Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0760

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Lulju 2024.
    Proċedura kriminali kontra FP et.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Dritt ta’ persuna li tkun preżenti waqt il-proċess tagħha – Possibbiltà għal akkużat li jipparteċipa fis-seduti tal-proċess tiegħu permezz ta’ videokonferenza.
    Kawża C-760/22.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:574

    Kawża C‑760/22

    FP
    u
    QV
    u
    IN
    u
    YL
    u
    VD
    u
    JF
    u
    OL

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski gradski sad)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal‑4 ta’ Lulju 2024

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Dritt ta’ persuna li tkun preżenti waqt il-proċess tagħha – Possibbiltà għal akkużat li jipparteċipa fis-seduti tal-proċess tiegħu permezz ta’ videokonferenza”

    Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti għal proċess tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Direttiva 2016/343 – Dritt ta’ persuna li tkun preżenti waqt il-proċess tagħha – Parteċipazzjoni tal-akkużat, fuq it-talba espressa tiegħu, fis-seduti tal-proċess tiegħu permezz tal-videokonferenza – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Rispett tad-dritt għal smigħ xieraq

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/343, Artikoli 1 u 8(1))

    (ara l-punti 26 sa 30, 59 u d-dispożittiv)

    Sunt

    Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat ruħha fir-rigward tal-possibbiltà, għal persuna akkużata, li tipparteċipa fis-seduti tal-proċess kriminali tagħha permezz ta’ videokonferenza.

    FP kien ġie akkużat mill-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, il-Bulgarija) li pparteċipa f’organizzazzjoni kriminali maħluqa għal finijiet ta’ arrikkiment u bl-għan li twettaq reati fiskali. Fit-12 ta’ Ottubru 2021, huwa ħa sehem fl-ewwel seduta pubblika tal-proċess tiegħu permezz ta’ videokonferenza. Huwa ddikjara li xtaq jipparteċipa fil-proċess online peress li kien jgħix u jaħdem fir-Renju Unit. L-avukat tiegħu, li kien fiżikament preżenti fl-awla, indika li l-klijent tiegħu kellu għarfien tad-dokumenti kollha tal-kawża. Barra minn hekk, matul is-seduta, kull dokument ġdid seta’ jintbagħat lil FP b’mod elettroniku għall-finijiet ta’ eżami fi żmien xieraq, u l-konsultazzjonijiet bejn dan tal-aħħar u l-avukat tiegħu setgħu jiġu organizzati b’mod kunfidenzjali permezz ta’ konnessjoni separata.

    Il-Qorti Kriminali adita mbagħad bil-kawża ( 1 ) awtorizzat lil FP sabiex jipparteċipa fil-proċess permezz ta’ videokonferenza, abbażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà li s-seduti pubbliċi jinżammu mill-bogħod matul l-istat ta’ emerġenza jew is-sitwazzjoni epidemika straordinarja u għal xahrejn wara t-tneħħija tagħha ( 2 ). Issa, din id-dispożizzjoni kienet applikabbli biss sal-31 ta’ Mejju 2022. B’hekk, filwaqt li, qabel din id-data, FP effettivament ipparteċipa permezz ta’ videokonferenza fil-parti l-kbira tas-seduti tal-proċess tiegħu, matul dik tat-13 ta’ Ġunju 2022, dik il-qorti kellha dubji dwar jekk din il-possibbiltà kinitx għadha teżisti skont id-dritt Bulgaru.

    Fl-assenza ta’ bażi legali fid-dritt nazzjonali li kienet tippermetti espressament l-użu tal-videokonferenza, il-qorti tar-rinviju staqsiet dwar jekk il-possibbiltà offruta lil persuna akkużata li tipparteċipa fis-seduti tal-proċess tagħha bl-użu ta’ din it-teknika kinitx kompatibbli mad-Direttiva 2016/343 ( 3 ), b’mod partikolari mal-Artikolu 8(1) ta’ din tal-aħħar ( 4 ).

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li mill-ġurisprudenza tagħha jirriżulta li, abbażi tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, persuna akkużata għandha tkun f’pożizzjoni li tidher personalment għas-seduti li jinżammu fil-kuntest tal-proċess li għalih hija tkun suġġetta, mingħajr ma din id-direttiva ma tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu obbligu għal kull persuna ssuspettata jew akkużata li tkun preżenti għall-proċess tagħha ( 5 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li mill-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza fil-kuntest tal-proċeduri kriminali kif ukoll id-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, u mhux li titwettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tal-proċedura kriminali.

    Mill-premess jirriżulta li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 ma jirregolax il-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jipprevedu li l-akkużat jista’, fuq talba espressa tiegħu, jipparteċipa fis-seduti tal-proċess kriminali tiegħu permezz ta’ videokonferenza, peress li tali kwistjoni taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li akkużat ikun jista’, fuq talba espressa tiegħu, jipparteċipa fis-seduti tal-proċess tiegħu permezz ta’ videokonferenza, b’dan li d-dritt għal smigħ xieraq għandu, madankollu, jiġi ggarantit.


    ( 1 ) Il-qorti adita inizjalment bil-kawża kienet l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija). Madankollu, wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Lulju 2022, din ġiet xolta u l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ ċerti kawżi kriminali mressqa quddiem din il-qorti, fosthom il-kawża prinċipali, ġiet ittrasferita lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija).

    ( 2 ) L-Artikolu 6a(2) taż-Zakon za merkite i deystviyata po vreme na izvanrednoto polozhenie, obyaveno s reshenie na Narodnoto sabranie ot 13.03.2020 g. i za preodolyavane na posleditsite (il-Liġi dwar il-Miżuri u l-Azzjonijiet Meħuda Waqt l-Istat ta’ Emerġenza Ddikjarat fid-Deċiżjoni tal-Assemblea Nazzjonali tat-13 ta’ Marzu 2020 u dwar il-Ġestjoni tal-Effetti).

    ( 3 ) Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

    ( 4 ) L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom”.

    ( 5 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 40), kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2022, HYA et (Impossibbiltà li jiġu eżaminati x-xhieda tal-prosekuzzjoni) (C‑348/21, EU:C:2022:965, punti 3436).

    Top