EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0566

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-566/07

Staatssecretaris van Financiën

vs

Stadeco BV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 21(1)(ċ) — Taxxa dovuta esklużivament minħabba li tinsab mniżżla fil-fattura — Aġġustament tat-taxxa fatturata indebitament — Arrikkiment indebitu”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2009   I ‐ 5298

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2009   I ‐ 5308

Sommarju tas-sentenza

  1. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Taxxa dovuta esklużivament peress li tinsab mniżżla fil-fattura

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 21(1)(ċ))

  2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Taxxa dovuta esklużivament peress li tinsab mniżżla fil-fattura

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388)

  1.  L-Artikolu 21(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 91/680/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-VAT hija dovuta, skont din id-dispożizzjoni, lill-Istat Membru li għalih tikkorrispondi t-taxxa fuq il-valur miżjud indikata fuq il-fattura jew fuq dokument ieħor li jservi bħala fattura, anki jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni ma kinitx taxxabbli f’dan l-Istat Membru. Għall-kuntrarju tal-każ tad-dejn fiskali li jinħoloq eventwalment minħabba tranżazzjoni suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-post tal-provvista tas-servizzi li tat lok għal fattura ma huwiex rilevanti għal dak li jikkonċerna l-ħolqien tad-dejn fiskali previst fl-Artikolu 21(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva, li huwa esklużivament dovut minħabba li t-taxxa hija indikata fuq din il-fattura.

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, lil liema Stat Membru hija dovuta t-taxxa fuq il-valur miżjud indikata fuq il-fattura inkwistjoni. F’dan ir-rigward, jistgħu jkunu rilevanti, b’mod partikolari, it-taxxa indikata, il-munita li qed tintuża għall-ammont li għandu jitħallas, il-lingwa tal-kitba, il-kontenut u l-kuntest tal-fattura inkwistjoni, il-postijiet ta’ stabbiliment ta’ dak li ħareġ il-fattura u tal-benefiċjarju tas-servizzi pprovduti kif ukoll l-imġieba tagħhom.

    (ara l-punti 27, 33 u d-dispożittiv 1)

  2.  Il-prinċipju tan-newtralità fiskali ma jipprekludix, fil-prinċipju, Stat Membru milli jissuġġetta l-aġġustament tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta f’dan l-Istat Membru biss minħabba li din hija indikata bi żball fuq il-fattura mibgħuta għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli tkun bagħtet lill-benefiċjarju tas-servizzi mwettqa fattura ratifikata li ma ssemmiex l-imsemmija taxxa, jekk din il-persuna taxxabbli ma teliminax kompletament, fi żmien utli, ir-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali.

    Barra minn hekk, sa fejn l-awtoritajiet fiskali nazzjonali jissuġġettaw l-aġġustament tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-ħlas mill-ġdid minn dak li ħareġ il-fattura inkwistjoni lill-benefiċjarju tas-servizzi mwettqa tal-ammont ta’ taxxa indebitament imħallsa, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li sistema legali nazzjonali tirrifjuta r-rifużjoni ta’ taxxi indebitament miġbura fil-każijiet li jwasslu għall-arrikkiment indebitu tal-persuna intitolata.

    L-eżistenza u l-portata tal-arrikkiment indebitu maħluq għal persuna taxxabbli permezz tar-rifużjoni ta’ taxxa indebitament miġbura fir-rigward tad-dritt Komunitarju jistgħu jiġu stabbiliti biss wara analiżi ekonomika li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq tali analiżi. Jista’ jkun rilevanti, f’dan il-kuntest, jekk il-kuntratti konklużi bejn dak li ħareġ il-fattura u l-benefiċjarju tas-servizzi mwettqa jipprevedux ammonti fissi ta’ remunerazzjoni għas-servizzi mwettqa jew ammonti ta’ bażi miżjuda, jekk dan ikun il-każ, mit-taxxi applikabbli. Fl-ewwel każ imsemmi, jista’ ma jkunx hemm arrikkiment indebitu min-naħa ta’ dak li ħareġ il-fattura.

    (ara l-punti 48-51 u d-dispożittiv 2)

Top