EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TJ0024

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-8 ta’ Mejju 2024.
UF vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien indeterminat – Xoljiment ta’ kuntratt – Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja – Assenza ta’ stabbiliment tal-fatti.
Kawża T-24/23.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2024:293

Kawża T‑24/23

UF

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat‑8 ta’ Mejju 2024

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien indeterminat – Xoljiment ta’ kuntratt – Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja – Assenza ta’ stabbiliment tal-fatti”

  1. Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra – Membru tal-persunal protettiv mill-qrib ta’ membri tal-Kummissjoni – Xoljiment ta’ kuntratt għal żmien indeterminat – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-amministrazzjoni – Xoljiment b’avviż tat-temm ta’ impjieg – Ġustifikazzjoni bbażata fuq it-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja – Obbligu li tinbeda proċedura dixxiplinari – Assenza

    (Regolamenti tal-Persunal, Anness IX; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 47(c)(i) u 49(1))

    (ara l-punti 53 sa 57)

  2. Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra – Membru tal-persunal protettiv mill-qrib ta’ membri tal-Kummissjoni – Xoljiment ta’ kuntratt għal żmien indeterminat – Ġustifikazzjoni bbażata fuq it-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

    (Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 2 u 47(c)(i))

    (ara l-punt 58)

  3. Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra – Membru tal-persunal protettiv mill-qrib ta’ membri tal-Kummissjoni – Xoljiment ta’ kuntratt għal żmien indeterminat – Ġustifikazzjoni bbażata fuq it-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja – Deċiżjoni ta’ tkeċċija – Obbligu li tiġi stabbilita r-realtà tal-fatti allegati – Portata – Nuqqas ta’ osservanza – Konsegwenzi

    (Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 2 u 47(c)(i))

    (ara l-punti 64 sa 70)

Sunt

Adita b’rikors minn UF, membru tal-persunal protettiv mill-qrib ta’ membri tal-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni ta’ dik l-istituzzjoni li kienet xoljiet il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat.

F’din l-okkażjoni, il-Qorti Ġenerali għamlet preċiżazzjonijiet dwar l-obbligi tal-istituzzjonijiet, b’mod partikolari dwar l-istabbiliment tal-fatti fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ xoljiment, minħabba terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja, ta’ kuntratt li kien jeżisti bejn l-istituzzjoni u membru tal-persunal temporanju fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”).

F’dan il-każ, wara lmenti rċevuti min-naħa tas-Servizz Mediku dwar l-aġir allegatament inadegwat tar-rikorrent matul żewġ testijiet viroloġiċi ta’ reazzjonijiet katina tal-polimerażi, imsejħa “PCR”, li huwa kellu jissottometti ruħu għalihom fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, l-awtorità li kellha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) xoljiet il-kuntratt tiegħu minħabba terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja, b’avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ ħames xhur. Ir-rikorrent ressaq ilment kontra dik id-deċiżjoni li, madankollu, ġie miċħud mill-ASTK. Konsegwentement, ir-rikorrent adixxa lill-Qorti Ġenerali sabiex jikseb, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni li xxolji l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu morali mġarrab.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, bħala prinċipju, l-ASTK kienet awtorizzata xxolji l-kuntratt tar-rikorrent abbażi tal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, qabel l-iskadenza tiegħu u b’avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ xahar għal kull sena ta’ servizz imwettaq, b’minimu ta’ tliet xhur u massimu ta’ għaxar xhur, mingħajr ma kellha tipproċedi għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari.

Fil-fatt, minħabba s-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li kellha l-ASTK fil-każ ta’ nuqqas li seta’ jiġġustifika t-tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju, xejn ma kien obbligaha tibda proċedura dixxiplinari kontra dan tal-aħħar minflok tirrikorri għall-possibbiltà ta’ xoljiment unilaterali tal-kuntratt prevista fl-Artikolu 47(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Kien biss fil-każ li l-ASTK kellha l-intenzjoni li tkeċċi membru tal-persunal temporanju mingħajr avviż tat-temm ta’ impjieg, fil-każ ta’ nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu, li kellha tinbeda, konformement mal-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-proċedura dixxiplinari organizzata fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju.

F’dan il-każ, ix-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrent, li l-avviż tat-temm ta’ impjieg tiegħu kien ġie osservat, kien motivat mit-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni u r-rikorrent, minħabba l-aġir li kien ġie imputat lilu matul l-imsemmija testijiet PCR, skont l-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u mhux skont l-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. F’dan ir-rigward, għalkemm l-ASTK ma kellhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tas-superjur ġerarkiku tar-rikorrent bl-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tar-realtà tat-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja, l-ASTK madankollu kellha, qabelxejn, tivverifika jekk l-assenza jew it-telf tar-rabta ta’ fiduċja kinux effettivament invokati, sussegwentement, tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti u, fl-aħħar nett, tiżgura ruħha li, fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija, it-talba għal xoljiment ma kinitx ivvizzjata bi ksur tad-drittijiet fundamentali jew b’użu ħażin ta’ poter. F’dan il-kuntest, l-ASTK setgħet b’mod partikolari tqis, fir-rigward tal-osservazzjonijiet ipprovduti mill-persuna kkonċernata, li ċ-ċirkustanzi partikolari kienu jiġġustifikaw li jiġu previsti miżuri oħra minflok tkeċċija, pereżempju l-assenjazzjoni tal-persuna kkonċernata lil funzjonijiet oħra fi ħdan il-Kummissjoni.

Barra minn hekk, jekk istituzzjoni li tiddeċiedi li xxolji kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għal fatti materjali preċiżi li jkunu wasslu għad-deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba telf ta’ fiduċja, il-qorti tkun obbligata tivverifika l-veraċità ta’ dawn il-fatti materjali. B’mod partikolari, sa fejn istituzzjoni tkun spjegat ir-raġunijiet li jkunu wasslu għat-telf tal-fiduċja permezz tar-riferiment għal fatti materjali preċiżi, il-qorti għandha tistħarreġ li dawn ir-raġunijiet ikunu bbażati fuq fatti materjalment eżatti. B’dan il-mod, il-qorti ma tissostitwixxix l-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti b’tagħha, liema evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti tgħid li t-telf ta’ fiduċja seħħ, iżda sempliċement tistħarreġ jekk il-fatti li jkunu taw lok għad-deċiżjoni spjegati mill-istituzzjoni jkunux materjalment eżatti.

F’dan ir-rigward, wara li eżaminat il-fatti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ASTK ivvizzjat id-deċiżjoni tagħha b’illegalità, billi qieset li hija kienet informata biżżejjed bix-xhieda tal-infirmiera li wettqu ż-żewġ testijiet PCR kontenzjużi u li l-verżjoni tal-fatti tagħhom kienet ġiet ikkontestata mir-rikorrent u billi rrifjutat li twettaq verifika tal-fatti li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl ta’ provi oħra li, madankollu, kienu disponibbli, jew bl-organizzazzjoni ta’ investigazzjoni amministrattiva. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-argument tar-rikorrent, ibbażat fuq il-fatt li l-fatti li jiġġustifikaw id-deċiżjoni ma kinux ġew stabbiliti. Madankollu, hija ċaħdet it-talba għad-danni, peress li r-rikorrent ma rnexxilux juri, kif kellu l-obbligu jagħmel, li d-dannu morali li huwa allega ma setax jiġi kompletament ikkumpensat bl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, bħala tali, ma setax ikun reparabbli.

Top