Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 62023CJ0367

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2024.
    EA vs Artemis security SAS.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 9(1)(a) – Obbligu ta’ evalwazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema ta’ billejl – Ksur ta’ dan l-obbligu mill-persuna li timpjega – Dritt għal kumpens – Neċessità li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu speċifiku.
    Kawża C-367/23.

    Recopilación de la Jurisprudencia. Recopilación general. Sección «Información sobre las resoluciones no publicadas»

    Identificador Europeo de Jurisprudencia: ECLI:EU:C:2024:529

    Kawża C‑367/23

    EA

    vs

    Artemis security SAS

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation, (Franza))

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) tal‑20 ta’ Ġunju 2024

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 9(1)(a) – Obbligu ta’ evalwazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema ta’ billejl – Ksur ta’ dan l-obbligu mill-persuna li timpjega – Dritt għal kumpens – Neċessità li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu speċifiku”

    1. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Obbligu ta’ evalwazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema ta’ billejl – Ksur mill-persuna li timpjega – Dritt għal kumpens – Iffissar tal-ammont tad-danni – Applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar il-portata tal-kumpens pekunjarju – Kundizzjoni – Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 9(1)(a))

      (ara l-punti 25 sa 27, u 37)

    2. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Obbligu ta’ evalwazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema ta’ billejl – Ksur mill-persuna li timpjega – Dritt għal kumpens – Kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab – Portata – Ħlas ta’ danni punittivi – Esklużjoni

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 9(1)(a))

      (ara l-punti 31 sa 33, 35 u 36)

    3. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Obbligu ta’ evalwazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema ta’ billejl – Ksur mill-persuna li timpjega – Dritt għal kumpens – Neċessità li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu speċifiku

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 9(1)(a))

      (ara l-punti 40 sa 43, u d-dispożittiv 1)

    Sunt

    Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ċerti regoli dwar ix-xogħol ta’ billejl skont id-Direttiva 2003/88/KE ( 1 ) u dwar id-dritt għal kumpens fil-każ ta’ ksur tagħhom.

    EA ġie rreklutat, fl‑1 ta’ April 2017, bħala aġent tad-dipartiment ta’ sigurtà kontra n-nirien u ta’ assistenza lil persuni minn Artemis security SAS (iktar ’il quddiem “Artemis”). Peress li ġie ttrasferit minn post tax-xogħol ta’ matul il-jum lejn post tax-xogħol ta’ billejl, EA adixxa lill-conseil de prud’hommes de Compiègne (il-Qorti Industrijali ta’ Compiègne, Franza) sabiex, b’mod partikolari, jikseb il-kundanna ta’ Artemis sabiex tħallsu d-danni minħabba, minn naħa, li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kien ġie unilateralment emendat minn Artemis u, min-naħa l-oħra, li huwa ma kienx ibbenefika minn monitoraġġ mediku msaħħaħ applikabbli fil-każ ta’ xogħol ta’ billejl.

    Wara li ċaħdet it-talba tiegħu għad-danni, EA adixxa lill-cour d’appel d’Amiens (il-Qorti tal-Appell ta’ Amiens, Franza) li kkonfermat l-imsemmija ċaħda minħabba li EA ma kienx stabbilixxa r-realtà u l-konsistenza tad-dannu li huwa allega li ġarrab minħabba l-assenza ta’ monitoraġġ mediku msaħħaħ meħtieġ fil-każ ta’ xogħol ta’ billejl. Insostenn tal-appell li huwa ppreżenta minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, EA sostna li s-sempliċi konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet protettivi fil-qasam ta’ monitoraġġ mediku msaħħaħ fil-każ ta’ xogħol ta’ billejl kien jagħti dritt għal kumpens lill-ħaddiem ikkonċernat u li, billi ċaħdet it-talba tiegħu għal kumpens, il-cour d’appel d’Amiens (il-Qorti tal-Appell ta’ Amiens) kisret il-code du travail (il-Kodiċi tax-Xogħol) ( 2 ), moqri flimkien mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/88.

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju staqsiet, b’mod partikolari, jekk is-sempliċi nuqqas ta’ osservanza, mill-persuna li timpjega, tal-miżuri nazzjonali intiżi li jiżguraw l-evalwazzjoni medika tal-ħaddiema ta’ billejl prevista fl-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88 ( 3 ) jagħtix, bħala tali, dritt għal kumpens, mingħajr ma jkun neċessarju li tintwera l-eżistenza ta’ dannu speċifiku għall-ħaddiem ikkonċernat.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, qabelxejn, li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-għan li tiddefinixxi r-regoli dwar il-kumpens eventwali li jista’ jippretendi ħaddiem assenjat f’post tax-xogħol ta’ billejl fil-każ ta’ ksur, mill-persuna li timpjegah, tar-regoli nazzjonali relatati mal-evalwazzjoni medika prevista fil-każ ta’ assenjazzjoni intiża li timplimenta l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88. Għalhekk, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tal-azzjonijiet intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu minn din id-dispożizzjoni, u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li taħthom tali ħaddiem ikun jista’ jikseb kumpens, minħabba l-imsemmi ksur, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, peress li l-obbligi ta’ evalwazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema ta’ billejl previsti f’dan l-artikolu ġew trasposti, f’dan il-każ, fid-dritt intern, il-ħaddiem ikkonċernat għandu jkun jista’ jeżiġi li l-persuna li timpjegah tissodisfa l-imsemmija obbligi, billi jsegwi, jekk ikun meħtieġ, l-eżekuzzjoni korretta tagħhom quddiem il-qrati kompetenti, konformement mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-eżerċizzju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa, għalhekk, ta’ natura li jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt għall-evalwazzjoni tas-saħħa li jgawdi minnu ħaddiem ta’ billejl bis-saħħa tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88.

    Il-fatt li ħaddiem ta’ billejl ikun jista’ jikseb kumpens adegwat fil-każ ta’ ksur mill-persuna li timpjega tal-obbligi previsti fl-imsemmi artikolu jikkontribwixxi wkoll sabiex tiġi żgurata tali effettività, peress li l-imsemmi kumpens għandu jippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu effettivament imġarrab. Id-dritt tal-ħaddiem li jitlob kumpens għal dannu jsaħħaħ, fil-fatt, in-natura operattiva tar-regoli ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 9(1)(a) u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi r-repetizzjoni ta’ aġir illegali. Il-ħlas lill-persuna leża ta’ danni li jkopru b’mod sħiħ id-dannu mġarrab jista’ jiggarantixxi li tali dannu jiġi effettivament irrimedjat jew ikkumpensat b’mod dissważiv u proporzjonat. Għaldaqstant, fid-dawl tal-funzjoni kumpensatorja tad-dritt għal kumpens previst f’dan il-każ mid-dritt nazzjonali applikabbli, kumpens sħiħ tad-dannu effettivament imġarrab huwa biżżejjed, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi impost fuq il-persuna li timpjega l-ħlas ta’ danni punittivi.

    Barra minn hekk, id-dritt nazzjonali applikabbli għal dan is-suġġett kien jinkludi regoli speċifiċi li jippermettu li jiġu imposti multi fil-każ ta’ ksur, mill-persuna li timpjega, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li żguraw it-traspożizzjoni tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88. Dawn ir-regoli speċifiċi jikkontribwixxu, min-naħa tagħhom, sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt għall-evalwazzjoni tas-saħħa tiegħu li jgawdi ħaddiem ta’ billejl bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjoni. Tali regoli, li essenzjalment għandhom għan punittiv, ma humiex, min-naħa tagħhom, suġġetti għall-eżistenza ta’ dannu. Għalhekk, minkejja li tali regoli punittivi u dawk li jirregolaw ir-responsabbiltà kuntrattwali jew kważi-delitt huma komplementari, sa fejn it-tnejn li huma jinkoraġġixxu l-osservanza tal-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma xorta waħda għandhom funzjonijiet distinti.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ma kienx jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet ta’ natura li setgħet tippreġudika l-effettività tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan tal-miżuri ta’ evalwazzjoni tas-saħħa stabbiliti f’dan l-artikolu, b’differenza mir-rekwiżiti li jirriżultaw, fil-qasam tat-tul tax-xogħol, mill-Artikolu 6(b) u mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/88, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jikkawża, minħabba dan il-fatt biss, dannu lill-ħaddiem ikkonċernat, l-assenza ta’ eżami mediku li għandu jippreċedi l-assenjazzjoni għal xogħol ta’ billejl u ta’ monitoraġġ mediku regolari wara din l-assenjazzjoni, previsti fl-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva, ma twassalx inevitabbilment għal ħsara għas-saħħa tal-ħaddiem ikkonċernat u lanqas, għaldaqstant, għal dannu li għalih jista’ jiġi kkumpensat. Fil-fatt, l-okkorrenza eventwali ta’ tali dannu tiddependi b’mod partikolari mis-sitwazzjoni tas-saħħa speċifika għal kull ħaddiem, peress li l-kompiti mwettqa billejl jistgħu, barra minn hekk, ikunu differenti f’termini ta’ diffikultà u ta’ stress.


    ( 1 ) Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

    ( 2 ) Jiġifieri l-Artikolu L. 3122‑11 ta’ dan il-kodiċi, li jiddisponi li “[k]ull ħaddiem ta’ billejl għandu jibbenefika minn monitoraġġ individwali regolari tal-istat ta’ saħħa tiegħu fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu L. 4624‑1.”

    ( 3 ) L-Artikolu 9, intitolat “Assessjar tas-saħħa u t-trasferiment ta’ ħaddiema ta’ matul il-lejl lejn ix-xogħol ta’ matul il-jum”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li: (a) il-ħaddiema ta’ matul il-lejl huma ntitolati għal eżami tas-saħħa b’xejn qabel l-assenjar tagħhom u minn hemm ’il quddiem f’intervalli regolari; […]”

    Arriba