This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CJ0256
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
1. Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Benefiċjarji — Membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stati terzi — Kundizzjoni — Ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, il-punt 2 tal-Artikolu 2 u Artikolu 3(1); Direttiva tal-Kunsill 2003/86, Artikolu 3(3))
2. Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni — Ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu — Kundizzjoni ta’ inklużjoni — Applikazzjoni ta’ miżuri li għandhom bħala effett li jċaħħduh mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus taċ-ċittadin tal-Unjoni
(Arikoli 20 TFUE u 21 TFUE)
3. Drittijiet fundamentali — Rispett għall-ħajja privata u tal-familja — Rifjut ta’ dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stati terzi
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7)
4. Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Rifjut ta’ dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stati terzi
(Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE)
5. Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Regola ta’ standstill tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali — Portata
(Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 41(1))
1. Id-Direttivi 2003/86, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, u 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, ma humiex applikabbli għal ċittadini ta’ Stati terzi li jitolbu dritt ta’ residenza sabiex jingħaqdu ma’ ċittadini tal-Unjoni membri tal-familja tagħhom li qatt ma eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u li dejjem irrisjedew fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità.
Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/86, din ma tapplikax għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, mhux iċ-ċittadini ta’ Stat terz kollha jiksbu, abbażi tad-Direttiva 2004/38, drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ Stat Membru, iżda biss dawk li huma membri tal-familja, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li għandu n-nażżjonalità tiegħu.
(ara l-punti 47, 56, 58)
2. Is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkunx eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu ma tistax, minħabba dan il-fatt biss, tiġi ekwiparata ma’ sitwazzjoni purament interna. Fil-fatt, peress li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni.
Dan il-kriterju, dwar iċ-ċaħda tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jirreferi għal sitwazzjonijiet ikkaratterizzati mill-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun fil-fatt obbligat jitlaq mhux biss mit-territorju tal-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu, iżda wkoll mit-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu.
Fir-rigward tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ċittadini ta’ Stati terzi, l-imsemmi kriterju għandu natura partikolari ħafna peress li jkopri sitwazzjonijiet li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju dwar id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma huwiex applikabbli, dritt ta’ residenza ma jistax, eċċezzjonalment, jiġi miċħud lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, peress li jkun hemm ksur tal-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li jgawdi dan iċ-ċittadin tal-aħħar. Is-sempliċi fatt li jista’ jidher desiderabbli għal ċittadin ta’ Stat Membru, għal raġunijiet ekonomiċi jew sabiex iżomm il-familja tiegħu flimkien fit-territorju tal-Unjoni, li membri tal-familja tiegħu, li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, ikunu jistgħu jgħixu miegħu fit-territorju tal-Unjoni, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk tali dritt ma jingħatax.
(ara l-punti 61, 62, 64, 66-68)
3. Jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kawża li tkun tressqet quddiemha, is-sitwazzjoni tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ċittadini ta’ Stat terz taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha teżamina jekk ir-rifjut tad-dritt għal residenza ta’ dawn tal-aħħar tippreġudikax id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja previst fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, jekk hija tikkunsidra li tali sitwazzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha twettaq tali eżami fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Fil-fatt, l-Istati Membri kollha huma partijiet ta’ din il-konvenjoni li, fl-Artikolu 8 tagħha, tistabbilixxi d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja.
(ara l-punti 72, 73)
4. Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta li ċittadin ta’ Stat terz jirrisjedi fit-territorju tiegħu, minkejja li dan iċ-ċittadin jixtieq jirrisjedi ma’ membru tal-familja tiegħu li huwa ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi f’dan l-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu, sa fejn tali rifjut ma jinkludix, għaċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, iċ-ċaħda tat-tgawdija effettiva tiegħu tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.
(ara l-punt 74 u d-dispożittiv 1)
5. l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni ġdida, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida iktar stretta minn dik preċedenti, fejn din tal-aħħar tikkostitwixxi hija stess laxkar ta’ leġiżlazzjoni preċedenti li tikkonċerna kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini Torok fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-protokoll fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.
Fil-fatt, il-portata tal-obbligu ta’ “standstill” hija estiża għal kwalunkwe ostakolu ġdid għal-libertà ta’ stabbiliment, għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew għall-moviment liberu tal-ħaddiema, li jikkonsisti fl-aggravament tal-kundizzjonijiet eżistenti f’data partikolari, b’mod li għandu jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jitbegħdux mill-għan imfittex mill-klawżoli standstill billi jħassru d-dispożizzjonijet li huma kienu adottaw favur l-imsemmija libertajiet ta’ ċittadini Torok, wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali jew tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija fit-territorju tagħhom.
(ara l-punti 94, 101 u d-dispożittiv 2)