This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0334
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-334/07 P
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Freistaat Sachsen
“Appell — Għajnuna mill-Istat — Proġett ta’ skema ta’ għajnuna favur impriżi żgħar u medji — Kompatibbiltà mas-suq komuni — Kriterji għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat — Applikazzjoni ratione temporis — Proġett innotifikat qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 70/2001 — Deċiżjoni sussegwenti għal dan id-dħul fis-seħħ — Aspettattivi leġittimi — Ċertezza legali — Notifika kompleta”
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2008 I ‐ 9467
Sommarju tas-sentenza
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Proġetti ta’ għajnuna – Eżami mill-Kummissjoni – Evalwazzjoni fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni
(Artikolu 88(3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/199, Artikolu 4(1) u (5))
L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika ta’ proġett ta’ għajnuna “malli tirċevieha”, jimponi sempliċement obbligu ta’ diliġenza partikolari fuq din l-istituzzjoni, u għalhekk ma jikkostitwixxix regola ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-kriterji għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-proġetti ta’ għajnuna nnotifikati mas-suq komuni. Regola bħal din lanqas ma tista’ tiġi dedotta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(5) tal-istess regolament, li tipprovdi li t-terminu ta’ xahrejn li matulu l-Kummissjoni twettaq l-eżami preliminari tan-notifika għandu jibda jiddekorri l-għada tar-riċevuta ta’ notifika kompleta.
Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk għajnuna hijiex għajnuna mill-Istat fis-sens tat-Trattat għandha tiġi deċiża abbażi ta’ elementi oġġettivi li jiġu evalwati fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha. Għalhekk, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jsir fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni f’din id-data.
Konsegwentement, għalkemm in-notifika tal-proġetti ta’ għajnuna hija rekwiżit essenzjali għall-kontroll tagħhom, din madankollu tikkostitiwixxi biss obbligu proċedurali, intiż li jippermetti lill-Kummissjoni tiżgura kemm kontroll preventiv kif ukoll effettiv tal-għajnuna li l-Istati Membri jipproponu li jagħtu lill-impriżi. Għalhekk, din ma jistax ikollha bħala effett li tistabbilixxi s-sistema legali applikabbli għall-għajnuna li hija s-suġġett tagħha. Għalhekk, in-notifika minn Stat Membru ta’ għajnuna jew ta’ proġett ta’ skema ta’ għajnuna ma toħloqx sitwazzjoni legali definittivament stabbilita li timplika li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni billi tapplika r-regoli fis-seħħ fid-data li fiha ssir in-notifika. Bil-kontra, hija l-Kummissjoni li għandha tapplika r-regoli fis-seħħ fil-mument meta hija tagħti d-deċiżjoni tagħha, l-uniċi regoli li abbażi tagħhom għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni li hija tadotta f’dan ir-rigward.
Meta s-sistema legali li taħtha Stat Membru wettaq in-notifika ta’ proġett ta’ għajnuna tinbidel qabel ma l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha, din tal-aħħar għandha, sabiex tiddeċiedi, kif għandha l-obbligu li tagħmel, abbażi tar-regoli ġodda, titlob lill-persuni interessati jieħdu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna ma’ dawn ir-regoli. Din is-sitwazzjoni tkun differenti biss meta s-sistema legali ġdida ma jkollhiex emendi sostanzjali meta mqabbla ma’ dik li kienet fis-seħħ qabel.
(ara l-punti 49, 50, 52, 53, 56)