EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0101

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Moviment liberu tal-kapital — Dispożizzjonijiet tat-Trattat

(Artikoli 56(1) KE, 57(1) KE u 58 KE)

2. Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet

(Artikolu 56(1) KE)

3. Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi

(Artikolu 57(1) KE)

4. Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq id-dħul

(Artikoli 56 KE u 58 KE)

Summary

1. Fir-rigward tal-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, l-Artikolu 56(1) KE, flimkien ma’ l-Artikoli 57 KE u 58 KE, jista’ jiġi invokat quddiem il-qorti nazzjonali u jista’ jwassal sabiex ir-regoli nazzjonali kuntrarji għalihom ma jiġux applikati, irrispettivament mill-kategorija ta’ moviment tal-kapital in kwistjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 56(1) KE għandu effett dirett, mingħajr m’għandha ssir distinzjoni bejn il-kategoriji ta’ moviment tal-kapital li jaqgħu taħt l-Artikolu 57(1) KE u dawk li ma jaqgħux taħtu, peress li l-eċċezzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni ma tistax teskludi li l-Artikolu 56(1) KE jagħti drittijiet lill-individwi li huma jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati.

(ara l-punti 26-27)

2. Il-kunċett ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital huwa interpretat bl-istess mod fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi bħal f’dawk bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, anki jekk il-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital mal-pajjiżi terzi jista’, ċertament, ikollha għanijiet oħra apparti li jiġi stabbilit is-suq intern, bħal, b’mod partikolari, li tiġi assigurata l-kredibbiltà tal-munita unika Komunitarja fuq is-swieq finanzjarji dinjija, u li fl-Istati Membri jinżammu ċentri finanzjarji ta’ dimensjoni dinjija, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, peress li, permezz ta’ l-Artikolu 56(1) KE l-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital ġie estiż għall-moviment tal-kapital bejn il-pajjiżi terzi u l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għażlu li jistabbilixxu dan il-prinċipju fl-istess artikolu u fl-istess termini għall-moviment tal-kapital li jseħħ ġewwa l-Komunità u dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet kollha introdotti fit-Trattat taħt il-kapitolu li jirrigwarda l-kapital u l-pagamenti, jirriżulta li sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-għan u l-kuntest legali tal-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital huma differenti skond jekk il-kwistjoni tkunx dwar relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jew il-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri, dawn qiesu li kien neċessarju li jiġu previsti klawsoli ta’ salvagwardja u derogi li japplikaw speċifikatament għall-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi.

(ara l-punti 31-32, 38)

3. Il-kunċett ta’ restrizzjoni eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993, previst fl-Artikolu 57(1) KE, jippresupponi li l-kuntest ġuridiku li fih taqa’ ir-restrizzjoni in kwistjoni kien jifforma parti mis-sistema legali ta’ l-Istat Membru kkonċernat minn dik id-data għal żmien mhux interrott. F’dan ir-rigward, miżura nazzjonali adottata wara din id-data mhijiex, minħabba dan il-fatt biss, awtomatikament eskluża mis-sistema derogatorja prevista fl-imsemmi paragrafu, peress li din il-possibbiltà għandha tinftiehem bħala li tinkludi dispożizzjonijiet li, essenzjalment, huma identiċi għal leġiżlazzjoni preċedenti jew li jillimitaw lilhom infushom li jnaqqsu jew ineħħu ostaklu għall-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet Komunitarji li jkun jinsab fil-leġiżlazzjoni preċedenti. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet li huma bbażati fuq loġika differenti minn dik tad-dritt preċedenti u li jistabbilixxu proċeduri ġodda huma esklużi minn din is-sistema derogatorja. B’hekk, mhumiex inklużi d-dispożizzjonijiet li, filwaqt li kienu essenzjalment identiċi għal leġiżlazzjoni eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993, introduċew mill-ġdid ostaklu għall-moviment liberu tal-kapital li, wara li ġiet imħassra l-leġiżlazzjoni preċedenti, ma kienx għadu jeżisti.

(ara l-punti 48-49)

4. L-Artikoli 56 u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprojbixxux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul mid-dividendi, imqassma taħt forma ta’ azzjonijiet f’kumpannija sussidjarja, tista’ tingħata biss jekk il-kumpannija distributriċi tkun stabbilita fi Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew fi Stat li miegħu tkun ġiet konkluża konvenzjoni li tipprovdi għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ l-Istat Membru li jimponi t-taxxa, meta din l-eżenzjoni tkun suġġetta għal kundizzjonijiet li l-ħarsien tagħhom ma jistax jiġi vverifikat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru ħlief billi jiksbu l-informazzjoni mingħand l-Istat fejn tkun stabbilita l-kumpannija distributriċi.

Għalkemm, leġiżlazzjoni bħal din tinvolvi restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, peress li għandha l-effett li tiddiswadi lill-persuni taxxabbli residenti fl-Istat Membru milli jinvestu l-kapital tagħhom f’kumpanniji stabbiliti barra miż-ŻEE, hija tista’ tiġi ġġustifikata mill-bżonn li tiġi ggarantita l-effettività tal-kontrolli fiskali, taħt il-kundizzjoni li tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens li hija għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ l-għan tagħha u m’għandhiex tmur lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq. Ċertament, Stat Membru ma jistax jinvoka l-impossibbiltà li jitlob il-kollaborazzjoni ta’ Stat Membru ieħor sabiex jagħmel riċerki jew jiġbor informazzjoni sabiex jiġġustifika r-rifjut ta’ vantaġġ fiskali. Madankollu, dan il-prinċipju, li jirrigwarda r-restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-movimenti liberi fi ħdan il-Komunità, ma jistax jiġi kompletament traspost għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, peress li dawn il-movimenti liberi jaqgħu f’kuntest legali differenti minn dak tal-moviment tal-kapital bejn Stati Membri. Għaldaqstant, meta l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissuġġetta l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali għal kundizzjonijiet li l-ħarsien tagħhom ma jistax jiġi vverifikat biss billi tinkiseb informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz, huwa, bħala prinċipju, leġittimu li dan l-Istat Membru jirrifjuta l-għoti ta’ dan il-vantaġġ jekk, b’mod partikolari, minħabba n-nuqqas ta’ obbligu f’konvenzjoni ta’ dan il-pajjiż terz li jipprovdi informazzjoni, ikun impossibbli għalih li jikseb din l-informazzjoni mill-imsemmi pajjiż.

(ara l-punti 42-43, 55-56, 58, 60, 63, 67 u d-dispożittiv)

Top