Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0283

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ taxxi nazzjonali oħra li għandhom il-karatteristiċi ta’ taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 33(1))

    2. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ taxxi nazzjonali oħra li għandhom il-karatteristiċi ta’ taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 17(2) u 33(1))

    Summary

    1. Sabiex jiġi evalwat jekk taxxa, dazju jew obbligu għandhomx il-karatteristiċi ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ skond l-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata permezz tad-Direttiva 91/680, għandu jiġi mistħarreġ, b’mod partikolari, jekk l-effett tagħhom huwiex tali li jikkompromettu l-funzjonament tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud billi jagħmlu aktar diffiċli l-moviment ta’ beni u ta’ servizzi, u billi jolqtu t-tranżazzjonijiet kummerċjali b’mod komparabbli għal dak li jikkaratterizza din it-taxxa.

    F’dan ir-rigward, f’kull każ, għandhom jitqiesu bħala li jolqtu l-moviment ta’ beni u ta’ servizzi b’mod komparabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud dawk it-taxxi, id-dazji u l-obbligi li jkollhom il-karatteristiċi essenzjali ta’ din it-taxxa anki jekk ma jkunux kompletament identiċi magħha.

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva ma jipprekludix li tinżamm fis-seħħ jew li tiġi introdotta taxxa li ma jkollhiex waħda mill-karatteristiċi essenzjali tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

    Dawn il-karatteristiċi huma erbgħa: l-applikazzjoni ġenerali tat-taxxa fuq il-valur miżjud għat-tranżazzjonijiet li jkollhom beni jew servizzi bħala s-suġġett tagħhom; id-determinazzjoni ta’ l-ammont tagħha proporzjonalment għall-prezz mitlub mill-persuna suġġetta għat-taxxa bħala ħlas għall-beni jew għas-servizzi pprovduti minnha; l-impożizzjoni ta’ din it-taxxa f’kull stadju tal-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, inkluż l-istadju tal-bejgħ bl-imnut, irrispettivament min-numru ta’ tranżazzjonijiet li jkunu seħħew qabel; it-tnaqqis mit-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta mill-persuna suġġetta għat-taxxa fuq l-ammonti mħallsa fl-istadji preċedenti tal-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni b’tali mod li din it-taxxa, fi stadju partikolari, tapplika biss għall-valur miżjud f’dak l-istadju u b’tali mod li l-piż finali ta’ din it-taxxa jaqa’ b’mod definittiv fuq il-konsumatur.

    (ara l-punti 34-37)

    2. L-Artikolu 33(1) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata permezz tad-Direttiva 91/680, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix iż-żamma ta’ imposta fiskali li tippreżenta karatteristiċi bħal dawk tat-taxxa lokali Ungeriża fuq l-impriżi. Fil-fatt, din it-taxxa hija distinta mit-taxxa fuq il-valur miżjud b’mod li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala taxxa li għandha l-karatteristika ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ skond din id-dispożizzjoni.

    Fl-ewwel lok, filwaqt li t-taxxa fuq il-valur miżjud hija imposta fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni u filwaqt li l-ammont tagħha huwa proporzjonali għall-prezz tal-beni jew tas-servizzi pprovduti, taxxa bħal dik in kwistjoni hija, għall-kuntrarju, stmata fuq id-differenza, ikkalkulata skond il-liġi li tirregola l-kontabbiltà, bejn id-dħul mill-bejgħ marbut mal-beni mibjugħa jew mas-servizzi pprovduti matul sena fiskali, minn naħa, u l-prezz ta’ produzzjoni tal-beni mibjugħa, il-valur ta’ servizzi intermedjarji u l-ispejjeż tal-materjal, min-naħa l-oħra. Taxxa bħal din, peress li hija kkalkulata abbażi tad-dħul mill-bejgħ perjodiku, mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni l-ammont ta’ din it-taxxa li eventwalment tgħaddi fuq il-klijent meta jsir kull bejgħ ta’ beni jew kull servizz ipprovdut, għalkemm din it-taxxa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala proporzjonali għall-prezz tal-beni jew tas-servizzi pprovduti.

    Sussegwentment, filwaqt li l-persuna taxxabbli hija, skond l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, awtorizzata biex tnaqqas mit-taxxa fuq il-valur miżjud li hija responsabbli biex tħallas għal kull beni jew servizz użat għall-bżonnijiet ta’ l-operazzjonijiet taxxabbli tagħha, f’dak li jikkonċerna s-sistema ta’ dritt komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, it-tnaqqis, li jseħħ fl-istadju tad-determinazzjoni tal-bażi ta’ stima ta’ din it-taxxa, huwa limitat għall-prezz ta’ produzzjoni ta’ l-beni mibjugħa, il-valur tas-servizzi intermedjarji u l-ispejjeż tal-materjal. Il-bażi ta’ stima tat-taxxa in kwistjoni għalhekk mhijiex limitata għall-valur miżjud ta’ stadju partikolari tal-proċess ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, iżda tikkonċerna d-dħul mill-bejgħ globali tal-persuna taxxabbli, imnaqqas biss minn dawn l-elementi.

    Fl-aħħar nett, filwaqt li, permezz tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis tat-taxxa previst fl-Artikoli 17 sa 20 tas-Sitt Direttiva, it-taxxa fuq il-valur miżjud hija imposta biss fuq il-konsumatur finali u hija perfettament newtrali fir-rigward tal-persuni suġġetti għat-taxxa li kellhom sehem fil-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni qabel l-istadju ta’ impożizzjoni finali irrispettivament min-numru ta’ tranżazzjonijiet li jkunu seħħew, l-istess ma jistax jingħad fir-rigward tat-taxxa in kwistjoni. Fil-fatt, m’hemm l-ebda ċertezza li l-piż ta’ din it-taxxa huwa, b’mod definittiv, mgħoddi lill-konsumatur finali b’mod li huwa karatteristiku ta’ taxxa fuq il-konsum bħat-taxxa fuq il-valur miżjud.

    (ara l-punti 39-40, 44-45, 47, 51-52, 60-61 u d-dispożittiv)

    Top