Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0035

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2024.
Père vs Mère.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 10 u 11 – Ġurisdizzjoni fil-każ ta’ tneħħija illegali ta’ wild – Residenza abitwali tal-minuri fi Stat Membru qabel it-tneħħija illegali – Proċedura ta’ ritorn bejn pajjiż terz u Stat Membru – Kunċett ta’ ‘talba għal ritorn’ – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali tal-minuri.
Kawża C-35/23.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:532

Kawża C-35/23 ( i )

Missier

vs

Omm

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 10 u 11 – Ġurisdizzjoni fil-każ ta’ tneħħija illegali ta’ wild – Residenza abitwali tal-minuri fi Stat Membru qabel it-tneħħija illegali – Proċedura ta’ ritorn bejn pajjiż terz u Stat Membru – Kunċett ta’ ‘talba għal ritorn’ – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali tal-minuri”

  1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ minuri – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza abitwali tal-wild qabel it-tneħħija tiegħu – Kamp ta’ applikazzjoni – Proċedura ta’ ritorn mibdija mingħajr suċċess skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 bejn pajjiż terz u Stat Membru – Assenza ta’ effett

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 11(7) u (60))

    (ara l-punti 50 sa 62, u d-dispożittiv 1)

  2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Ġurisdizzjoni fil-każ ta’ tneħħija ta’ wild – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza abitwali tal-wild qabel it-tneħħija tiegħu – Kundizzjoni – Talba għal ritorn – Kunċett – Talba intiża għar-ritorn tal-wild fi Stat membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ residenza abitwali tal-wild qabel it-tneħħija tiegħu jew talba għal kustodja tal-imsemmi wild imressqa quddiem il-qrati tal-dan l-ewwel Stat Membru – Esklużjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 8(1) u (11))

    (ara l-punti 66, 68 sa 71, 73, 79, 81 sa 59, u d-dispożittiv 2)

  3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Talba għar-ritorn ta’ wild – Deċiżjoni ta’ żamma – Obbligi ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni u natura eżekuttiva tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn ta’ wild – Kamp ta’ applikazzjoni – Proċedura ta’ ritorn mibdija mingħajr suċċess skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 bejn pajjiż terz u Stat Membru – Esklużjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 11(6) sa (8))

    (ara l-punti 83 sa 85, u d-dispożittiv 3)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti regoli proċedurali applikabbli taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 ( 1 )fil-każ ta’ tneħħija internazzjonali ta’ wild b’rabta ma’ pajjiż terz.

L twieldet fit-12 ta’ Novembru 2014 fl-Isvizzera u għandha n-nazzjonalità Ġermaniża u dik Pollakka. Missieru kien ilu jirrisjedi fl-Isvizzera minn Ġunju 2013 għal raġunijiet ta’ xogħol, filwaqt li ommu għexet ma’ L minn Jannar 2015 sa April 2016 fil-Ġermanja, fejn missierhom kien iżur regolarment. F’April 2016, l-omm u L marru jgħixu l-Polonja fejn, inizjalment, missierhom kien iżuru. Mix-xahar ta’ April 2017, l-omm irrifjutat lill-missier l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess tagħha. Hija rreġistrat lil L fl-iskola materna fil-Polonja, mingħajr il-kunsens tal-missier, u informat lil dan tal-aħħar li kienet għadha fil-Polonja ma’ binthom.

F’Lulju 2017, il-missier ressaq talba għal ritorn tal-wild lejn l-Isvizzera permezz tal-awtorità ċentrali Svizzera ( 2 ), skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 ( 3 ). Qorti Pollakka ċaħdet din it-talba għar-raġuni li l-missier kien ta l-kunsens tiegħu għal żmien indeterminat għaċ-ċaqliq tal-omm u ta’ L fil-Polonja. L-appell ippreżentat mill-missier minn din id-deċiżjoni ġie miċħud.

Minkejja li ma kienx ta segwitu għal talba oħra għal ritorn imressqa fil-Ġermanja, il-missier ressaq, f’Lulju 2018, talba quddiem qorti Ġermaniża intiża għall-attribuzzjoni tal-kustodja esklużiva tal-wild, id-dritt li tiġi ddeterminata r-residenza tiegħu kif ukoll ir-ritorn tal-wild f’daru, fl-Isvizzera. Il-qorti adita ċaħdet din it-talba minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali. Il-missier ressaq appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostna li l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi tirriżulta mill-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003.

Il-Qorti tar-rinviju staqsiet lilha nnifisha dwar l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, peress li l-missier kien beda, mingħajr suċċess, proċedura għar-ritorn tal-wild, bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, permezz tal-awtorità ċentrali tal-Isvizzera, pajjiż terz li ma huwiex marbut bir-Regolament Nru 2201/2003. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003. Skont dan l-artikolu, il-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu jżommu, bħala prinċipju u taħt ċerti kundizzjonijiet, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom.

F’dak li jirrigwarda t-“tneħħija nġusta jew iż-żamma [illegali]” ta’ wild li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, hija qieset, l-ewwel nett, li d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett ( 4 ) ma tiddependix mill-attribuzzjoni, neċessarjament sussegwenti u eventwali, lid-detentur tad-dritt ta’ kustodja ta’ proċedura għar-ritorn tal-wild, ibbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

Sussegwentement, l-Artikolu 10(b)(i) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jipprovdi li l-qrati tar-residenza abitwali ta’ qabel tal-minuri ma għandhomx, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni fin-nuqqas ta’ talba għar-ritorn, f’terminu ta’ sena, fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-wild ikun tneħħa jew inżamm illegalment, ma jispeċifikax li talba għal ritorn għandha tkun ġiet ippreżentata skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, u lanqas ma jeskludi li hija setgħet ġiet ippreżentata permezz ta’ awtorità ċentrali ta’ pajjiż terz. Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 2201/2003, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 ma jiħdux preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, ma hemmx obbligu li din il-konvenzjoni tiġi invokata sabiex jintalab ir-ritorn ta’ wild, peress li proċedura ta’ ritorn tista’ tkun ibbażata fuq regoli oħra jew fuq dispożizzjonijiet oħra ta’ konvenzjoni, b’mod partikolari dawk bilaterali.

Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi ammess, fis-silenzju tar-Regolament Nru 2201/2003, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament hija suġġetta għall-applikazzjoni ta’ regoli proċedurali, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 11(6) u (7) tal-imsemmi regolament ( 5 ), li għandhom prinċipalment l-għan li jirregolaw it-trażmissjoni u l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni ( 6 ).

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, li la talba intiża għar-ritorn tal-wild fi Stat li ma jkunx l-Istat Membru li fih dan il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu u lanqas talba għall-kustodja tal-imsemmi wild imressqa quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru ma jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “talba għar-ritorn”, fis-sens tal-Artikolu 10(b) (i) tar-Regolament Nru 2201/2003.

Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni tapplika biss bejn Stati Membri, flimkien mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Għaldaqstant, l-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni previsti fl-Artikolu 11 (6) u (7) tal-imsemmi regolament kif ukoll in-natura eżekuttiva tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 11 (8) ma japplikawx fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn li tkun ġiet implimentata skont l-imsemmija konvenzjoni bejn pajjiż terz u Stat Membru li fih ikun jinsab il-wild wara tneħħija jew żamma illegali.


( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Huwa ma jikkorrispondi għal ebda isem veru ta’ xi parti fil-proċedura.

( 1 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ Responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

( 2 ) L-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja f’Berna (l-Iżvizzera).

( 3 ) Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili fis-Sekwestru Internazzjonali ta’ Minuri (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”).

( 4 ) Ara l-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003.

( 5 ) L-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika wkoll fil-proċedimenti ta’ ritorn skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

( 6 ) Fejn il-qorti tiddeċiedi li ma tirritornax il-wild skond l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta' Den Haag tal-1980, hija għandha tinforma lill-qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni jew lill-awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-wild ikun abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali.

Top