This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62005CJ0064
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
1. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti
(Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,Artikoli 4(5) u 9(3))
2. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti
(Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,Artikolu 4(5))
3. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti
(Artikolu 255(1) u (2) KE; Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,Artikolu 4(1) sa (3) u (5))
4. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti
(Artikolu 10 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4(1) sa (3) u (5), 7 u 8)
5. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4(1) sa (3), 7 u 8)
6. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti
(Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,Artikolu 4(1) sa (3) u (5))
1. Meta Stat Membru jkun eżerċita l-fakultà li hija miftuħa lilu permezz ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li jitlob li dokument speċifiku, li joriġina minn dan l-Istat, ma jiġix żvelat mingħajr il-ftehim minn qabel tiegħu, l-iżvelar eventwali ta’ dan id-dokument mill-istituzzjoni jeħtieġ il-kisba ta’ ftehim minn qabel ma’ l-imsemmi Stat Membru. Billi “ftehim” huwa ġuridikament distint minn sempliċi “opinjoni”, il-kliem stess ta’ l-imsemmija dispożizzjoni jipprekludu l-interpretazzjoni li hija tagħti sempliċement lil Istat Membru li jkun eżerċita l-imsemmija fakultà dritt li jiġi kkonsultat mill-istituzzjoni qabel ma’ din tiddeċiedi, jekk ikun il-każ minkejja l-oppożizzjoni ta’ l-Istat Membru in kwistjoni, li tagħti aċċess għad-dokument ikkonċernat. L-użu fl-imsemmi Artikolu 4(5) tal-kliem “jista’ jitlob” jenfasizza sempliċiment li din id-dispożizzjoni tiftaħ fakultà għall-benefiċċju ta’ l-Istat Membru, fakultà li biss l-eżerċizzju effettiv tagħha f’każ partikolari għandu bħala konsegwenza li jistabbilixxi l-kunsens minn qabel ta’ l-Istat Membru fil-kundizzjoni meħtieġa għal żvelar fil-futur tad-dokument ikkonċernat.
(ara l-punti 45, 47, 50)
2. L-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, mhux talli ma jirreferix biss għad-dokumenti li tagħhom l-Istati Membri huma l-“awturi” jew li kienu ġew “magħmula” minn dawn ta’ l-aħħar, iżda jikkonċerna potenzjalment kull dokument “li ġej” minn Stat Membru, jiġifieri d-dokumenti kollha, indipendentement mill-awtur, li Stat Membru jittrażmetti lil istituzzjoni. B’hekk, l-uniku kriterju rilevanti huwa dak tal-provenjenza tad-dokument u tat-tneħħija mill-Istat Membru kkonċernat ta’ dokument li kien fil-pussess tiegħu.
(ara l-punt 61)
3. Jirriżulta b’mod ċar mill-għaxar premessa tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament li d-dokumenti kollha miżmuma mill-istituzzjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, inklużi dawk li joriġinaw mill-Istati Membri, b’mod li l-aċċess għal dawn id-dokumenti huwa bħala prinċipju rregolat permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ta’ l-aħħar, b’mod partikolari dawk li jipprovdu eċċezzjonijiet materjali għad-dritt ta’ aċċess. B’hekk, l-eċċezzjonijiet elenkati fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-istess regolament, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett.
Dawn l-eċċezzjonijiet ikopru l-eżerċizzju tas-setgħa li l-paragrafu 5 ta’ l-istess Artikolu jagħti lil Stat Membru, fejn dan ta’ l-aħħar huwa sempliċement irrikonoxxut setgħa ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjoni Komunitarja. F’din il-perspettiva, il-ftehim minn qabel ta’ l-Istat Membru li jirreferi għalih l-Artikolu 5 ma jixbaħx dritt ta’ veto diskrezzjonali, iżda forma ta’ kunsens fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivi ta’ eċċezzjoni bbażati fuq il-paragrafi 1 sa 3. Dan il-paragrafu 5 ma jistax għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jagħti lil Stat Membru dritt ta’ veto ġenerali u inkondizzjonat sabiex jirrifjuta b’mod diskrezzjonali l-iżvelar ta’ dokumenti li ġejjin minnu u li huma miżmuma minn istituzzjoni, b’mod li l-aċċess għal dawn id-dokumenti ma jibqax jiġi rregolat mid-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi regolament sabiex jiddependi biss fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.
(ara l-punti 66-67, 75-76)
4. Peress li l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, hija fdata konġuntament lill-istituzzjoni u lill-Istat Membru li eżerċita l-fakultà miftuħa permezz ta’ l-Artikolu 4(5) ta’ l-imsemmi regolament u peress li hija tributarja tad-djalogu reċiproku li għandu jiġi stabbilit bejniethom, dawn għandhom l-obbligu, skond l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 10 KE, li jaġixxu u li jikkooperaw b’mod li l-imsemmija regoli jkunu jistgħu jirċievu applikazzjoni effettiva.
Isegwi, l-ewwel nett, li l-istituzzjoni li lilha saret applikazzjoni għal aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru u l-imsemmi Stat Membru għandhom, peress li din l-applikazzjoni tkun ġiet innotifikata mill-istituzzjoni lill-imsemmi Stat Membru, jibdew mingħajr dewmien djalogu leali dwar l-applikazzjoni eventwali ta’ l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi jibqgħu jagħtu attenzjoni b’mod partikolari għall-ħtieġa li l-istituzzjoni tkun tista’ tieħu pożizzjoni fit-termini ta’ żmien li fihom l-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-regolament jobbligawaha tiddeċiedi fuq din l-applikazzjoni għal aċċess.
(ara l-punti 85-86)
5. Stat Membru li, wara d-djalogu ma’ istituzzjoni Komunitarja dwar l-applikazzjoni eventwali ta’ l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jirrifjuta li jiżvela d-dokument in kwistjoni huwa obbligat li jagħti r-raġunijiet għal dan ir-rifjut fid-dawl ta’ l-imsemmija eċċezzjonijiet.
L-istituzzjoni ma tistax fil-fatt taġixxi skond ir-rifjut muri minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu jekk l-imsemmija oppożizzjoni hija nieqsa minn kull motivazzjoni jew jekk din il-motivazzjoni mhijiex spjegata b’referenza għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Meta, minkejja l-istedina espressa f’dan is-sens indirizzata mill-istituzzjoni lill-Istat Membru, dan ta’ l-aħħar jibqa’ ma jipprovdilhiex tali motivazzjoni, l-imsemmija istituzzjoni għandha, jekk din tikkunsidra minn naħa tagħha li ebda waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament ma japplikaw, tagħti aċċess għad-dokument mitlub.
Fl-aħħar nett, u skond l-Artikoli 7 u 8 ta’ l-imsemmi regolament, l-istituzzjoni stess għandha l-obbligu li tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni ta’ rifjut kontra l-awtur ta’ l-applikazzjoni għal aċċess. Tali obbligu jimplika li l-istituzzjoni tesponi, fl-imsemmija deċiżjoni, mhux biss l-oppożizzjoni mmanifestata mill-Istat Membru kkonċernat għall-iżvelar tad-dokument mitlub, iżda wkoll ir-raġunijiet invokati mill-imsemmi Stat Membru sabiex tikkonkludi b’applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ l-aċċess previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ l-istess Regolament. Tali indikazzjonijiet huma fil-fatt ta’ natura li jippermettu lill-parti interessata li tifhem l-oriġini u r-raġunijiet tar-rifjut kontriha u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita, skond il-każ, l-istħarriġ li huwa mogħti lilha.
(ara l-punti 87-89)
6. L-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, m’għandux bħala għan li jistabbilixxi tqassim bejn żewġ kompetenzi, waħda nazzjonali u l-oħra Komunitarja, li għandhom għanijiet distinti, iżda jistabbilixxi proċedura deċiżjonali li għandha bħala għan biss li tiddetermina jekk l-aċċess għal dokument għandux jiġi rrifjutat skond waħda mill-eċċezzjonijiet materjali msemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ l-imsemmi regolament, proċedura deċiżjonali li għaliha jipparteċipaw kemm l-istituzzjoni Komunitarja kif ukoll l-Istat Membru kkonċernat.
F’każ simili, jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti Komunitarja li tistħarreġ, fuq it-talba tal-parti interessata li tkun ġiet irrifjutata aċċess mill-istituzzjoni, jekk l-imsemmi rifjut setax kien validament ibbażat fuq l-imsemmija eċċezzjonijiet, u jekk dan ir-rifjut jirriżultax mill-evalwazzjoni ta’ dawn ta’ l-eċċezzjonijiet mill-istituzzjoni stess jew mill-Istat Membru. Mill-bqija, fir-rigward ta’ din il-parti interessata, l-intervent ta’ l-Istat Membru ma jaffettwax in-natura Komunitarja tad-deċiżjoni li l-istituzzjoni tindirizzalha ulterjorment bħala risposta għall-applikazzjoni għal aċċess li hija tkun ressqitilha dwar dokument li hija żżomm fil-pussess tagħha.
(ara l-punti 93-94)