This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0335
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-335/07
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika tal-Finlandja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ambjent — Direttiva 91/271/KEE — Trattament tal-ilma urban mormi — Nuqqas li tordna trattament iktar rigoruż tan-nitroġenu fl-impjanti kollha ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ iktar minn 10000”
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2009 I ‐ 9461
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2009 I ‐ 9486
Sommarju tas-sentenza
Ambjent – Trattament tal-ilma urban mormi – Direttiva 91/271
(Artikolu 174(2) KE; Direttiva tal-Kunsill 91/271, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u Artikolu 5(2))
Ambjent – Trattament tal-ilma urban mormi – Direttiva 91/271
(Direttiva tal-Kunsill 91/271, Artikolu 5(2) u (3), Anness I.B(3), u t-tieni subparagrafu tal-punt (a) tal-Anness II.A)
Ambjent – Trattament tal-ilma urban mormi – Direttiva 91/271
(Direttiva tal-Kunsill 91/271, Artikolu 5(5))
Mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, kif emendata bid-Direttiva 98/15, jirriżulta li l-ilma urban mormi kollu li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ iktar minn 10000 u li jiżbokka f’żona sensittiva għandu jkun suġġett, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998, għal trattament iktar rigoruż minn dak imsemmi fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk l-ilma mormi jiżbokkax direttament jew indirettament f’żona sensittiva. Dan huwa konformi mal-livell għoli ta’ protezzjoni mixtieq mill-politika tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent skont l-Artikolu 174(2) KE.
(ara l-punti 28, 29)
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) u tat-tielet paragrafu tal-Anness I.B tad-Direttiva 91/271, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, kif emendata bid-Direttiva 98/15, it-trattament stabbilit fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva huwa iktar rigoruż minn dak deskritt fl-Artikolu 4 tal-istess direttiva u jkopri l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir u li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ iktar minn 10000. L-imsemmi trattament jimplika, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ skariki fiż-żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni, l-osservanza tar-rekwiżiti li jinsabu fit-Tabella 2 tal-istess anness, bla ħsara, madankollu, għad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-punt (a) tal-Anness II.A tal-imsemmija direttiva, li jipprovdu li, fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet kbar, l-eliminazzjoni tal-fosfru u/jew tan-nitroġenu għandha tiġi prevista, sakemm ma jiġix stabbilit li din l-eliminazzjoni mhijiex ser taffettwa l-livell ta’ ewtrofikazzjoni.
(ara l-punti 32, 33)
Skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/271, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, kif emendata bid-Direttiva 98/15, l-obbligu ta’ tnaqqis tal-ammont ta’ nitroġenu jiddependi minn kemm l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li jinsabu fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa f’żoni sensittivi jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, irrispettivament minn jekk humiex diretti jew indiretti, l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li jinsabu fl-istess żona fejn jinġabar l-ilma li jispiċċa f’żona sensittiva huma suġġetti, skont l-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva, għar-rekwiżiti applikabbli għaż-żoni sensittivi biss sa fejn dawn l-iskariki jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ din iż-żona. Għalhekk, għandu jkun hemm rabta kawżali bejn l-imsemmija skariki u t-tniġġis taż-żoni sensittivi.
(ara l-punti 40-44, 88)