Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0500

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-500/06

    Corporación Dermoestética SA

    vs

    To Me Group Advertising Media

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di pace di Genova)

    “Artikoli 3(1)(g) KE, 4 KE, 10 KE, 43 KE, 49 KE, 81 KE, 86 KE u 98 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar li jikkonċerna l-kura medikokirurġika fil-qasam tal-kura estetika”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fil-31 ta’ Jannar 2008   I - 5788

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Lulju 2008   I - 5813

    Sommarju tas-sentenza

    1. Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli

      (Artikolu 234 KE)

    2. Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi

      (Artikoli 43 KE, 48 KE, 49 KE u 55 KE; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikoli 3(1) u 14(1))

    1.  Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni tiddeċiedi fuq l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali għad-determinazzjoni ta’ kawża, iżda hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u nazzjonali, il-kuntest leġiżlattiv li fih tidħol id-domanda preliminari, kif definit permezz tad-deċiżjoni tar-rinviju.

      Barra minn dan, il-preżunzjoni ta’ rilevanza li hija marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss, b’mod partikolari, meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li għalihom jirreferu dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Dan huwa l-każ tad-domandi li għalihom il-qorti tar-rinviju ma tindikax ir-rabta bejn l-elementi tad-dritt nazzjonali u d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom u ma tispjegax b’liema mod l-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ kodiċi ta’ etika tat-tobba b’relazzjoni mal-prassi interpretattiva fir-rigward tar-reklamar li jikkonċerna l-kura medikokirurġika fil-qasam tal-kura estetika huwa utli għad-determinazzjoni tal-kawża prinċipali.

      (ara l-punti 20, 23, 26)

    2.  L-Artikoli 43 KE u 49 KE, moqrija flimkien mal-Artikoli 48 KE u 55 KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, fuq l-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali, ir-reklamar dwar il-kura medika u kirurġika fil-qasam tal-kura estetika mogħtija fi stabbilimenti mediċi privati, filwaqt li tawtorizza tali reklamar, taħt ċerti kundizzjonijiet, fuq l-istazzjonijiet televiżivi ta’ xandir lokali.

      Fil-fatt, tali regoli dwar ir-reklamar jinvolvu projbizzjoni li tmur lil hinn minn dik prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 89/552 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni. Minkejja li l-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprovdu regoli iktar dettaljati jew iktar stretti fl-oqsma koperti minn din tal-aħħar, tali kompetenza għandha tiġi eżerċitata filwaqt li jiġu rrispettati l-libertajiet fundamentali ggarantiti permezz tat-Trattat KE.

      Issa tali regoli dwar ir-reklamar jistgħu jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 43 KE u 49 KE. Għaldaqstant, għall-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra barra mill-Istat Membru inkwistjoni, tali projbizzjoni tippreżenta ostakolu serju għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom permezz ta’ kumpannija sussidjarja stabbilita f’dan l-aħħar Stat Membru u, għaldaqstant, hija ta’ natura li tirrendi iktar diffiċli l-aċċess ta’ dawn l-operaturi ekonomiċi għas-suq tal-imsemmi Stat Membru. Barra minn dan, ir-regoli dwar ir-reklamar jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi sa fejn jimpedixxu lil kumpanniji ta’ Stat Membri oħrajn milli jibbenefikaw mill-provvista ta’ servizzi ta’ xandir tar-reklamar televiżiv.

      Għalkemm, bħala regola, leġiżlazzjoni dwar ir-reklamar televiżiv għall-kura medika u kirurġika mogħtija mill-istabbilimenti mediċi privati tista’ tkun iġġustifikata fid-dawl tal-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika, madankollu, regoli li jipprojbixxu tali reklamar fuq l-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali, filwaqt li jawtorizzawh, taħt ċerti kundizzjonijiet, fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, jippreżentaw inkoerenza u għalhekk mhumiex ta’ natura li jissodisfaw b’mod utli l-għan fuq imsemmi li huma jfittxu li jilħqu.

      (ara l-punti 31-33, 37-39 u d-dispożittiv)

    Top