This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62006CJ0244
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-244/06
Dynamic Medien Vertriebs GmbH
vs
Avides Media AG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Koblenz)
“Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 28 KE — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Direttiva 2000/31/KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti, mill-awtorità kompetenti, għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri u li ma jinkludux indikazzjoni, li toriġina minn din l-awtorità, ta’ l-età minn meta wieħed jista’ jara dawn il-vidjogrammi — Vidjogrammi importati minn Stat Membru ieħor, li ġew suġġetti għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat u li fuqhom għandhom indikazzjoni dwar limitu ta’ età — Ġustifikazzjoni — Protezzjoni tat-tfal — Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2007 I - 507
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) ta’ l-14 ta’ Frar 2008 I - 533
Sommarju tas-sentenza
Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti
(Artikolu 28 KE)
Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ u t-trasferiment b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti, minn awtorità nazzjonali kompetenti jew organizzazzjoni nazzjonali ta’ awtoregolamentazzjoni volontarja, għal kontroll kif ukoll għal klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri u li ma jinkludux indikazzjoni, li toriġina minn din l-awtorità jew minn din l-organizzazzjoni, ta’ l-età minn meta wieħed jista’ jarahom ma tikkostitwixxix modalità ta’ bejgħ li tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ bejn l-Istati Membri iżda miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi skond l-Artikolu 28 KE, fil-prinċipju inkompatibbli ma’ l-obbligi li jirriżultaw minn dan ta’ l-aħħar.
Madankollu, leġiżlazzjoni tali hija kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni safejn din ma tmurx oltrè dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ protezzjoni tat-tfal segwit mill-Istat Membru kkonċernat, kif inhu l-każ meta din ma tipprekludix kull forma ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ vidjogrammi mhux ikkontrollati u meta huwa leċitu li jiġu importati u mibjugħa lill-adulti, vidjogrammi tali, filwaqt li jiġi żgurat li t-tfal ma jkollhomx aċċess għalihom. Jista’ jkun mod ieħor biss jekk jirriżulta li l-proċedura ta’ kontroll, ta’ klassifikazzjoni u ta’ tikkettar ta’ vidjogrammi stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni mhix faċilment aċċessibbli jew ma tistax tiġi kompluta fi żmien raġonevoli jew inkella li d-deċiżjoni tar-rifjut ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju.
(ara l-punti 29, 32, 35, 42, 47, 48 u d-dispożittiv)