This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CJ0250
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Politika soċjali — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Professuri universitarji
(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 6(1))
Id‑Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall‑ugwaljanza fit‑trattament fl‑impjieg u fix‑xogħol, b’mod partikolari, l‑Artikolu 6(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis‑sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall‑irtirar obbligatorju ta’ professuri universitarji li jkunu għalqu t‑68 sena u li dawn tal‑aħħar ikomplu bl‑attività tagħhom lil hinn minn 65 sena biss permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ sena li ma jistgħux jiġġeddu iktar minn darbtejn, sakemm din il‑leġiżlazzjoni jkollha għan leġittimu marbut, b’mod partikolari, mal‑politika tal‑impjieg u tas‑suq tax‑xogħol, bħalma huwa t‑twaqqif ta’ tagħlim ta’ kwalità u l‑aħjar tqassim tal‑postijiet ta’ professuri bejn il‑ġenerazzjonijiet, u tippermetti li dan l‑għan jintlaħaq b’mezzi xierqa u neċessarji. Hija l‑qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il‑kundizzjonijiet humiex sodisfatti.
Fir‑rigward ta’ kawża bejn korp pubbliku u individwu, fil‑każ fejn il‑leġiżlazzjoni nazzjonali ma tissodisfax ir‑rekwiżiti stabbiliti fl‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2000/78, il‑qorti nazzjonali ma għandhiex tapplika din il‑leġiżlazzjoni.
(ara l-punti 68, 73 u d-dispożittiv)