Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0182

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-182/08

    Glaxo Wellcome GmbH & Co. KG

    vs

    Finanzamt München II

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

    “Libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-kapital — Taxxa fuq il-kumpanniji — Xiri ta’ ishma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju — Kundizzjonijiet għat-teħid inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli tax-xerrej, tal-iżvalutazzjoni tal-ishma minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fid-9 ta’ Lulju 2009   I ‐ 8596

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Settembru 2009   I ‐ 8632

    Sommarju tas-sentenza

    1. Moviment liberu tal-kapital – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni

      (Trattat KE, Artikoli 52 u 73 B (li saru l-Artikoli 43 KE u 56 KE))

    2. Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji

      (Trattat KE, Artikolu 7 B (li sar l-Artikolu 56 KE))

    1.  Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-iżvalutazzjoni ta’ ishma ta’ kumpannija minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi ma taffettwax il-bażi ta’ stima tat-taxxa ta’ persuna taxxabbli residenti, meta din tal-aħħar xtrat ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju residenti, mingħand detentur tal-ishma mhux residenti, filwaqt li, fil-każ ta’ xiri ta’ ishma mingħand detentur ta’ ishma residenti, tali żvalutazzjoni tnaqqas il-bażi taxxabbli tax-xerrej, għandha tiġi eżaminata esklużivament fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, peress li l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni huwa li jipprevjeni li d-detenturi ta’ ishma mhux residenti milli jibbenefikaw minn vantaġġ fiskali indebitu, iġġenerat direttament miċ-ċessjoni ta’ ishma li jista’ b’mod partikolari jsir biss sabiex jittieħed benefiċċju mill-imsemmi vantaġġ, u mhux għall-iskop tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment jew bħala riżultat tal-eżerċizzju ta’ din il-libertà, għandu jiġi kkunsidrat li l-aspett tal-moviment liberu tal-kapital ta’ din il-leġiżlazzjoni jipprevali fuq dak marbut mal-libertà ta’ stabbiliment. Għalhekk, jekk wieħed jassumi li l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha effetti restrittivi fuq il-libertà ta’ stabbiliment, tali effetti għandhom il-konsegwenza inevitabbli ta’ ostakolu eventwali għal-moviment liberu tal-kapital u, għaldaqstant, ma jiġġustifikawx eżami awtonomu tal-istess leġiżlazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 52 tat-Trattat KE.

      (ara l-punti 50-52)

    2.  L-Artikolu 73 B tat-Trattat (li sar l-Artikolu 56 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li tipprovdi li l-iżvalutazzjoni tal-ishma tal-kumpannija minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi ma taffettwax il-bażi ta’ stima tat-taxxa ta’ persuna taxxabli residenti, meta din tal-aħħar xtrat ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju residenti, mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti, filwaqt li, f’każ ta’ xiri mingħand detentur ta’ ishma residenti, tali żvalutazzjoni tnaqqas il-bażi taxxabbli tax-xerrej. Din il-konstatazzjoni tapplika fil-każijiet fejn tali leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi protett tqassim ibbilanċjat tas-setgħa fiskali bejn l-Istati Membri kif ukoll sabiex jiġu impediti arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u li l-uniku għan tagħhom huwa l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali indebitu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk din il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hijiex limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

      Fil-fatt, il-fatt li tagħti, lil persuna taxxabbli residenti, il-possibbiltà li mill-profitti taxxabbli tagħha tnaqqas it-telf relatat mat-tnaqqis parzjali, imsemmi iktar ’il fuq, biss f’każ ta’ xiri ta’ ishma mingħand detentur ta’ ishma residenti ċertament trendi l-ishma miżmuma minn dawk mhux residenti inqas attraenti u, għalhekk, tista’ tiskoraġġixxi l-imsemmija persuna taxxabbli milli tixtrihom. Tali trattament differenti jista’ wkoll jiskoraġġixxi l-investituri mhux residenti milli jixtru ishma fil-kumpannija residenti u b’hekk dan jikkostitwixxi għall-imsemmija kumpannija ostaklu għall-ġbir ta’ kapital li ġej minn Stati Membri oħra, b’mod li tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 73 B tat-Trattat.

      L-imsemmi trattament differenti ma jirriflettix differenza oġġettiva fis-sitwazzjonijiet tal-imsemmija detenturi ta’ ishma peress li, f’dak li jikkonċerna t-telf li jirriżulta minn tnaqqis parzjali fil-valur tal-ishma miżmuma f’kumpannija residenti, dawn id-detenturi ta’ ishma jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli kemm jekk l-ishma nxtraw mingħand persuna residenti kemm jekk inxtraw mingħand persuni mhux residenti. Fil-fatt, id-distribuzzjoni tal-profitti tnaqqas il-valur ta’ sehem, kemm jekk jinxtara minn qabel mingħand residenti jew mingħand mhux residenti, u, f’dawn iż-żewġ każijiet, dan it-tnaqqis fil-valur ibatih id-detentur tal-ishma residenti.

      Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi protetta l-koerenza tas-sistema fiskali ta’ imputazzjoni sħiħa. F’dan ir-rigward, l-iżvantaġġi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni huma direttament sostnuti mid-detentur tal-ishma residenti li jkun xtara l-imsemmija ishma mingħand persuni mhux residenti. Għal dan id-detentur ta’ ishma residenti, l-impossibbiltà li mill-profitti taxxabbli tiegħu jnaqqas it-telf relatat mat-tnaqqis parzjali fil-valur tal-ishma miżmuma fil-kumpannija residenti, meta t-tnaqqis fil-valur tal-ishma jirriżulta mid-distribuzzjoni tal-profitti, mhija kkumpensata minn ebda vantaġġ fiskali.

      Mandankollu, tali leġiżlazzjoni tista’ tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li jinżamm tqassim ibbilanċjat tas-setgħa fiskali bejn l-Istati Membri, peress li l-operazzjonijiet apparti mid-distribuzzjoni ta’ dividendi, li jippermettu lid-detentur ta’ ishma mhux residenti li jikseb l-istess riżultat mil-lat ekonomiku bħal meta jingħata kreditu tat-taxxa fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li fiha għandu l-ishma, jistgħu madankollu jikkompromettu l-possibbiltà tal-Istat ta’ residenza ta’ dik il-kumpannija li jeżerċita d-dritt tiegħu li jintaxxa dħul iġġenerat minn attività ekonomika eżerċitata fit-territorju tiegħu. Meta llimitat id-dritt tad-detentur il-ġdid tal-ishma li jnaqqas mill-profitti taxxabbli tiegħu l-ammont tat-telf ikkawżat mill-iżvalutazzjoni tal-ishma kkonċernati, sakemm dawn ma jaqbżux ammont ibblukkat li jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tax-xiri mħallas mid-detentur residenti u l-valur nominali tal-ishma, din il-leġiżlazzjoni hija tali li tipprevjeni prattiki li għandhom biss l-għan d-detentur ta’ ishma mhux residenti jikseb kreditu tat-taxxa fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija residenti. Barra minn hekk, iż-żieda tal-bażi taxxabbli tad-detentur il-ġdid ta’ ishma residenti, li tirriżulta mill-imsemmija limitazzjoni, hija intiża sabiex jiġi evitat li dħul li ġeneralment huwa ntaxxat fl-Istat Membru jiġi ttrasferit, bħala parti mill-profitt kapitali li jkun sar mid-detentur preċedenti ta’ ishma mhux residenti ugwali għall-kreditu tat-taxxa mhux dovut, mingħajr ma jeħel taxxa f’dan l-Istat Membru. Tali leġiżlazzjoni hija, għalhekk, adatta li tikseb l-għanijiet ta’ żamma ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa fiskali bejn l-Istati Membri u l-prevenzjoni tal-arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika, u li l-uniku għan tagħhom huwa l-kisba ta’ vantaġġ fiskali.

      Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni bħal din tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li, sa fejn il-kalkolu tal-ammont ibblukkat huwa bbażat fuq l-ispejjeż ta’ xiri tal-ishma kkonċernati, il-konsegwenzi tal-imsemmija leġiżlazzjoni ma jmorrux lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jiġi żgurat li ammont ekwivalenti għall-kreditu tat-taxxa ma jkunx ingħata indebitament lid-detentur ta’ ishma mhux residenti. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-ishma nbiegħu b’valur ogħla mill-valur nominali tagħhom għal raġunijiet oħra għajr biex id-detentur ta’ ishma jikseb kreditu fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji residenti imħallsa mill-kumpannija residenti, jew, fi kwalunkwe każ, li l-profitti mhux imqassma kif ukoll il-possibbiltà li jinkiseb kreditu tat-taxxa marbut mal-imsemmija ishma jikkostitwixxu biss element tal-prezz tax-xiri ta’ dawn l-ishma. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont ibblukkat u ż-żieda tal-bażi taxxabbli tad-detentur tal-ishma residenti jipproduċu konsegwenzi wkoll fir-rigward ta’ taxxi oħra li l-imsemmi detentur ta’ ishma jista’ jkun suġġett għalihom, u b’mod partikolari, fir-rigward tal-kalkolu tat-taxxa fuq in-negozju dovuta minnu, konsegwenzi li jmorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni.

      Hija wkoll il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-applikazzjoni tal-limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvalutazzjoni ta’ ishma minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi mis-sena tax-xiri tal-imsemmija ishma u matul id-disa’ snin sussigwenti, kif previst mill-leġiżlazzjoni, ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tiġi żgurata l-kisba tal-għanijiet imfittxa minnha. Fl-aħħar nett, sabiex tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, miżura li ssegwi għan ta’ prevenzjoni ta’ arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u li l-uniku għan tagħhom huwa l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali indebitu, għandha tippermetti lill-qorti nazzjonali li tipproċedi għal eżami każ b’każ, waqt li jiġu kkunsidrati l-partikolaritajiet ta’ kull każ, abbażi ta’ elementi oġġettivi, sabiex jiġi evalwat l-aġir abbużiv jew frawdolenti tal-persuni kkonċernati.

      Sa fejn il-leġiżlazzjoni ma tippermettix li tiġi llimitata l-applikazzjoni tagħha għal arranġamenti purament artifiċjali, iddeterminati fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, iżda tapplika għall-każijiet kollha li fihom il-persuna taxxabbli residenti tkun xtrat ishma f’kumpannija residenti mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti għal prezz li, għal kwalunkwe raġuni, jeċċedi l-valur nominali ta’ dawn l-ishma, l-effetti ta’ tali leġiżlazzjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ prevenzjoni ta’ arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u li l-uniku għan tagħhom huwa l-kisba ta’ benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali indebitu.

      (ara l-punti 56-59, 73, 74, 78, 80, 81, 84, 88, 91-94, 96-102 u d-dispożittiv)

    Top