Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TJ0222

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-26 ta’ Lulju 2023.
    Engineering - Ingegneria Informatica SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea u L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka.
    Klawżola ta’ arbitraġġ – Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ‘Orizzont 2020’ (2014‑2020) – Proġett ‘aDvanced sOcial enGineering And vulNerability Assessment Framework (Dogana)’ – Ftehim ta’ sussidju – Rikors għal annullament – Rapport finali ta’ awditu – Nota ta’ debitu – Atti li ma jistgħux jiġu kkontestati – Atti li jaqgħu f’kuntest purament kuntrattwali li huma indissoċjabbli minnu – Inammissibbiltà – Identifikazzjoni tal-konvenut – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni – Spejjeż tal-persunal – Primjums ikkalkolati skont għanijiet kummerċjali – Ineliġibbiltà – Aspettattivi leġittimi.
    Kawża T-222/22.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:437

    Kawża T‑222/22

    Engineering – Ingegneria Informatica SpA

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea
    u
    L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas‑26 ta’ Lulju 2023

    “Klawżola ta’ arbitraġġ – Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ‘Orizzont 2020’ (2014‑2020) – Proġett ‘aDvanced sOcial enGineering And vulNerability Assessment Framework (Dogana)’ – Ftehim ta’ sussidju – Rikors għal annullament – Rapport finali ta’ awditu – Nota ta’ debitu – Atti li ma jistgħux jiġu kkontestati – Atti li jaqgħu f’kuntest purament kuntrattwali li huma indissoċjabbli minnu – Inammissibbiltà – Identifikazzjoni tal-konvenut – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni – Spejjeż tal-persunal – Primjums ikkalkolati skont għanijiet kummerċjali – Ineliġibbiltà – Aspettattivi leġittimi”

    1. Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Rapport finali ta’ awditu tal-Kummissjoni – Nota ta’ debitu maħruġa mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) – Esklużjoni – Atti li jaqgħu f’kuntest purament kuntrattwali u li huma indissoċjabbli minn dan tal-aħħar – Inammissibbiltà

      (Artikoli 263 TFUE u 272 TFUE)

      (ara l-punti 38 sa 48)

    2. Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ espressjoni tar-rieda tal-partijiet li jattribwixxulha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar tilwima kuntrattwali – Kuntratt konkluż bejn kumpannija u l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA) – Rikors tal-kumpannija kontraenti kontra l-Kummissjoni – Inamissibbiltà tar-rikors

      (Artikolu 272 TFUE)

      (ara l-punti 52, 54, 56)

    3. Industrija – Azzjonijiet neċessarji sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija – Riċerka u żvilupp teknoloġiku – Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020” – Ftehim ta’ sussidju – Spejjeż eliġibbli – Kunċett – Spejjeż tal-persunal – Primjums mogħtija lill-impjegati ta’ benefiċjarju, ikkalkolati skont għanijiet kummerċjali – Esklużjoni

      (ara l-punti 63 sa 66, 77 sa 84, 86 sa 92, 104, 105)

    Sunt

    Ir-rikorrenti, Engineering – Ingegneria Informatica, hija kumpannija li teżerċita attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp fis-settur tat-teknoloġija. Fl‑2015, fil-kuntest tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020” ( 1 ), Engineering International Belgium SA u benefiċjarji oħra, minn naħa, u l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA), min-naħa l-oħra, ikkonkludew ftehim ta’ sussidju dwar il-proġett intitolat “Qafas ta’ Evalwazzjoni tal-Inġinerija Soċjali Avvanzata u tal-Vulnerabbiltà”. Fl‑2017, ir-rikorrenti saret benefiċjarja tas-sussidju mogħti għal dan il-proġett.

    Matul l‑2021, il-Kummissjoni Ewropea wettqet awditu dwar l-eżekuzzjoni tal-ftehim ta’ sussidju. Matul dan l-awditu, l-istituzzjoni għamlet diversi aġġustamenti fir-rigward tal-ispejjeż eliġibbli u, b’mod iktar preċiż, naqqset dawn l-ispejjeż skont il-ftehim ta’ sussidju. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li l-ispejjeż korrispondenti għal ċerti primjums u kummissjonijiet (iktar ’il quddiem il-“primjums kontenzjużi”), imħallsa lil żewġ impjegati tar-rikorrenti u ddikjarati minn din tal-aħħar bħala spejjeż tal-persunal, la kienu sostnuti u lanqas neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-proġett u, għaldaqstant, ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà previsti mill-ftehim ta’ sussidju ( 2 ).

    F’Jannar 2022, ir-REA informat lir-rikorrenti li, skont l-awditu mwettaq mill-Kummissjoni, hija kellha l-intenzjoni li tirkupra somma ta’ EUR 9 049.14. Sussegwentement, fi Frar 2022, ir-REA kkonfermat l-irkupru ta’ dan l-ammont.

    Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kkontestat, bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, il-legalità tal-atti adottati fil-konfront tagħha mill-Kummissjoni u mir-REA. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 272 TFUE, hija talbet li tiġi kkonstatata n-natura eliġibbli tal-primjums kontenzjużi.

    Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat il-portata tal-kunċett ta’ “spejjeż eliġibbli”, fis-sens tal-istipulazzjonijiet standard tal-ftehimiet ta’ sussidju konklużi mill-istituzzjonijiet u mill-aġenziji tal-Unjoni fil-kuntest tal-programmi qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni, fir-rigward tal-ispejjeż tal-persunal, u b’mod iktar partikolari tal-primjums ikkalkolati skont għanijiet kummerċjali.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

    Fil-kuntest tal-eżami tal-motivi bbażati fuq il-ksur tal-ftehim ta’ sussidju, il-Qorti Ġenerali tirrileva, qabelxejn, li mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ( 3 ) jirriżulta li l-ispejjeż tal-persunal reali u indiretti huma eliġibbli bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li jkunu “sostnuti b’rabta mal-[proġett]” u li jkunu “neċessarji għall-eżekuzzjoni tiegħu”.

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tinnota li għandha tingħata interpretazzjoni tal-ftehim ta’ sussidju billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju ( 4 ). Fil-fatt, dan l-aħħar dokument, għalkemm ma huwiex vinkolanti, huwa ppubblikat u aċċessibbli għall-kontraenti kollha u jaqa’ għalhekk fil-kuntest li fih ġie konkluż il-ftehim ta’ sussidju. F’dan il-każ, dan il-mudell jeskludi, bħala ineliġibbli, żewġ kategoriji ta’ spejjeż distinti, jiġifieri, minn naħa, id-dividendi u l-profitti mħallsa lill-impjegati u, min-naħa l-oħra, is-supplimenti ta’ remunerazzjoni kkalkolati skont għanijiet kummerċjali jew skont għanijiet ta’ ġbir ta’ fondi. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ spejjeż ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “spejjeż sostnuti b’rabta mal-[proġett ikkonċernat] u neċessarji għall-eżekuzzjoni tiegħu” ( 5 ).

    Fir-rigward, minn naħa, tad-dividendi u tal-profitti mħallsa lill-impjegati, il-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju jindika li s-supplimenti ta’ remunerazzjoni varjabbli jew fissi bbażati fuq il-prestazzjoni finanzjarja globali tal-organizzazzjoni jistgħu madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikunu eliġibbli. B’hekk, l-ewwel kundizzjoni tikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn is-supplimenti, peress li l-imsemmi mudell jippreċiża li dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ somma f’daqqa jew ta’ perċentwali tar-remunerazzjoni bażika, iżda mhux dik ta’ ċertu perċentwali tal-profitt tal-kumpannija.

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-supplimenti ta’ remunerazzjoni kkalkolati skont għanijiet kummerċjali jew skont għanijiet ta’ ġbir ta’ fondi, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li, skont il-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju, il-primjums fissi jew varjabbli mogħtija bħala korrispettiv għat-twettiq ta’ tali għanijiet, bħal dawk li jieħdu l-forma ta’ ammont b’rata fissa kkundizzjonat għat-twettiq ta’ għan ta’ bejgħ jew ta’ ġbir ta’ fondi jew dik ta’ ċertu perċentwali tal-bejgħ jew tal-fondi miġbura, ma humiex eliġibbli.

    Għalhekk, is-supplimenti ta’ remunerazzjoni eliġibbli previsti fil-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju għandhom, l-ewwel nett, jiġu stabbiliti fil-livell tal-organizzazzjoni kollha kemm hi, sussegwentement, ikunu bbażati fuq il-prestazzjoni finanzjarja globali ta’ din l-organizzazzjoni u, fl-aħħar nett, ma jagħmlux riferiment għal għanijiet kummerċjali jew għal għanijiet ta’ ġbir ta’ fondi.

    Fl-aħħar nett, filwaqt li tiddeċiedi fuq in-natura eliġibbli jew le tal-primjums kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li s-sistema ta’ primjums stabbilita mir-rikorrenti hija bbażata fuq żewġ tipi ta’ għanijiet. L-ewwel, ċerti għanijiet, u b’mod partikolari dawk marbuta mal-marġni fuq ordni partikolari u mal-marġni ta’ kontribuzzjoni, huma ddefiniti fid-dawl jew ta’ ordni speċifika, jew tal-attività ta’ diviżjoni tar-rikorrenti matul is-sena. Tali għanijiet huma ta’ natura kummerċjali u ma humiex marbuta mal-prestazzjonijiet finanzjarji globali tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-primjums mogħtija minħabba l-imsemmija għanijiet huma kkundizzjonati u direttament proporzjonali għall-marġnijiet imwettqa. It-tieni, l-għan relatat mal-eċċess gross tal-operat huwa marbut mal-prestazzjonijiet finanzjarji globali tar-rikorrenti u tal-kumpanniji l-oħra tal-grupp tagħha, iżda dan ma jittiħidx inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkolat primjum awtonomu. Fil-fatt, huwa jintuża biss sabiex jaġġusta l-ammont tal-primjums mogħtija minħabba l-ewwel għanijiet, li huwa ammont li jiddependi mit-twettiq ta’ għanijiet kummerċjali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-primjums imħallsa mir-rikorrenti lill-impjegati tagħha ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà previsti mill-ftehim ta’ sussidju, sa fejn dawn huma essenzjalment ibbażati fuq għanijiet kummerċjali u sa fejn l-ispejjeż marbuta miegħu la huma sostnuti b’rabta mal-proġett u lanqas huma neċessarji għall-eżekuzzjoni tiegħu.


    ( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014‑2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU 2013, L 347, p. 104, rettifika fil-ĠU 2015, L 6, p. 6).

    ( 2 ) Skont l-Artikolu 6.1(a)(iv) tal-ftehim ta’ sussidju, l-ispejjeż reali huma eliġibbli bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li jkunu “sostnuti b’rabta mal-[proġett] u neċessarji għall-eżekuzzjoni tiegħu”.

    ( 3 ) Artikolu 6.1(a)(iv) u Artikolu 6.2(A.1) tal-ftehim ta’ sussidju.

    ( 4 ) Dan id-dokument huwa intiż li jispjega l-mudell ġenerali tal-ftehim ta’ sussidju mfassal mill-Kummissjoni u li jippermetti lill-utenti jifhmu u jinterpretaw il-ftehimiet ta’ sussidju redatti abbażi ta’ dan il-mudell.

    ( 5 ) Fis-sens tal-Artikolu 6.1(a)(iv) tal-mudell ġenerali tal-ftehim ta’ sussidju.

    Top