This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0424
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-424/07
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/19/KE — Direttiva 2002/21/KE — Direttiva 2002/22/KE — Netwerks u servizzi — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Swieq ġodda”
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro, ippreżentati fit-23 ta’ April 2009 I ‐ 11434
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Diċembru 2009 I ‐ 11449
Sommarju tas-sentenza
Approssimazzjoni tal-liġijiet – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Qafas regolamentari – Direttivi 2002/19, 2002/21 u 2002/22
(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/19, Artikolu 8(4), 2002/21, Artikoli 6 sa 8(1) u (2), 15(3) u 16, u 2002/22, Artikolu 17(2))
Naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2002/19/KE, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, l-Artikoli 6 sa 8(1) u (2), 15(3) u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju [qafas regolamentari] komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, kif ukoll l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2002/22/KE, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, Stat Membru li jadotta dispożizzjonijiet ġuridiċi li jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità nazzjonali regolatorja (ANR) u li ma josservawx il-proċeduri ta’ konsultazzjoni u ta’ konsolidazzjoni previsti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2002/21.
Fil-fatt, fit-twettiq tal-funzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni tagħhom, l-ANR jiddisponu minn setgħa wiesgħa sabiex ikunu jistgħu jevalwaw il-bżonn ta’ leġiżlazzjoni għal suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi każ b’każ. B’mod konformi mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/21, u b’mod partikolari mal-paragrafu 3 tiegħu, l-ANR, b’ kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, għandhom jiddefinixxu s-swieq rilevanti f’dan is-settur. B’mod konformi mal-Artikolu 16 ta’ din l-istess direttiva, l-ANR jipproċedu insegwitu għall-evalwazzjoni tas-swieq kif definiti u jevalwaw jekk dawn is-swieq humiex effettivament kompetittivi. Jekk dan ma huwiex il-każ, l-ANR ikkonċernata timponi obbligi leġiżlattivi ex ante lill-impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva fuq dan is-suq. Dawn l-artikoli jirrigwardaw is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi b’mod ġenerali u ma jeskludux is-swieq il-ġodda, u lanqas ebda suq ieħor, mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.
Issa, dispożizzjoni nazzjonali li espressament tiddisponi li s-swieq il-ġodda ma għandhomx ikunu lleġiżlati sakemm ċerti elementi, bħan-nuqqas ta’ kompetizzjoni sostenibbli fis-suq, ma jindikawx il-bżonn li jinfluwixxu fuq is-setgħat wiesgħa mogħtija lill-ANR, jimpedixxuha milli tadotta l-miżuri adatti għal kull każ partikolari, u ma huwiex għaldaqstant konformi mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21. Il-limitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-ANR li tirriżulta minn tali dispożizzjoni neċessarjament taffettwa wkoll is-setgħa tagħha ta’ definizzjoni tas-suq. L-ANR ma għandhiex iktar għalfejn tipproċedi għad-definizzjoni tas-swieq rilevanti, b’mod konformi mal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, sa fejn is-swieq identifikati fl-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, dwar swieq ta’ prodotti u servizzi rilevanti fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jistgħu jkunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ex ante konformi mad-Direttiva 2002/21, diġà jirriżultaw mid-definizzjoni ta’ suq ġdid stabbilit mil-liġi nazzjonali.
Bl-istess mod, jirriżulta mill-Artikoli 8(4) tad-Direttiva 2002/19 u 17(2) tad-Direttiva 2002/22, li l-obbligi imposti skont dawn l-artikoli jkunu bbażati fuq in-natura tal-problema kkonstatata, proporzjonati u ġġustifikati fir-rigward tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21 u li hija wkoll l-ANR li għandha tippromwovi l-għanijiet regolamentari msemmija fl-Artikolu 8 u, għalhekk, tibbilanċja dawn l-għanijiet matul id-definizzjoni u l-analiżi ta’ suq rilevanti suxxettibbli għal leġiżlazzjoni. Issa, dispożizzjoni nazzjonali li tagħti prijorità lil wieħed biss minn dawn l-għanijiet, bħal l-għan li jippromwovi investiment effiċjenti fl-infrastrutturi u li jingħata appoġġ għall-innovazzjoni, meta ssir l-analiżi mill-ANR tal-bżonn ta’ leġiżlazzjoni għal suq ġdid, tikser l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2002/19, l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2002/21 kif ukoll l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2002/22 u tillimita b’mod mhux konformi ma’ dawn id-direttivi s-setgħa diskrezzjonali tal-ANR.
Tikser ukoll l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21, dispożizzjoni nazzjonali li timponi kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li huma previsti mill-imsemmija direttiva għall-analiżi tas-swieq rilevanti suxxettibbli għal leġiżlazzjoni, bħal dik li tipprovdi bħala kriterju sabiex suq ġdid ikun, eċċezzjonalment, jista’ jiġi suġġett għal-leġiżlazzjoni ex ante bir-riskju ta’ ostakolu fuq perijodu fit-tul għall-iżvilupp ta’ suq sostenibbli kompetittiv fuq dawn is-swieq.
Fl-aħħar nett, dispożizzjoni nazzjonali li timponi prinċipju tan-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni għas-swieq il-ġodda, tillimita s-setgħa tal-ANR li tissuġġetta s-swieq l-ġodda għad-definizzjoni u l-analiżi tas-suq. Dan bilfors jimplika n-nuqqas ta’ osservanza f’ċerti ċirkustanzi tal-proċeduri previsti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2002/21, li jirreferu għall-Artikoli 15(3) u 16(6) tal-istess direttiva għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni u l-analiżi tas-suq.
(ara l-punti 55, 56, 61, 64, 66, 78, 82, 83, 86, 90, 91, 93, 94, 98, 99, 105, 106, 108 u d-dispożittiv)