Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0347

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi monopolju tal-operat tal-logħob tal-azzard ikkummerċjalizzat fuq l-internet — Sanzjonijiet kriminali għal min imur kontra dan il-monopolju — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

    (Artikolu 49 KE)

    2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni — Servizzi tal-logħob tal-ażżard ikkummerċjalizzati permezz tal-internet — Użu ta’ intermedjarji stabbiliti fl-istess Stat Membru bħad-destinatarji tas-servizzi ta’ fornitur barrani — Assenza ta’ effett

    (Artikolu 49 KE)

    3. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi monopolju tal-operat tal-logħob tal-azzard ikkummerċjalizzat fuq l-internet — Ġustifikazzjoni

    (Artikoli 49 KE u 55 KE)

    4. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi monopolju tal-operat tal-logħob tal-azzard ikkummerċjalizzat fuq l-internet — Possibbiltà għad-detentur tal-imsemmi monopolju li jadotta politika ta’ espansjoni — Ġustifikazzjoni

    (Artikolu 49 KE)

    5. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Operatur awtorizzat mill-Istat Membru ta’ stabbiliment biex jipprovdi logħob tal-ażżard — Impossibbiltà għal dan l-operatur li jipprovdi tali servizzi permezz tal-internet fi Stat Membru ieħor minħabba l-monopolju fil-qasam

    (Artikolu 49 KE)

    Summary

    1. Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 49 KE, jipprekludi li jiġi ssanzjonat kriminalment il-ksur ta’ monopolju għall-operat tal-logħob tal-ażżard, bħall-monopolju għall-operat tal-logħob tal-ażżard ikkummerċjalizzat fuq l-internet skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jekk din il-leġiżlazzjoni ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt.

    Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni jimponi limiti fuq il-kompetenza tal-Istati Membri f’materji kriminali, peress li leġiżlazzjoni f’dan il-qasam ma tistax, b’mod partikolari, tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, meta monopolju ma jkunx kompatibbli mal-Artikolu 49 KE, il-ksur tiegħu minn operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jkun suġġett għal sanzjonijiet kriminali.

    (ara l-punti 31, 32, 43 u d-dispożittiv 1)

    2. L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għas-servizzi tal-logħob tal-ażżard ikkummerċjalizzati fuq l-internet fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti minn operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor minkejja l-fatt li dan l-operatur:

    a) ikun stabilixxa fl-Istat Membru ospitanti ċerta infrastruttura ta’ appoġġ informatiku bħal server, u

    b) ikun inqeda b’servizzi ta’ appoġġ informatiku minn fornitur stabbilit fl-Istat Membru ospitanti sabiex jipprovdi s-servizzi tiegħu lil konsumaturi li wkoll huma stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

    Fil-fatt, l-Artikolu 49 KE japplika għal operatur tal-logħob tal-ażżard stabbilit fi Stat Membru li jipprovdi s-servizzi tiegħu fi Stat Membru ieħor, anki jekk għal dan il-għan jagħmel użu minn intermedjarji stabbiliti fl-istess Stat Membru bħad-destinatarji tal-imsemmija servizzi. A fortiori , l-istess artikolu japplika fejn l-operatur tal-logħob tal-ażżard ma jużax is-servizzi ta’ intermedjarji, iżda ta’ sempliċi fornitur ta’ servizzi ta’ appoġġ informatiku fl-Istat Membru ospitanti.

    (ara l-punti 37, 38 u d-dispożittiv 2)

    3. L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jfittex li jiżgura livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi partikolarment għoli fis-settur tal-logħob tal-ażżard jista’ jkun ikkunsidrat li huwa biss l-għoti ta’ monopolju lil organu wieħed li huwa suġġett għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jista’ jippermettilu li jikkontrolla l-kriminalità marbuta mal-qasam tal-logħob tal-ażżard u li jfittex li jikseb l-għan ta’ prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob b’mod suffiċjentement effikaċi.

    (ara l-punti 48, 100 u d-dispożittiv 3)

    4. L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex tkun konsistenti mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità kif ukoll sabiex jitnaqqsu l-opportunitajiet għal-logħob, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi monopolju fir-rigward tal-logħob tal-ażżard li tippermetti lid-detentur tal-monopolju jimplementa politika ta’ espansjoni għandha:

    – tkun ibbażata fuq il-konstatazzjoni li tgħid li l-attivitajiet kriminali u frawdolenti relatati mal-logħob u mal-vizzju tal-logħob jikkostitwixxu problema fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat li fih, espansjoni tal-attivitajiet awtorizzati u rregolati tkun ta’ natura li għandha tiġi rrimedjata, u

    – tippermetti biss l-implementazzjoni ta’ reklamar bil-qies u strettament limitat għal dak li huwa meħtieġ sabiex il-konsumaturi jiġu diretti lejn networks tal-logħob ikkontrollati.

    Sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ direzzjoni lejn networks tal-logħob ikkontrollati, l-operaturi awtorizzati għandhom jipprovdu alternattiva affidabbli, iżda fl-istess waqt attraenti, għall-attivitajiet mhux irregolati, ħaġa li fiha nnifisha tista’ timplika l-offerta ta’ firxa estiża ta’ logħob, reklamar ta’ ċertu portata u l-użu ta’ mezzi ta’ distribuzzjoni ġodda.

    Ir-reklamar eventwalment implementat mid-detentur ta’ monopolju pubbliku għandu jkun meqjus u strettament limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex b’hekk il-konsumaturi jiġu diretti lejn l-ambjenti tal-logħob ikkontrollati. Min-naħa l-oħra, tali reklamar ma jistax, b’mod partikolari, ikun intiż sabiex jinkoraġġixxi t-tendenza naturali għal-logħob tal-konsumaturi billi jistimula l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fih, b’mod partikolari billi jibbanalizza l-logħob jew billi jagħtih dehra pożittiva marbuta mal-fatt li d-dħul miġbur ser jintuża għal attivitajiet ta’ interess ġenerali jew inkella billi jżid is-saħħa ta’ attrazzjoni tal-logħob permezz ta’ reklamar attraenti li jwiegħed rebħ kbir.

    (ara l-punti 64, 68, 100 u d-dispożittiv 3)

    5. L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati f’dan ir-rigward, li għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li huma maħsuba jiżguraw.

    Minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni tas-settur tal-logħob tal-ażżard u tad-diverġenzi sinjifikattivi bejn l-għanijiet segwiti kif ukoll il-livelli ta’ protezzjoni mfittxija mil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri differenti, is-sempliċi fatt li operatur jipproponi legalment servizzi fi Stat Membru, fejn ikun stabbilit u fejn fil-prinċipju jkun diġà suġġett għal kundizzjonijiet legali u għal kontrolli min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat tal-aħħar, ma jistax jitqies bħala garanzija suffiċjenti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi nazzjonali kontra r-riskji ta’ frodi u ta’ kriminalità fl-Istat Membru ospitanti.

    (ara l-punti 96, 97, 100 u d-dispożittiv 3)

    Top