Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0053

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Mejju 2024.
Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” u Asociaţia “Mişcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor” vs Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Procurorul General al României.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza tal-ġudikatura – Artikolu 19(1) TUE – Mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika – Punti ta’ riferiment sottoskritti mir-Rumanija – Ġlieda kontra l-korruzzjoni – Investigazzjonijiet dwar il-ksur imwettaq fi ħdan is-sistema ġudizzjarja – Azzjoni kontra l-ħatra ta’ prosekuturi kompetenti biex imexxu dawn l-investigazzjonijiet – Locus standi tal-assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura.
Kawża C-53/23.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:388

Kawża C‑53/23

Asociația “Forumul Judecătorilor din România”
u
Asociaţia “Mişcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor”

vs

Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie - Procurorul General al României

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-Curtea de Apel Pitești)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat‑8 ta’ Mejju 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza tal-ġudikatura – Artikolu 19(1) TUE – Mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika – Punti ta’ riferiment sottoskritti mir-Rumanija – Ġlieda kontra l-korruzzjoni – Investigazzjonijiet dwar il-ksur imwettaq fi ħdan is-sistema ġudizzjarja – Azzjoni kontra l-ħatra ta’ prosekuturi kompetenti biex imexxu dawn l-investigazzjonijiet – Locus standi tal-assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura”

  1. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin – Ħatra ta’ prosekuturi kompetenti biex jeżerċitaw proċeduri kriminali kontra membri tal-ġudikatura – Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-azzjonijiet għal annullament kontra l-ħatra ta’ dawn il-prosekuturi – Assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura – Locus standi – Assenza – Ammissibbiltà

    (Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 12 u 47; Konvenzjoni ta’ Aarhus; Direttiva tal-Kunsill 2000/78)

    (ara l-punti 35 sa 37, 40 sa 44, 52, u 57 sa 64, u d-dispożittiv)

Sunt

Wara li ġiet adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Curtea de Apel Piteşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Piteşti, ir-Rumanija), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-Istati Membri jippermettu lill-assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura jippreżentaw azzjoni għal annullament bil-għan li jiddefendu l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin kontra deċiżjonijiet relatati mal-ħatra ta’ prosekuturi kompetenti biex jeżerċitaw proċeduri kriminali kontra membri tal-ġudikatura.

Fl‑2022, żewġ assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura, l-Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” u l-Asociația “Mișcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor”, adixxew lill-qorti tar-rinviju b’rikors intiż għall-annullament parzjali ta’ digriet li jaħtar lil prosekuturi li kellhom jeżerċitaw proċeduri kriminali kontra membri tal-ġudikatura f’kawżi ta’ korruzzjoni. L-assoċjazzjonijiet sostnew, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li fuqha kien ibbażat dan id-digriet kienet kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

Il-qorti tar-rinviju osservat li, skont ir-regoli proċedurali Rumeni, hija kellha tiddikjara r-rikors għal annullament inammissibbli. Fil-fatt, fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet, il-ġurisprudenza tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) kienet tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ tali rikors għall-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-att amministrattiv suġġett għall-istħarriġ ta’ legalità u l-għan dirett kif ukoll l-għanijiet imfittxija mill-assoċjazzjoni rikorrenti. F’numru ta’ sentenzi, din il-qorti qieset għalhekk li assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura ma kinux jiġġustifikaw interess ġuridiku kontra d-deċiżjonijiet relatati mal-ħatra ta’ membri tal-ġudikatura.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu qegħdin jippruvaw jiksbu protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni. Kien għalhekk meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-interpretazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali mogħtija mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) kinitx kuntrarja għall-Artikolu 2 u għall-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikoli 12 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Konsegwentement, hija ddeċidiet li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, bħala prinċipju, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-locus standi u l-interess ġuridiku ta’ parti f’kawża, mingħajr madankollu ma jippreġudikaw id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, li l-osservanza tiegħu għandha tiġi żgurata mill-Istati Membri fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

Huwa minnu li l-Istati Membri għandhom obbligu, f’ċerti każijiet, li jawtorizzaw lil assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja sabiex jipproteġu l-ambjent jew jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni ( 1 ). Madankollu, minn naħa, dawn il-konstatazzjonijiet kienu jirriżultaw minn drittijiet proċedurali speċifikament mogħtija lil assoċjazzjonijiet rappreżentattivi permezz ta’ konvenzjoni internazzjonali ( 2 ) jew permezz ta’ atti tad-dritt sekondarju ( 3 ). Min-naħa l-oħra, anki f’dawn l-oqsma, l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni, meta tali konvenzjoni jew atti ma jimponux speċifikament li jiġi rrikonoxxut il-locus standi għat-tressiq ta’ azzjonijiet ġudizzjarji lil assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, dwar jekk jagħtux jew le dan il-locus standi lil tali assoċjazzjonijiet.

Għandu jingħad li, fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixu lill-assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura drittijiet proċedurali li jippermettulhom jikkontestaw kull allegata inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjoni jew ta’ miżura nazzjonali marbuta mal-istatus tal-imħallfin. Għaldaqstant, mill-obbligu li tiġi prevista sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li tiżgura l-osservanza tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-partijiet f’kawża fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi dedott li l-Istati Membri għandhom obbligu, b’mod ġenerali, li jiggarantixxu lil dawn l-assoċjazzjonijiet id-dritt li jippreżentaw rikors ibbażat fuq tali inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni.

Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, l-Istati Membri għandhom, sabiex jiggarantixxu l-osservanza tar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin, jipprevedu ċerti rimedji legali li jippermettu li tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ miżuri nazzjonali li jkollhom konsegwenzi fuq il-karriera tal-imħallfin jew fuq il-kompożizzjoni tal-qrati nazzjonali. Madankollu, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiggarantixxu li l-azzjoni tal-prosekuturi kompetenti biex jeżerċitaw proċeduri kriminali kontra membri tal-ġudikatura tiġi ddefinita permezz ta’ regoli effettivi li josservaw għalkollox ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin. Barra minn hekk, l-assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura ma humiex, bħala prinċipju, direttament ikkonċernati mill-ħatra ta’ prosekuturi, inkluż meta dawn tal-aħħar isiru kompetenti biex jeżerċitaw proċeduri kriminali kontra l-membri tal-ġudikatura, u dawn l-assoċjazzjonijiet ma għandhomx, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, jiġu rikonoxxuti li għandhom, b’mod ġenerali, drittijiet proċedurali speċifiċi.

Konsegwentement, is-sempliċi fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx tawtorizza lil dawn l-assoċjazzjonijiet professjonali jippreżentaw rikors għal annullament kontra l-ħatra ta’ tali prosekuturi ma huwiex biżżejjed biex jiġġenera, fi ħsieb partijiet f’kawża, dubji leġittimi dwar l-indipendenza tal-imħallfin.

Barra minn hekk, dritt tal-assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura li jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja kontra miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali lanqas ma jista’ jinsilet mill-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet iddeċidiet li assoċjazzjoni li tinvoka, quddiem qorti nazzjonali, l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura mal-Artikolu 19(1) TUE ma tistax titqies, għal din is-sempliċi raġuni, li qiegħda tinvoka ksur ta’ dritt li hija tgawdi bis-saħħa ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 4 ).


( 1 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 58), kif ukoll tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 60).

( 2 ) Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17).

( 3 ) Bħalma hija d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 4 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 4344).

Top