-portata tal-effetti tal-aġir tal-impriża inkwistjoni pjuttost milli fuq l-eżistenza tal-abbuż bħala tali.
(ara l-punti 80-82 u d-dispożittiv)
In-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja implementata minn impriża integrata vertikalment f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi ta’ linja diġitali assimetrika intermedjarji u li twassal għal kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri ta’ din l-impriża fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali ma tiddependix fuq l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ din l-impriża f’dan is-suq tal-aħħar.
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 102 TFUE ma fih l-ebda spjegazzjoni espliċita għal dak li jikkonċerna r-rekwiżiti li jirrigwardaw il-lokalizzazzjoni tal-abbuż fis-suq tal-prodotti. B’hekk, il-portata attwali tar-responsabbiltà speċjali imposta fuq impriża dominanti għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, li juru sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mdgħajfa.
Minn dan jirriżulta li ċertu aġir fis-swieq minbarra s-swieq ddominati u li jkollu xi effetti fuq dawn tal-aħħar jew inkella fis-swieq stess li ma humiex iddominati jista’ jiġi kkwalifikat bħala abbużiv. Fil-fatt, jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE tippresupponi l-eżistenza ta’ rabta bejn il-pożizzjoni dominanti u l-aġir allegatament abbużiv, li ma huwiex normalment preżenti meta aġir f’suq distint mis-suq iddominat jipproduċi effetti f’dan l-istess suq, xorta jibqa’ il-fatt li, fir-rigward ta’ swieq distinti, iżda konnessi, xi ċirkustanzi partikolari jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għal aġir ikkonstatat fis-suq konness, mhux iddominat, u li jipproduċi effetti fuq dan l-istess suq.
Tali ċirkustanzi jistgħu jeżistu meta l-aġir ta’ impriża integrata vertikalment f’pożizzjoni dominanti f’suq preċedenti (upstream) jikkonsisti fl-isforzi tagħha sabiex teskludi l-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqsha fis-suq suċċessiv (downstream), b’mod partikolari permezz ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tagħhom. Tali aġir jista’, minħabba b’mod partikolari r-rabtiet stretti bejn is-swieq ikkonċernati, jkollu bħala effett li jdgħajjef il-kompetizzjoni fis-suq suċċessiv. Barra minn hekk, f’tali sitwazzjoni, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni ekonomika oġġettiva, tali aġir ma jistax jiġi spjegat b’mod ieħor ħlief bl-intenzjoni tal-impriża dominanti li tostakola l-kompetizzjoni tas-suq suċċessiv u li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha, jew ukoll li tikseb pożizzjoni dominanti fih permezz ta’ mezzi differenti mill-meriti tagħha stess.
(ara l-punti 84-89 u d-dispożittiv)
In-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja implementata minn impriża integrata vertikalment f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi ta’ linja diġitali assimetrika intermedjarji u li twassal għal kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri ta’ din l-impriża fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali ma tiddependix fuq l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ din l-impriża f’dan is-suq tal-aħħar.
F’dan ir-rigward, il-fatt li l-operaturi kkonċernati huma l-klijenti eżistenti jew ġodda tal-impriża dominanti ma huwiex rilevanti. Barra minn hekk, il-fatt li l-klijenti il-ġodda inkwistjoni għadhom ma humiex attivi fis-suq ikkonċernat lanqas ma huwa rilevanti. Fil-fatt, in-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-possibbiltà li din il-prattika abbużiva twassal għall-esklużjoni mis-suq rilevanti tal-operaturi li huma effiċjenti daqs l-impriża dominanti, li kienu diġà attivi fih, iżda wkoll fid-dawl tal-ostakoli eventwali li hija tista’ toħloq fil-konfront tal-operaturi potenzjali li huma effiċjenti daqsha u li għadhom ma humiex preżenti fis-suq.
(ara l-punti 91-94 u d-dispożittiv)
Sabiex jiġi stabbilit jekk prattika tariffarja ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li twettaq kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqsha hijiex abbużiva, il-kwistjoni dwar jekk l-impriża dominanti għandhiex il-possibbiltà li tirkupra t-telf eventwalment subiti minħabba l-applikazzjoni ta’ tali prattika ma hijiex rilevanti.
Fil-fatt, hija l-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva, li tista’, fiha nnifisha, tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Issa, il-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tirriżulta mid-differenza bejn il-prezzijiet għas-servizzi bl-ingrossa u dawk għas-servizzi bl-imnut u mhux mil-livell ta’ dawn il-prezzijiet bħala tali. B’mod partikolari, din il-pressjoni tista’ tirriżulta mhux biss minn prezz li jkun baxx b’mod anormali fis-suq bl-imnut iżda wkoll minn prezz li jkun għoli b’mod anormali fis-suq bl-ingrossa. Konsegwentement, impriża li tuża prattika tariffarja li twassal għal kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha, ma tiġix neċessarjament suġġetta għal telf.
F’kull każ, anki jekk jitqies li, sabiex twettaq kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha, impriża dominanti tbati telf, hija ma tistax tiġi obbligata tressaq provi tal-possibbiltà li tirkupra tali telf eventwali sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż. Fil-fatt, il-possibbiltà li l-kompetituri jiġu esklużi mis-suq ma tiddependix la fuq il-fatt li l-impriża dominanti tbati telf, u lanqas fuq il-possibbiltà li din l-impriża tkun kapaċi tirkupra dan it-telf, iżda tiddependi biss fuq id-differenza bejn il-prezzijiet applikati fis-swieq ikkonċernati mill-impriża dominanti, li jistgħu eventwalment jikkawżaw telf mhux biss lill-impriża dominanti nnifisha, iżda wkoll lill-kompetituri tagħha.
Fl-aħħar nett, fil-każ fejn l-impriża f’pożizzjoni dominanti tapplika madankollu prezz fis-suq bl-imnut daqshekk baxx li l-bejgħ jikkawżalha telf, lil hinn mill-fatt li tali aġir jista’ jikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ prezzijiet predatorji, il-Qorti tal-Ġustizzja f’kull każ diġà eskludiet li, anki f’tali każ, il-prova tal-possibbiltà ta’ rkupru tat-telf sostnut minħabba l-applikazzjoni, minn impriża f’pożizzjoni dominanti, ta’ prezzijiet inferjuri għal ċertu livell ta’ spejjeż tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ tali politika ta’ prezzijiet.
(ara l-punti 97-103 u d-dispożittiv)
Sabiex jiġi stabbilit jekk prattika tariffarja ta’ impriża li għandha pożizzjoni dominanti li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha li huma mill-inqas effiċjenti daqsha tikkostitwixxix abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, il-fatt li s-swieq ikkonċernati mill-abbuż tal-pożizzjoni dominanti tal-imsemmija impriża qed jikbru b’rata qawwija u jinvolvu teknoloġija ġdida li teħtieġ investimenti kbar, ma huwiex, bħala prinċipju, rilevanti.
L-ewwel nett, l-Artikolu 102 TFUE ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn il-grad ta’ żvilupp tas-swieq ikkonċernati bl-abbuż mill-pożizzjoni dominanti ta’ impriża.
It-tieni nett, f’suq li qed jikber b’rata qawwija, il-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta miż-żamma ta’ pożizzjoni dominanti f’suq sekondarju relatat jista’ jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni normali fl-ewwel suq, fid-dawl tal-fatt li, f’dan l-ewwel suq, l-operaturi jistgħu jaslu sabiex joperaw, għal ċertu żmien, b’telf jew ukoll billi jaċċettaw rati ta’ profitti mnaqqsa. Issa, huwa preċiżament f’tali ċirkustanzi li t-tnaqqis sussegwenti fil-profitti tal-attività ta’ operatur li jirriżulta mill-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet imposta mill-prattika tariffarja inkwistjoni jista’ jostakola l-istabbiliment jew l-iżvilupp tal-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat.
It-tielet nett, fid-dawl tal-għan tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni tagħhom ma tistax tiddependi fuq il-fatt li s-suq inkwistjoni kien diġà laħaq ċertu livell ta’ maturità. Fil-fatt, b’mod partikolari f’suq li qed jikber b’rata qawwija, l-Artikolu 102 TFUE jeħtieġ azzjoni l-iktar kmieni possibbli, sabiex tiġi evitata l-formazzjoni u l-konsolidazzjoni f’dan is-suq ta’ struttura kompetittiva distorta permezz tal-istrateġija abbużiva ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti fl-imsemmi suq jew f’suq relatat marbut magħha b’mod strett, jiġifieri tintervjeni qabel ma jseħħu l-effetti antikompetittivi ta’ din l-istrateġija.
Għaldaqstant, dan japplika iktar u iktar fil-każ fejn suq, bħal dak tal-provvista ta’ servizzi għall-aċċess għal internet broadband, li huwa marbut b’mod strett ma’ suq ieħor, bħal dak tal-aċċess għal-linja lokali fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet. Fil-fatt, dan is-suq tal-aħħar mhux biss ma huwiex ġdid jew emerġenti, iżda talli l-istruttura kompetittiva tiegħu hija iktar dipendenti fuq l-istruttrura monopolistika l-antika. B’hekk, il-possibbiltà għall-impriżi li jisfruttaw il-pożizzjoni dominanti tagħhom f’dan is-suq tal-aħħar b’mod li jippreġudikaw l-iżvilupp tal-kompetizzjoni f’suq relatat li qed jikber b’rata qawwija teħtieġ li ma tingħata l-ebda deroga mill-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.
Jekk impriża f’pożizzjoni dominanti f’suq ma tistax tinvoka l-investimenti li hija wettqet sabiex tippenetra f’suq relatat billi tipprova teskludi lill-kompetituri, attwali jew potenzjali, li huma effiċjenti daqsha, xorta jibqa’ l-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni tas-suq iddominat u, b’mod partikolari, l-ispejjeż ta’ stabbiliment u ta’ investiment tal-impriża li fih għandha pożizzjoni dominanti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-analiżi tal-ispejjeż ta’ din l-impriża, li, għandha titwettaq sabiex jiġi stabbilit jekk teżistix kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet.
(ara l-punti 105-111 u d-dispożittiv)