Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0039

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024.
    Keva et vs Skatteverket.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni ta’ dividendi rċevuti minn fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku – Differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti u l-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti – Eżenzjoni tal-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti biss – Paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Neċessità li jiġi ssalvagwardat l-għan imfittex mill-politika soċjali – Neċessità li jiġi mħares tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri.
    Kawża C-39/23.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:648

    Kawża C‑39/23

    Keva et

    vs

    Skatteverket

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni ta’ dividendi rċevuti minn fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku – Differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti u l-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti – Eżenzjoni tal-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti biss – Paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Neċessità li jiġi ssalvagwardat l-għan imfittex mill-politika soċjali – Neċessità li jiġi mħares tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri”

    Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq id-dividendi – Dividendi rċevuti minn fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku – Differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti u mhux residenti – Eżenzjoni mit-taxxa biss għall-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Assenza

    (Artikolu 63 TFUE)

    (ara l-punti 43, 46, 47, 49 sa 51, 55 sa 58, 60 sa 65, 68, 71, 72, 74, 75 u d-dispożittiv)

    Sunt

    Fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ksur tal-moviment liberu tal-kapital ta’ sistema nazzjonali li tistabbilixxi distinzjoni bejn benefiċjarji fir-rigward tat-trattament fiskali tad-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti. Din id-distinzjoni hija bbażata esklużivament fuq il-post ta’ residenza ta’ dawn il-benefiċjarji.

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tliet fondi tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku Finlandiż, li kellhom diversi forom ġuridiċi, kienu ħallsu taxxa fl-Isvezja fuq id-dividendi rċevuti mingħand kumpanniji Svediżi. Billi dawn id-dividendi ma kinux ġew intaxxati fil-Finlandja, it-taxxa fuq id-dividendi li għaliha kienu ġew suġġetti fl-Isvezja ma tnaqqsitx skont kif previst mill-Konvenzjoni Fiskali bejn il-Pajjiżi Nordiċi ( 1 ). Issa, fl-Isvezja, il-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku, li jagħmlu parti mill-Istat, huma eżentati mit-taxxa.

    Peress li qiesu li l-ġbir tat-taxxa fuq id-dividendi fl-Isvezja kien imur kontra l-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, sa fejn dawn kienu paragunabbli mal-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku Svediż, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu mill-amministrazzjoni fiskali Svediża r-rimbors tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa fl-Isvezja.

    Wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħhom, it-tilwima tkompliet sa ma waslet quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju.

    Din kellha dubji dwar il-kompatibbiltà mal-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, ta’ tali sistema li tipprevedi t-tassazzjoni tad-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti lil istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti, filwaqt li d-dividendi mqassma lil fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti kienu eżentati minnha.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tali sistema tmur kontra l-Artikolu 63 TFUE.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li s-sistema inkwistjoni kienet tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE. Fil-fatt, din is-sistema kienet toħloq differenza fit-trattament fiskali li kienet twassal għal trattament żvantaġġuż tad-dividendi mħallsa lill-istituzzjonijiet għall-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti, li setgħet tiddisswadi lil dawn l-istituzzjonijiet milli jinvestu f’kumpanniji stabbiliti fl-Isvezja.

    F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-obbligi tiegħu taħt it-Trattat, hija irrilevanti l-invokazzjoni minn Stat tal-punti 10 u 12 tal-kummentarji fuq l-Artikolu 24 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ( 2 ), li minnhom jirriżulta li Stat ma huwiex obbligat jagħti l-istess vantaġġi fiskali lill-organi pubbliċi ta’ Stat ieħor bħal dawk li huwa jagħti lill-organi pubbliċi tiegħu stess.

    Barra minn hekk, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom sabiex jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet fundamentali.

    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-differenza fit-trattament bejn l-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti u l-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti tikkonċerna sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli.

    L-ewwel nett, il-fatt li fond ta’ pensjoni rregolat mid-dritt pubbliku kien jagħmel parti mill-Istat Svediż ma kienx jqiegħdu neċessarjament f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ istituzzjoni tal-irtirar irregolata mid-dritt pubbliku li ma kinitx residenti fir-rigward tal-għan tal-eżenzjoni fiskali inkwistjoni, li kien dak li jiġi evitat il-moviment f’ċirku magħluq tar-riżorsi pubbliċi tal-Istat Svediż. Fil-fatt, dan l-għan seta’ jintlaħaq ukoll jekk l-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti kienu jibbenefikaw fl-Isvezja mill-istess eżenzjoni fiskali fuq id-dividendi mħallsa minn kumpanniji residenti bħal dik mogħtija lill-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti.

    Barra minn hekk, il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati taħt id-dritt pubbliku mhux residenti ma kellhomx l-għan li jippromwovu l-istabbiltà finanzjarja u l-vijabbiltà tas-sistema tas-sigurtà soċjali Svediża, b’differenza mill-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti, ma setax jikkostitwixxi argument li jirrendi impossibbli l-paragun transkonfinali tal-fondi ta’ pensjoni peress li, mid-definizzjoni tiegħu stess, kull fond għandu l-għan li jipproteġi l-istabbiltà u l-vijabbiltà ta’ sistema ta’ pensjoni nazzjonali distinta.

    It-tieni nett, l-uniku kriterju rilevanti li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk id-differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti u l-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti kinitx tirrifletti differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni kien, f’dan il-każ, il-post ta’ residenza tal-fondi. Fil-fatt, id-differenzi bejn iż-żewġ tipi ta’ entitajiet relatati mal-forma ġuridika tagħhom jew man-natura tal-kompiti tagħhom fil-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tal-irtirar jew fil-ħlas tal-pensjonijiet ma kinux jidhru li kellhom rabta diretta mat-trattament fiskali tad-dividendi rċevuti mill-kumpanniji Svediżi.

    Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li la l-ħtieġa li jitħares l-għan imfittex mill-politika soċjali Svediża u lanqas il-ħarsien ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri ma setgħu jikkostitwixxu, f’dan il-każ, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li setgħet tiġġustifika s-sistema Svediża inkwistjoni fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital.


    ( 1 ) Konvenzjoni bejn il-Pajjiżi Nordiċi Sabiex Tiġi Evitata t-Taxxa Doppja fir-rigward tat-Taxxi fuq id-Dħul u fuq il-Kapital, iffirmata f’Ħelsinki fit-23 ta’ Settembru 1996.

    ( 2 ) Mudell ta’ Konvenzjoni Sabiex Tiġi Evitata t-Taxxa Doppja fuq id-Dħul u fuq il-Kapital, imfassal mill-Kumitat tal-Affarijiet Fiskali tal-OECD, anness ma’ rakkomandazzjoni tal-OECD tat-30 ta’ Lulju 1963 dwar it-tneħħija tat-taxxa doppja.

    Top