This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62006CJ0037
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawżi magħquda C-37/06 u C-58/06
Viamex Agrar Handels GmbH
u
Zuchtvieh-Kontor GmbH (ZVK)
vs
Hauptzollamt Hamburg-Jonas
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg)
“Regolament (KE) Nru 615/98 — Direttiva 91/628/KEE — Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni — Protezzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat matul it-trasport — Ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat suġġett ghal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628/KEE — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Telf tad-dritt għal rifużjoni”
Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2007 I - 72
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Jannar 2008 I - 88
Sommarju tas-sentenza
Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti
(Regolament tal-Kunsill Nru 805/68, kif emendat bir-Regolament Nru 2634/97, Artikolu 13(9); Regolament tal-Kummissjoni Nru 615/98; Direttiva tal-Kunsill 91/628, kif emendata bid-Direttiva 95/29)
Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 615/98, Artikolu 5(3); Direttiva tal-Kunsill 91/628, kif emendata bid-Direttiva 95/29)
Is-sempliċi fatt li l-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat ħajjin huwa suġġett permezz tar-Regolament Nru 615/98, li jistabbilixxi regoli dettaljati speċifiċi ta’ applikazzjoni tas-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-benesseri ta’ l-annimali ta’ l-ifrat ħajjin matul it-trasport, għall-osservanza ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet iddefiniti minn leġiżlazzjoni Komunitarja li ssegwi l-għanijiet tagħha, ma jistax fih innifsu jiġi kkunsidrat bħala kawża ta’ invalidità ta’ dan ir-regolament, peress illi l-għanijiet hekk segwiti mhux biss huma perfettament leġittimi, iżda wkoll jikkostitwixxu obbligi kostanti u permanenti, skond id-dritt Komunitarju, fuq l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kollha fil-formulazzjoni u fl-implementazzjoni tal-politika agrikola komuni. Jekk huwa ċert li direttiva ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi għall-individwi, ma jistax jiġi eskluż, bħala prinċipju, li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jistgħu jiġu applikati permezz ta’ l-intermedjarju ta’ referenza speċifika ta’ regolament għad-dispożizzjonijiet tiegħu, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u, b’mod partikolari, tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.
Minbarra dan, ir-referenza ġenerali, magħmula mill-imsemmi Regolament Nru 615/98 għad-Direttiva 91/628 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport, għandha bħala għan li tiggarantixxi, għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 805/68 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-laħam taċ-ċanga, kif emendat bir-Regolament Nru 2634/97, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva fil-qasam tal-benesseri ta’ l-annimali ħajjin u, b’mod partikolari, tal-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport. Din ir-referenza, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tar-rifużjonijiet, ma tistax, għaldaqstant, tiġi interpretata bħala li tkopri d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 91/628 u, b’mod partikolari, dawk li m’għandhom ebda relazzjoni ma’ l-għan prinċipali segwit minn din id-direttiva.
(ara l-punti 26-29)
L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, li jistabbilixxi regoli dettaljati speċifiċi ta’ applikazzjoni tas-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-benesseri ta’ l-annimali ta’ l-ifrat ħajjin matul it-trasport, għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva 91/628 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport, kif emendata bid-Direttiva 95/29, li jista’ jwassal għal tnaqqis jew telf tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni, jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li għandhom effett fuq il-benesseri ta’ l-annimali, jiġifieri fuq l-istat fiżiku u/jew is-saħħa tagħhom u mhux dawk l-imsemmija dispożizzjonijiet li m’għandhomx, in prinċipju, tali effett. B’hekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu applikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 615/98 b’mod li huwa konformi ma’ dan il-prinċipju.
(ara l-punti 42-43, 46)